Proċedura : 2016/2747(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0738/2016

Testi mressqa :

B8-0738/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/06/2016 - 12.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0270

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 468kWORD 77k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0733/2016
1.6.2016
PE596.904v01-00
 
B8-0738/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-interferenti endokrinali: sitwazzjoni wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2015 (2016/2747(RSP))


Gerben-Jan Gerbrandy f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-interferenti endokrinali: sitwazzjoni wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2015  (2016/2747(RSP))  
B8-0738/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali(1),

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni biex tiddefinixxi kriterji għall-identifikazzjoni ta' Interferenti Endokrinali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti u r-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali(2),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2015 fil-kawża T-521/14 (kawża mressqa mill-Iżvezja kontra l-Kummissjoni, l-Iżvezja appoġġata mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza u l-Olanda)(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 265 u 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-ittra tat-22 ta' Marzu 2016 mill-President Jean-Claude Juncker lill-President tal-Parlament Ewropew ((2016)1416502),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mit-13 ta' Diċembru 2013, tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali ta' sustanzi attivi u prodotti bijoċidali;

B.  billi l-Kummissjoni għadha ma adottatx il-kriterji xjentifiċi, li issa huma aktar minn sentejn u nofs tard;

C.  billi l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddikjarat fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Diċembru 2015 fil-Kawża T-521/14 li l-Kummissjoni kisret il-liġi tal-Unjoni meta naqset milli tadotta atti delegati li jispeċifikaw kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali;

D.  billi l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tagħha li l-Kummissjoni kellha obbligu ċar, preċiż u mingħajr kundizzjonijiet li tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-kriterji xjentifiċi msemmija hawn fuq sa mhux aktar tard mit-13 ta' Diċembru 2013;

E.  billi l-Qorti ddikjarat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 528/2012 ma kienet teħtieġ valutazzjoni tal-impatt ta' kriterji xjentifiċi bbażati fuq il-periklu, u anke kieku l-Kummissjoni qieset li tali valutazzjoni tal-impatt kienet meħtieġa, din ma kinitx teżentaha milli tirrispetta l-iskadenza stabbilita fir-Regolament (il-paragrafu 74 tas-sentenza);

F.  billi, barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet li l-ispeċifikazzjoni ta' kriterji xjentifiċi jistgħu biss jitwettqu b'mod oġġettiv abbażi ta' data xjentifika rigward is-sistema endokrinali, indipendentement minn kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra, b'mod partikolari dik ekonomika (il-paragrafu 71 tas-sentenza); billi, b'hekk, il-Qorti ċċarat li valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku mhijiex adattata biex tittieħed deċiżjoni dwar kwistjoni xjentifika;

G.  billi, barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-setgħat delegati lilha mil-leġiżlatur, ma tistax tikkontesta l-bilanċ regolatorju stabbilit mil-leġiżlatur bejn it-titjib tas-suq intern u l-protezzjoni tas-saħħa kemm tal-bniedem u kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent (il-paragrafu 72 tas-sentenza); billi, f'dan il-kuntest, il-Qorti ċċarat li mhux xieraq li l-Kummissjoni tivvaluta l-bidliet regolatorji tal-leġiżlazzjoni settorjali bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt relatata mal-adozzjoni ta' att delegat;

H.  billi, skont l-Artikolu 266 tat-TFUE, l-istituzzjoni li n-nuqqas tagħha li taġixxi jkun ġie iddikjarat kuntrarju għat-Trattati għandha tkun marbuta li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

I.  billi fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew ta' Frar 2016, Vytenis Andriukaitis, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel, ħabbar li l-Kummissjoni xorta waħda se tkompli tmexxi valutazzjoni tal-impatt, billi tikkunsidraha bħala "għodda utli u anki essenzjali biex tiggwida d-deċiżjoni futura tagħha dwar il-kriterji";

J.  billi l-Kummissjoni hija obbligata twettaq valutazzjonijiet tal-impatt għal inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li huma mistennija li jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti biex jiġu identifikati soluzzjonijiet alternattivi, u dan ifisser li l-valutazzjonijiet tal-impatt huma għodod prezzjużi li jgħinu lir-regolaturi jivvalutaw l-għażliet ta politika wara li l-kwistjonijiet xjentifiċi rilevanti jkunu ġew iċċarati;

K.  billi l-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker ikkonferma fl-ittra tiegħu tat-22 ta' Marzu 2016 lill-President tal-Parlament, Martin Schulz, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li l-ewwel titlob l-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju dwar il-valutazzjoni tal-impatt qabel ma tiddeċiedi dwar il-kriterji xjentifiċi;

L.  billi, għaldaqstant, ma hemm l-ebda dubju li l-Kummissjoni għadha ma ħaditx azzjoni biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti, iżda, pjuttost, baqgħet tippersisti fil-ksur tal-liġi tal-UE kif iddikjarat mill-Qorti, u għalhekk issa hija wkoll fi ksur tal-Artikolu 266 tat-TFUE;

M.  billi huwa assolutament inaċċettabbli li l-Kummissjoni, bħala l-Gwardjana tat-Trattati, ma tikkonformax mat-Trattati;

1.  Jaqbel mal-Qorti Ġenerali li mhuwiex xieraq li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku għad-determinazzjoni ta' kwistjoni xjentifika u li l-Kummissjoni mhijiex intitolata tbiddel il-bilanċ regolatorju stipulat f'att bażiku permezz tal-applikazzjoni tas-setgħat delegati lilha skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, aspett li, madankollu, il-Kummissjoni tevalwa bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt tagħha;

2.  Jikkundanna lill-Kummissjoni mhux biss għan-nuqqas li tikkonforma mal-obbligu tagħha li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012, iżda wkoll għan-nuqqas li tikkonforma mal-obbligi istituzzjonali tagħha kif stabbiliti fit-Trattati nfushom, b'mod partikolari fl-Artikolu 266 tat-TFUE;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma immedjatament mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 266 tat-TFUE u biex minnufih tadotta kriterji xjentifiċi bbażati fuq il-periklu għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta' interferenti endokrinali;

4.  Jappoġġja l-użu ta' valutazzjonijiet tal-impatt mill-Kummissjon għall-inizjattivi tagħha fl-istadju xieraq tal-proċess regolatorju sabiex ittejjeb il-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u t-tfassil tal-liġi billi tivvaluta l-għażliet ta' politika u l-konsegwenzi tagħhom wara li jkunu ġew riżolti kwistjonijiet xjentifiċi;

5.  Iqis din ir-Riżoluzzjoni bħala avviż lill-Kummissjoni biex taġixxi fis-sens tal-Artikolu 265 tat-TFUE;

6.  Jirriserva d-dritt tiegħu skont l-Artikolu 265 tat-TFUE li jressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 266 tat-TFUE, jekk il-Kummissjoni ma tiddefinixxix il-pożizzjoni tagħha fix-xahrejn li ġejjin;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill u lill-President tal-Kummissjoni, kif ukoll biex jinnotifika r-riżultat tal-votazzjoni dwarha fis-seduta plenarja.

 

(1)

ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)

http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/planned_ia/docs/2014_env_009_endocrine_disruptors_en.pdf

(3)

http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf;jsessionid=9ea7d2dc30d51da24ab07e534c8a920ba78762970884.e34KaxiLc3qMb40Rch0SaxuTa3r0?text=&docid=173067&pageIndex=0&doclang=FR&mode=lst&dir=&occ=first&part=1&cid=717530

Avviż legali