Proċedura : 2016/2800(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0840/2016

Testi mressqa :

B8-0840/2016

Dibattiti :

PV 28/06/2016 - 4
CRE 28/06/2016 - 4

Votazzjonijiet :

PV 28/06/2016 - 5.1
CRE 28/06/2016 - 5.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 398kWORD 66k
24.6.2016
PE585.270v01-00
 
B8-0840/2016

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit (2016/2800(RSP))


Gabriele Zimmer, Martina Anderson, Barbara Spinelli

f'isem il-Grupp GUE/NGL

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit (2016/2800(RSP))  
B8-0840/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  wara li kkunsidra l-fatt storiku li l-poplu ta' Stat Membru ddeċieda li joħroġ mill-Unjoni Ewropea wara referendum;

B.  wara li kkunsidra r-riżultat tar-referendum li fih il-poplu tar-Renju Unit ivvota b'mod ċar favur Brexit; billi l-kritika li qed tiżdied kontra l-UE ma tistax tiġi injorata, iżda għandha tiġi indirizzata permezz ta' aġenda ta' riforma komprensiva li tiżgura trasparenza, ftuħ u demokratizzazzjoni, inkluża parteċipazzjoni aktar b'saħħitha miċ-ċittadini;

C.  billi r-riżultat tar-referendum juri li l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali li qed jiżdiedu bejn u fi ħdan l-Istati Membri jirrapreżentaw theddida prinċipali għall-istabbiltà u l-koeżjoni fl-UE;

D.  billi l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi l-possibbiltà ta' Stat Membru li joħroġ mill-Unjoni;

E.  billi l-ftehim li ntlaħaq fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Frar 2016, bejn David Cameron, f'isem il-Gvern Ingliż, u l-Unjoni Ewropea, issa huwa null u invalidu;

1.  Jirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu tar-Renju Unit, li għandha titqies bħala sfida biex tinbena Ewropa oħra;

2.  Jitlob li l-Artikolu 50 tat-TUE jiġi invokat b'mod immedjat;

3.  Ifakkar li l-approvazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa skont l-Artikolu 50 tat-TUE u jitlob li l-Parlament ikun involut fl-istadji kollha tal-proċeduri ta' negozjar rigward il-ftehim dwar il-ħruġ;

4.  Ifakkar li d-deċiżjonijiet kollha rigward ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, wara l-ħruġ tar-Renju Unit, għandhom ikunu r-riżultat ta' proċess demokratiku li għandu jinvolvi kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;

5.  Jenfasizza li r-riżultat tar-referendum juri li hija meħtieġa Ewropa oħra u li din għandha tinbena bi qbil mal-popli, li jistennew deċiżjonijiet konkreti dwar kwistjonijiet soċjali bħall-impjieg, it-trasparenza, il-welfare u r-rifjut ta' miżuri ta' awsterità;

6.  Jenfasizza li r-riżultat tar-referendum u d-deċiżjoni tal-poplu Brittaniku juru b'mod ċar li l-UE għaddejja minn kriżi profonda, li hija r-riżultat ta' politiki ta' awsterità neoliberali u tal-erożjoni tad-demokrazija; iqis, għalhekk, li wasal iż-żmien li l-UE tindirizza l-problemi reali ffaċċjati mill-popli permezz ta' bidla radikali tal-politika li għandha tissodisfa l-aspettattivi tal-popli;

7.  Jafferma mill-ġdid id-difiża tal-valuri tad-demokrazija, il-paċi, it-tolleranza, il-progress, is-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn il-popli; jiddenunzja l-forzi nazzjonalisti tal-lemin estrem li qed jiżdiedu, u jenfasizza l-fatt li t-triq għall-ġejjieni għandha tkun ibbażata fuq Ewropa li tieħu responsabbiltà akbar għall-akkoljenza tar-rifuġjati, minflok ma tagħlaq il-fruntieri tagħha għal dawk li qed jaħarbu l-gwerer u l-kunflitti;

8.  Jinnota li l-poplu tal-Irlanda ta' Fuq ivvota biex jibqa' fl-UE; jemmen li l-Gvern tar-Renju Unit tilef kwalunkwe mandat biex jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini tal-Irlanda ta' Fuq fir-rigward tal-UE;

9.  Jemmen li teżisti l-esiġenza demokratika għal referendum dwar l-unità Irlandiża skont il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira;

10.  Jistieden lill-UE tkompli tappoġġja l-proċess ta' paċi fl-Irlanda;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Avviż legali