Proċedura : 2016/2600(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0863/2016

Testi mressqa :

B8-0863/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2016 - 6.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0313

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 413kWORD 74k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0853/2016
29.6.2016
PE585.300v01-00
 
B8-0863/2016

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-0702/2016 u B8-0703/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015-2016 (2016/2600(RSP))


Linnéa Engström, Benedek Jávor, Bart Staes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015-2016 (2016/2600(RSP))  
B8-0863/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-moratorju internazzjonali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni, iddikjarat mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar in-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2014-5 dwar il-kaċċa għall-balieni b'permess speċjali (l-hekk imsejħa kaċċa għall-balieni għal skopijiet xjentifiċi), adottata mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni fil-65 laqgħa annwali tagħha fis-Slovenja fl-2014,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 2014 fil-kawża li tikkonċerna l-kaċċa għall-balieni fl-Antartiku (l-Awstralja vs il-Ġappun: New Zealand intervenjenti), li kkonkludiet li l-kaċċa għall-balieni mwettqa mill-Ġappun ma kinitx għal skopijiet ta' riċerka xjentifika,

–  wara li kkunsidra l-programm l-ġdid tal-Ġappun dwar il-kaċċa tal-balieni fl-Oċean Antartiku (NEWREP-A),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015-2016 (O-000058/2016 – B8-0702/2016 u O-000059/2016 – B8-0703/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC) ipprojbixxiet il-kaċċa kummerċjali għall-balieni ta' kull speċi ta' baliena kbira fl-1982, u din il-projbizzjoni daħlet fis-seħħ fl-1986;

B.  billi l-Ġappun, minkejja din il-projbizzjoni internazzjonali, kompla l-kaċċa għall-balieni għal dawk hekk imsejħa skopijiet xjentifiċi, u qatel aktar minn 17 000 baliena(2) fil-perjodu bejn l-1986, meta l-projbizzjoni daħlet fis-seħħ, u 2008/2009;

C.  billi l-kaċċa għall-balieni mill-Ġappun tikkawża tbatija enormi lil annimali individwali u thedded l-istatus ta' konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-balieni b'mod ġenerali;

D.  billi l-ispeċi kollha ta' balieni kbar huma elenkati fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES);

E.  billi l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) fis-sentenza tagħha tal-31 ta' Marzu 2014 irrifjutat il-programm ta' kaċċa għall-balieni għal skopijiet xjentifiċi tal-Ġappun u kkunsidrat li l-permessi speċjali mogħtija mill-Ġappun għall-qtil, il-qbid u t-trattament tal-balenottera kbira mbaċċa, il-balena tal-ġwienaħ kbar u l-balenottera żgħira Antartika ma jidħlux fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu VIII, paragrafu 1, tal-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni, u lanqas ma huma konformi mal-obbligi tagħha riżultanti mid-diversi paragrafi tal-Iskeda għall-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni;

F.  billi, minkejja dan il-verdett tal-QIĠ, il-Ġappun, wara interruzzjoni fl-2014, reġa' beda l-attivitajiet tal-kaċċa għall-balieni fl-2015 abbażi tan-NEWREP-A;

G.  billi l-Ġappun ilu, għal ħafna snin, involut fil-kummerċ tal-laħam u l-prodotti tal-balieni, minkejja l-fatt li huma elenkati fl-Appendiċi I tas-CITES;

H.  billi taħt il-programm NEWREP-A, il-Ġappun qed jippjana li jikkaċċja total ta' 3 996 balenottera żgħira matul perjodu ta' 12-il sena;

I.  billi l-bord espert tax-xjentisti tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni, li kkunsidra u rreveda n-NEWREP-A, ikkonkluda li l-proposta ma turix il-ħtieġa għal kampjuni letali biex jinkisbu l-objettivi ddikjarati;

J.  billi l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jappoġġjaw iż-żamma tal-moratorju globali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni u projbizzjoni tal-kummerċ internazzjonali ta' prodotti li ġejjin mill-balieni, jimpenjaw ruħhom li jwaqqfu l-kaċċa għal dawk hekk imsejħa skopijiet xjentifiċi u jappoġġjaw id-deżinjazzjoni ta' żoni vasti tal-oċeani u tal-ibħra bħala santwarji marini, li fihom il-kaċċa għall-balieni, taħt kwalunkwe forma, hija pprojbita għal żmien indefinit;

K.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kkritikaw lill-Ġappun talli kompla bl-attivitajiet u talli ma qiesx b'mod suffiċjenti l-gwida li tinsab fl-opinjoni tal-QIĠ tal-2014; billi f'Diċembru 2015 huma ngħaqdu man-New Zealand f'passi kontra l-Gvern tal-Ġappun;

L.  billi n-negozjati dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun (FTA) tniedu uffiċjalment fil-25 ta' Marzu 2013;

M.  billi l-politiki kummerċjali għandhom, fost l-oħrajn, iservu bħala mezz sabiex jittejbu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-benesseri tal-annimali u l-ħarsien tal-ambjent, inkluż il-ħarsien ta' mammiferi marini;

1.  Jitlob lill-Ġappun jirrispetta d-deċiżjoni tal-QIĠ u jwaqqaf l-attivitajiet ta' kaċċa għall-balieni min-naħa tiegħu;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iħeġġu lill-Ġappun, fil-kuntest tan-negozjati attwali għal FTA bejn l-UE u l-Ġappun, biex jirrispetta l-obbligi legali internazzjonali tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħarsien ta' mammiferi marini;

3.  Jiddikjara li t-tkomplija tal-attivitajiet ta' kaċċa għall-balieni min-naħa tal-Ġappun tikkostitwixxi ostaklu għall-konklużjoni tal-FTA bejn l-UE u l-Ġappun;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqajmu l-kwistjoni tan-nuqqas tal-Ġappun li josserva d-deċiżjoni tal-QIĠ f'kull laqgħa mar-rappreżentanti tal-Gvern tal-Ġappun u jħeġġu lill-Ġappun jerġa' jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu;

5.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jadottaw, meta jkunu qed jabbozzaw pożizzjoni komuni aġġornata tal-UE dwar il-kaċċa għall-balieni wara IWC66 f'Ottubru, approċċ li jkun mill-inqas prekawzjonarju daqs il-pożizzjoni komuni attwali (proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-ħames laqgħat li jmiss tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni, inkluż fil-laqgħat ta' bejn is-sessjonijiet relatati magħhom, fir-rigward tal-proposti għal emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Regolazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni u l-Iskeda tagħha (COM(2011)0495));

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tal-Ġappun.

(1)

ĠU C 72 E, 11.3.2014, p. 16.

(2)

http://d2ouvy59p0dg6k.cloudfront.net/downloads/iwc61_whales_killed_final.pdf

Avviż legali