MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 417kWORD 72k
29.6.2016
PE585.303v01-00
 
B8-0866/2016

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2016/2774(RSP))


Ryszard Antoni Legutko, Anna Elżbieta Fotyga, Charles Tannock, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Hans-Olaf Henkel, Zdzisław Krasnodębski, Zbigniew Kuźmiuk, Edward Czesak, Kosma Złotowski, Jadwiga Wiśniewska, Kazimierz Michał Ujazdowski, Bolesław G. Piecha, Beata Gosiewska, Stanisław Ożóg, Sławomir Kłosowski

f'isem il-Grupp ECR

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2016/2774(RSP))  
B8-0866/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jiddefinixxu l-kategoriji u l-oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Parlament Ewropew għall-Polonja u għar-Renju Unit;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Nru 1 dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Nru 61 tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern Pollakk attwali għandu l-aktar mandat demokratiku qawwi fl-istorja tal-pajjiż minn mindu waqa' l-Komuniżmu;

B.  billi skont l-Artikoli 2 sa 6 tat-TFUE, l-oqsma tal-moralità pubblika u d-dritt tal-familja huma esklużi mill-kompetenzi tal-UE u jibqgħu esklużivament fl-isfera tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Istati Membri;

C.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tapplika għall-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri meta jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE;

D.  billi l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja hija ristretta kif stipulat fil-Protokoll Nru 30; billi, barra minn hekk, id-Dikjarazzjoni Nru 61 tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tenfasizza li "[l-]Karta ma taffettwa bl-ebda mod id-dritt ta' Stat Membru li jilleġisla fil-qasam tal-moralità pubblika, id-dritt tal-familja kif ukoll il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem u r-rispett għall-integrità fiżika u morali tal-bniedem";

E.  billi d-Dikjarazzjoni Nru 1 dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tistipula li "[l-]Karta ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni, u la toħloq kompetenzi jew kompiti ġodda għall-Unjoni, u lanqas timmodifika l-kompetenzi u l-kompiti kif definiti fit-Trattati";

F.  billi l-Gvern Pollakk ma għandu l-ebda pjan biex jibdel il-liġijiet dwar l-abort li jinsabu fis-seħħ fil-preżent; billi grupp ta' NGOs, bħala parti minn moviment ċiviku, qed jiġbor il-firem fil-kuntest ta' mozzjoni intiża biex temenda l-liġijiet dwar l-abort; billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bit-titolu "Wieħed Minna", maħsuba biex twaqqaf lill-UE milli tiffinanzja l-abort jew ir-riċerka embrijonika, ġabret 1,8 miljun firma madwar l-UE kollha u laħqet il-kwota minima f'20 Stat Membru;

G.  billi l-inizjattivi taċ-ċittadini huma waħda mill-għodod ewlenin għal kull soċjetà biex teżerċita d-drittijiet demokratiċi tagħha; billi dan ġie rikonoxxut mill-UE permezz tal-introduzzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

H.  billi l-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni mal-Gvern Pollakk dwar it-Tribunal Kostituzzjonali jinsabu għaddejjin bħalissa; billi wara l-aħħar żjara tiegħu fil-Polonja, il-Kummissarju Timmermans enfasizza li "l-Gvern Pollakk għandu d-dritt sħiħ li jimplimenta kwalunkwe programm li wiegħed lill-votanti" u rrakkomanda li jitkompla l-format attwali taż-żjarat tiegħu fil-Polonja;

1.  Jissottolinja li skont il-Protokoll Nru 30, il-Polonja mhijiex marbuta bil-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sakemm dawn il-prinċipji ma jkunux rikonoxxuti fil-liġi jew fil-prattiki tal-Polonja;

2.  Jenfasizza li l-Artikolu 5 tat-TUE, li jiddefinixxi l-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiddikjara li "fl-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri";

3.  Jissottolinja li oqsma bħal-libertà u l-ġustizzja, kif ukoll l-ambjent, huma kompetenzi kondiviżi skont l-Artikolu 4 tat-TFUE, li l-kultura hija qasam fejn l-UE tista' biss twettaq azzjoni biex tappoġġa jew tikkoordina l-azzjoni tal-Istati Membri, u li l-oqsma tal-moralità pubblika u d-dritt tal-familja huma esklużi mill-kompetenza tal-UE;

4.  Jenfasizza, għalhekk, li l-leġiżlazzjoni l-ġdida fil-Polonja, bħall-Att kontra t-Terroriżmu, u l-emendi għall-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, l-Att dwar il-Prosekuzzjoni jew l-Att dwar is-Servizz tax-Xandir Pubbliku, m'għandhomx jinvolvu lill-istituzzjonijiet tal-UE, peress li skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà l-għanijiet tagħhom jintlaħqu l-aħjar mill-awtoritajiet Pollakki;

5.  Itenni li l-ebda liġi ġdida dwar l-abort mhi qed titressaq fil-Parlament Pollakk u jopponi bil-qawwa kwalunkwe interferenza mill-istituzzjonijiet tal-UE fl-oqsma tal-moralità pubblika u d-dritt tal-familja, li jistgħu jiġu indirizzati biss fil-livell tal-Istati Membri;

6.  Jinnota li l-konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Polonja jinsabu għaddejjin fil-preżent; jenfasizza li l-Ispeaker tas-Sejm tar-Repubblika tal-Polonja (il-kamra inferjuri tal-Parlament Pollakk) ħatar grupp ta' esperti, miftuħ għal rappreżentanti tal-partiti parlamentari kollha, bil-kompitu li jħejji rakkomandazzjonijiet għal aktar ħidma parlamentari u li japplika, bl-aktar mod mifrux possibbli, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja għal dan il-qasam kollu kemm hu; jissottolinja li dan il-grupp temm ħidmitu u r-riżultati ġew trasferiti uffiċjalment lill-Kummissjoni;

7.  Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri jħarsu lejn ir-riżultati tar-referendum tat-23 ta' Ġunju 2016 fir-Renju Unit bħala sinjal importanti ta' skuntentizza ġenerali; jistedinhom jirriflettu dwar il-mod kif l-Unjoni għandha tiġi riformata sabiex tqarreb il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet lejn iċ-ċittadini u tiggarantixxi konformità akbar mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija Permezz tad-Dritt.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza