Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0948/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0948/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  dwar it-talba għal iżjed sforzi għall-promozzjoni tat-tneħħija tal-inugwaljanzi fis-sistemi edukattivi bejn il-bliet u l-periferiji u biex jingħata inċentiv għall-edukazzjoni ekwa u ta' kwalità

12.7.2016

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Aldo Patriciello

B8-0948/2016

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-talba għal iżjed sforzi għall-promozzjoni tat-tneħħija tal-inugwaljanzi fis-sistemi edukattivi bejn il-bliet u l-periferiji u biex jingħata inċentiv għall-edukazzjoni ekwa u ta' kwalità

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill 2010/C 135/02,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM/2006/0481 final,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-politika tal-edukazzjoni u tat-taħriġ professjonali tal-Unjoni Ewropea għandha tiżgura liċ-ċittadini kollha l-possibbiltà li jgawdu minn edukazzjoni ta' kwalità;

B.  billi l-edukazzjoni u l-aċċess għall-kultura jippermettu l-ksib tal-għarfien u l-ħiliet neċċessarji għad-definizzjoni u l-bini ta' futur dinjituż u sodisfaċenti minn diversi perspettivi;

C.  billi fid-diversi sistemi edukattivi għadhom jeżistu disparitajiet bejn il-bliet u l-periferiji;

D.  billi l-preżenza ta' individwi li spiss huma emarġinati u żvantaġġati fir-realtajiet periferiċi twassal għal livell ta' edukazzjoni, u ta' tagħlim sussegwenti, mhux komparabbli mal-livelli milħuqa fil-bliet;

E.  billi l-klassi soċjali li tagħha dak li jkun jagħmel parti taffettwa r-riżultati skolastiċi u billi din l-influwenza tvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha sabiex tgħin lill-Istati Membri jneħħu l-inugwaljanzi li jeżistu bħalissa fit-territorji bis-saħħa tal-promozzjoni ta' edukazzjoni ekwa u ta' kwalità.