Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1053/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1053/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti ta' Caterpillar u Alstom

28.9.2016 - (2016/2891(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Patrick Le Hyaric, Neoklis Sylikiotis, Paloma López Bermejo, Thomas Händel, Tania González Peñas, Lynn Boylan, Sofia Sakorafa, Eleonora Forenza, Marisa Matias, Josu Juaristi Abaunz, Jean-Luc Mélenchon, Xabier Benito Ziluaga, Younous Omarjee, Lola Sánchez Caldentey, Martina Anderson, Estefanía Torres Martínez, Matt Carthy, Miguel Urbán Crespo, Marie-Christine Vergiat, Liadh Ní Riada, Javier Couso Permuy, Gabriele Zimmer, Merja Kyllönen, Stelios Kouloglou, Ángela Vallina, Takis Hadjigeorgiou f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2016/2891(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1053/2016
Testi mressqa :
B8-1053/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1053/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti ta' Caterpillar u Alstom

(2016/2891(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2014 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar impjiegi u aspetti soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni[3],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, u b’mod partikolari l-Artikoli 22 u 23 tagħha dwar id-drittijiet ekonomiċi u soċjali u d-dritt għax-xogħol,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Kapitolu IV tagħha dwar is-solidarjetà,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 6 u 147 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrikjedi li kemm l-Istati Membri kif ukoll l-UE jiżguraw il-kompetittività tal-industrija Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 173 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 TFUE dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, b'mod partikolari fl-oqsma affettwati mit-tranżizzjoni industrijali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-industrija tal-azzar u dwar ir-ristrutturar, it-trasferiment u l-għeluq ta' kumpaniji fl-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar strateġiji reġjonali għaż-żoni industrijali fl-Unjoni Ewropea[5],

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tat-12 ta’ Frar 2013 tar-Round Table ta’ Livell Għoli dwar il-futur tal-industrija Ewropea tal-azzar,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kunsill tal-Kompetittività tat-18 u d-19 ta' Frar 2013 li ħeġġet lill-Kummissjoni tressaq pjan ta' azzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi tħabbar l-għeluq ta’ Caterpillar fil-Belġju, bir-riżultat li aktar minn 2 000 persuna spiċċaw mingħajr impjieg, bl-intenzjoni li l-attivitajiet tas-sit ta’ din il-kumpanija jiġu trasferiti lejn Franza u impjanti oħra barra mill-Ewropa; billi din l-aħbar hija marbuta ma’ pjan globali ta’ ristrutturar u tfaddil tal-ispejjeż imħabbar f’Settembru 2015, li jista’ jagħmel ħsara kollaterali lil ħafna subkuntratturi oħra tal-kumpanija, iżid it-telf totali ta’ impjiegi għal aktar minn 5 000 u jwassal biex il-kumpanija tnaqqas madwar 10 000 impjieg madwar id-dinja fis-snin li ġejjin;

B.  billi l-Caterpillar ħabbret li hija qed tikkunsidra wkoll tagħlaq il-faċilità tagħha fl-Irlanda ta’ Fuq bħala parti mir-ristrutturar tan-negozju f’dak il-pajjiż, li jista’ jirriżulta f’telf addizzjonali ta’ 250 impjieg;

C.  billi b’bejgħ u dħul fl-2015 ta’ USD 47.011 biljun, Caterpillar hija l-akbar manifattur fid-dinja ta’ tagħmir tal-kostruzzjoni u tal-minjieri, magni tad-diżil u tal-gass naturali, turbini tal-gass industrijali u lokomottivi diżil-elettriċi; billi l-Kumitat Investigattiv tas-Senat tal-Istati Uniti indika formalment fl-2014 li l-Caterpillar ilha tevita li tħallas it-taxxi billi tittrasferixxi l-profitti lis-sussidarja Svizzera tagħha sa mill-1999;

D.  billi l-grupp Franċiż Alstom ħabbar l-intenzjoni tiegħu li sal-2018 iwaqqaf il-produzzjoni ta’ ferroviji f’Belfort u li jittrasferixxi dawn l-attivitajiet għal sit ieħor li jinsab f’Reichshoffen, bil-konsegwenza li 500 persuna jispiċċaw mingħajr impjieg, peress li l-livell attwali ta’ ordnijiet għal lokomottivi għal ferroviji tal-merkanzija u ferroviji ta’ veloċità għolja fabbrikati b’Belfort ma jiġġustifikax li l-fabbrika tinżamm miftuħa;

E.  billi Alstom għamlet iktar minn EUR 6 biljun fi profitti f’dawn l-aħħar għaxar snin, u d-diffikultajiet attwali tagħha għalhekk jirriżultaw fost l-oħrajn minn nuqqas ta’ investiment min-naħa tal-azzjonisti irresponsabbli mindu ġiet ipprivatizzata;

F.  billi Alstom iddgħajfet minħabba l-bejgħ tad-diviżjoni tal-enerġija tagħha lill-kumpanija tal-Istati Uniti General Electric fl-2014, u billi l-kumpanija sa ċertu punt hija vittma ta’ 10 snin ta’ inabilità min-naħa tal-UE li tipproteġi l-industrija, jekk mhux ukoll qerditha hi f’isem il-kompetizzjoni ħielsa, kif għamlet il-Kummissjoni bl-ostakolu ta’ diversi pjanijiet ta’ salvataġġ għal Almstom;

G.  billi s-settur tal-kostruzzjoni tal-ferroviji huwa fattur strateġiku fl-evoluzzjoni ekoloġika tat-trasport, li hija meħtieġa fl-Ewropa u inkompatibbli mal-liberalizzazzjoni ferrovjarja mmexxija mill-Kummissjoni permezz ta’ erba’ direttivi suċċessivi li fetħu s-suq fis-settur ferrovjarju;

H.  billi s-settur industrijali Ewropew kellu rwol storiku sinifikanti fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea;

I.  billi l-industrija tal-azzar hija essenzjali għat-tkabbir u l-prosperità fl-Ewropa u attwalment qed tesperjenza tnaqqis sostanzjali fid-domanda, li qed jikkawża telf kontinwu ta' impjiegi u kompetittività, u li ma jawgurax tajjeb għall-irkupru meħtieġ tal-ekonomija Ewropea;

J.  billi biex tiġi żgurata l-koeżjoni fi ħdan l-ekonomija Ewropea, għandha tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva tal-industrija b'valur miżjud għoli fi ftit reġjuni, inkluż fis-settur tal-metall ta’ bażi;

K.  billi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni f'dan is-settur huma essenzjali għall-industrija Ewropea; billi l-għeluq ta’ impjanti spiss jirriżulta f’telf irriversibbli ta’ teknoloġija u għarfien u f'telf tal-ħiliet tal-ħaddiema industrijali;

L.  billi l-miżuri ta’ awsterità ġġeneraw tbatija soċjali kbira għall-ħaddiema u r-reġjuni milquta; billi r-rati għoljin tal-qgħad fl-UE huma kompatibbli mal-bażi produttiva industrijali u tal-manifattura tagħha li qiegħda tiċkien;

M.  billi r-rilokazzjonijiet ġewwa l-UE jinkoraġġixxu spirall soċjali ’l isfel u huma inkompatibbli ma’ kwalunkwe politika industrijali effettiva u konsistenti, il-koeżjoni u l-iżvilupp;

N.  billi l-kumpaniji involuti fir-ristrutturar għandhom ir-responsabbiltà jqiegħdu d-djalogu soċjali fil-qalba tal-proċessi ta’ ristrutturar, u għandhom jaġixxu b’mod soċjalment responsabbli, hekk kif l-esperjenza wriet li mingħajr djalogu soċjali suffiċjenti, b'enfasi speċjali fuq l-għoti ta' informazzjoni lill-ħaddiema u l-konsultazzjoni tagħhom, ma jistax ikun hemm ristrutturar soċjalment u ekonomikament responsabbli,

O.  billi d-differenzi fir-reġimi ta’ insolvenza fost l-Istati Membri joħolqu lakuni li jintużaw mill-kumpaniji multinazzjonali biex jimminimizzaw it-telf tagħhom fir-ristrutturar, filwaqt li jimmassimizzaw l-ispiża għas-soċjetà tad-deċiżjonijiet ta’ rilokazzjoni tagħhom permezz ta’ trasferimenti ta’ assi minn pajjiż għall-ieħor,

P.  billi l-irkupru u l-ġestjoni ta’ kumpaniji mill-ħaddiema hija soluzzjoni komuni għal proċedimenti ta’ insolvenza li żżomm il-livell ta’ attività u l-impjiegi, u b’hekk hija alternattiva reali biex jinżammu impjiegi ta’ kwalità fl-UE;

1.  Jesprimi solidarjetà kbira mal-ħaddiema, il-familji tagħhom u dawk li huma affettwati direttament, u jħeġġeġ li jiġu adottati b’urġenza miżuri li jappoġġaw il-ħaddiema u l-familji tagħhom biex dawn iżommu l-impjieg li għandhom jew isibu wieħed ġdid, kif ukoll lill-ekonomija lokali, u biex ir-reġjuni jiġu megħjuna jegħlbu din is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali diffiċli;

2.  Jikkundanna bil-qawwa dan l-għeluq inaċċettabli, il-pjanijiet ta’ ristrutturar u d-deċiżjonijiet ekonomiċi strateġiċi li saru mill-kumpaniji multinazzjonali, li ħallew eluf ta’ ħaddiema mingħajr impjieg;

3.  Jikkundanna t-tkissir ta’ politiki għall-industrija Ewropea u jappella għall-ħolqien ta’ politiki alternattivi f’kollaborazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, b’objettiv Ewropew ta’ reindustrijalizzazzjoni u tranżizzjoni tal-enerġija;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u pagi deċenti, permezz tal-liġi jew ta' ftehimiet kollettivi, kif ukoll protezzjoni effikaċi kontra t-tkeċċija inġusta;

5.  Jikkundanna n-nuqqas ta’ politika industrijali reali tal-UE li tista’ tħares lill-ħaddiema tal-UE mid-deċiżjonijiet spekulattivi tal-kumpaniji multinazzjonali; jappella għal politika industrijali li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-istat f’industriji strateġiċi, inkluża n-nazzjonalizzazzjoni, sabiex tinżamm il-produzzjoni strateġika u l-impjiegi;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiema, kemm fis-settur industrijali tal-enerġija kif ukoll dak tal-ferroviji; jitlob li jkun hemm politiki attivi dwar l-impjiegi u l-industrija li jiżguraw li dan l-għarfien jiġi żviluppat u rikonoxxut bħala assi importanti fl-industrija Ewropea tal-metall ta’ bażi; jitlob li tiġi kkunsidrata ż-żamma tal-għarfien industrijali u ta’ forza tax-xogħol tas-sengħa fil-valutazzjoni tal-vijabbiltà tal-produzzjoni fi kwalunkwe impjant partikolari;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq qafas Ewropew għall-proċedimenti ta’ insolvenza li jpoġġi mhux biss lill-kredituri, iżda anke lill-ħaddiema fil-qalba tal-proċess, li jiffoka fuq iż-żamma tal-akbar għadd possibbli ta’ impjiegi; jitlob għal dan l-għan biex jiġu ffaċilitati strumenti bħal akkwiżizzjonijiet maġġoritarji mill-impjegati u amministrazzjoni proprja mill-ħaddiema sabiex il-fabbriki jinżammu fil-produzzjoni minkejja l-insolvenza tas-sidien tagħhom;

8.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-politika dwar il-kompetizzjoni u r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-intervent pubbliku mmirat biex iżomm il-koeżjoni soċjali u reġjonali, jitjiebu l-istandards tax-xogħol u ambjentali u jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-saħħa pubblika;

9.  Jappella għal moratorju dwar il-liberalizzazzjoni tat-trasport bil-ferrovija u għal studju indipendenti tal-impatt fuq l-istadji preċedenti ta’ liberalizzazzjoni, bl-involviment tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u l-utenti tas-settur;

10.  Jikkundanna l-profitti tal-grupp Caterpillar, id-dividendi imħallsa lill-azzjonisti, l-interessi mħallsa lill-banek u lill-kredituri u l-politiki ta’ awsterità li qed tmexxi l-Ewropa, li qed inaqqsu d-domanda għal operaturi privati u pubbliċi;

11.  Jikkundanna l-fatt li mingħajr rappurtar effettiv pajjiż b’pajjiż, il-kumpaniji multinazzjonali jistgħu jittrasferixxu l-profitti lejn pajjiż ieħor filwaqt li jiddikjaraw telf u saħansitra insolvenza; jappella għal estensjoni tal-obbligi ta’ rappurtar pajjiż b’pajjiż għall-amministraturi kollha, u mhux biss għall-pajjiżi tal-UE u l-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, kif ukoll għal obbligi ta’ informazzjoni msaħħa għall-kumpaniji li jagħlqu l-fabbriki jew jiddikjaraw insolvenza f’xi Stat Membru;

12.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirkupraw ir-riżorsi kollha ddedikati għall-appoġġ ta’ kumpaniji, fil-forma ta’ sussidji, benefiċċji tat-taxxa, tnaqqis fil-prezz tal-art, eċċ. meta kumpanija tiddeċiedi li titrasferixxi jew tagħlaq l-impjanti ta’ produzzjoni tagħha;

13.  Ifakkar li l-għajnuna potenzjali mogħtija mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ma tistax tintuża biex tiffaċilita t-tluq mis-sit, u jinsisti li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jintuża biex jgħin lill-ħaddiema isalvaw il-fabbrika tagħhom sabiex jinżammu l-impjiegi;

14.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li jkun hemm disponibbli finanzjament adegwat għal taħriġ u azzjonijiet ta' rkupru biex jiġu appoġġati perjodi ta' tranżizzjoni kritiċi fl-industrija Ewropea;

15.  Jappella għal politika Ewropea oħra li ma tkunx ibbażata fuq dumping soċjali, tat-taxxa u fiskali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza d-dumping soċjali li jinħoloq mid-delokalizzazzjoni f’pajjiżi terzi, anke permezz ta’ reviżjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni sabiex jiġi evitat kemm il-proċess ta’ delokalizzazzjoni kif ukoll l-aggravar tal-effetti tal-kriżi;

16.  Jenfasizza li restrizzjoni fid-domanda m'għandhiex twassal għal kompetizzjoni inġusta għall-impjiegi bejn l-Istati Membri; jappella għaldaqstant, li tinstab soluzzjoni li tissalvagwardja u toħloq impjiegi tajbin u attività industrijali fir-reġjuni tal-Ewropa;

17.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha:

•  biex isibu modi kif isalvaw dawn l-impjiegi billi jifirxu l-produzzjoni fuq għadd ta’ impjanti u jillimitaw id-dividendi tal-azzjonisti;

•  jiżguraw it-trasparenza fit-trasferimenti finanzjarji mis-sussidjarji Ewropej lill-kumpanija omm fl-Istati Uniti jew f’rifuġji fiskali;

•  jimplimentaw sanzjonijiet kontra il-kumpanija multinazzjonali Caterpillar jekk din tippersisti bil-pjan ta’ ristrutturar tagħha;

18.  Jisħaq fuq il-fatt li l-istandards tal-UE tar-responsabbiltà soċjali korporattiva ma jistgħux jiġu implimentati meta kumpanija tbiddel il-lokalità tal-produzzjoni tagħha mingħajr ma tikkunsidra l-konsegwenzi soċjali tad-deċiżjonijiet ekonomiċi tagħha; jappella għal strumenti obbligatorji biex il-kumpaniji jkunu mġiegħla jinternalizzaw l-ispejjeż soċjali tad-deċiżjonijiet ta’ rilokazzjoni tagħhom;

19.  Jistieden bil-qawwa lill-UE u lill-Istati Membri jmexxu ‘l quddiem ftehim dwar it-trattat vinkolanti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali, li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, sabiex jiġu indirizzati b’mod adegwat l-abbużi mill-kumpaniji transnazzjonali; jitlob f’dan ir-rigward li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali jiġu inkorporati fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.