Proċedura : 2016/2750(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1054/2016

Testi mressqa :

B8-1054/2016

Dibattiti :

PV 04/10/2016 - 17
CRE 04/10/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 05/10/2016 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0376

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 424kWORD 80k
28.9.2016
PE589.643v01-00
 
B8-1054/2016

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-0715/2016 u B8-0716/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Eurojust  (2016/2750(RSP))


Barbara Matera, Axel Voss, Monika Hohlmeier, Roberta Metsola, Ingeborg Gräßle, Tomáš Zdechovský, Julia Pitera, Emil Radev, Barbara Kudrycka, Rachida Dati, Romana Tomc, Salvatore Domenico Pogliese, Csaba Sógor, Alessandra Mussolini, Therese Comodini Cachia, Traian Ungureanu, Milan Zver f'isem il-Grupp PPE
Sylvia-Yvonne Kaufmann, Juan Fernando López Aguilar, Birgit Sippel f'isem il-Grupp S&D
Louis Michel, Nathalie Griesbeck f'isem il-Grupp ALDE
Jan Philipp Albrecht, Eva Joly, Benedek Jávor, Bart Staes, Michèle Rivasi f'isem il-Grupp Verts/ALE
Monica Macovei, Laura Ferrara

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Eurojust  (2016/2750(RSP))  
B8-1054/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-14 ta' Marzu 2014 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (COM(2013)0535),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 85, 86, 218, 263, 265, 267, 268 u 340 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Eurojust (O-000092/2016 – B8-0715/2016 u O-000093/2016 – B8-0716/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li sabiex jiġġieled ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali, wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew;

B.  billi, skont "Studju u Rapporti dwar id-Differenza fil-VAT fit-28 Stat Membru tal-UE: Rapport Finali 2016" (TAXUD/2015/CC/131) li sar dan l-aħħar, fl-2014 l-UE tilfet dħul enormi fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li jammonta għal EUR 159,5 biljun;

C.  billi huwa importanti li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jiskopru u jħarrku b'mod effikaċi u dissważiv frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, u b'hekk iħarsu l-kontribwenti tal-Istati Membri kollha li jikkontribwixxu għall-baġit tal-Unjoni;

D.  billi l-Eurojust iffaċilitat il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni huma u jittrattaw każijiet li jolqtu bosta Stati Membri, u billi l-Eurojust għenet biex tinbena fiduċja reċiproka u biex titħaddan il-firxa wiesgħa ta' sistemi u tradizzjonijiet legali tal-UE; billi l-Eurojust iffaċilitat it-twettiq ta' talbiet għal kooperazzjoni u l-applikazzjoni ta' strumenti tar-rikonoxximent reċiproku, u b'hekk tejbet il-prosekuzzjoni transfruntiera;

E.  billi l-kriminalità transfruntiera organizzata żdiedet fl-aħħar għaxar snin u qed issir minn gruppi estremament mobbli u flessibbli, li huma attivi f'bosta Stati Membri u oqsma tal-kriminalità;

F.  billi fil-Kawża C-105/14 (Taricco et), il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja stqarret li l-kunċett ta' "frodi" kif definit fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej ikopri d-dħul mill-VAT;

1.  Itenni l-appoġġ li ilu joffri l-Parlament Ewropew għat-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) effiċjenti u indipendenti sabiex inaqqas il-frammentazzjoni attwali tal-isforzi għall-infurzar tal-liġi nazzjonali ħalli jipproteġi l-baġit tal-UE, u b'hekk isaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fl-Unjoni Ewropea;

2.  Jistieden lill-Kunsill jipprovdi sett ċar u mingħajr ambigwità ta' kompetenzi u proċeduri li jirrigwardaw l-UPPE bbażati fuq id-direttiva proposta dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF); jistieden lill-Kunsill isaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jintlaħaq qbil dwar id-Direttiva PIF li tinkludi l-VAT fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha, u biex jerġa' jiftaħ negozjati mal-Parlament sabiex l-UPPE jkun jista' jiġi stabbilit; jenfasizza l-UPPE għandu jkollu kompetenza prijoritarja għar-reati definiti fid-Direttiva PIF. jiddispjaċih profondament dwar il-fatt li l-Kunsill ma jippermettix lill-UPPE jkun kompetenti f' każijiet PIF fejn il-finanzjament mill-UE jaqbeż EUR 10 000 iżda ma jkunx jirrappreżenta 50 % jew aktar tal-kofinanzjament; jistieden għalhekk lill-Kunsill biex ineħħi r-regola li ċċaħħad lill-UPPE mill-possibbiltà li juża l-kompetenza tiegħu għar-reati kollha tal-PIF fejn id-dannu lill-baġit tal-Unjoni jkun ugwali jew inqas mid-dannu lil vittma oħra; jistieden lill-Kunsill biex jiżgura li l-UPPE jiġi mgħarraf minnufih mill-awtoritajiet nazzjonali bil-każijiet kollha marbuta b'xi mod mad-Direttiva PIF kemm qabel investigazzjoni kif ukoll matulha;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa’ jiftaħ id-dibattitu dwar l-Artikoli 17 sa 20 tat-test konsolidat (11350/1/16) tal-proposta tal-UPPE sabiex jiżgura aktar ċarezza u effiċjenza għall-UPPE; jistieden lill-Kunsill jiċċara l-kompetenzi ta' prosekuzzjoni tal-UPPE u l-prosekuturi nazzjonali f'każijiet ta' (a) reati multipli (grupp organizzat wieħed li jikkommetti diversi reati, pereżempju l-ħasil tal-flus u t-traffikar tal-bnedmin) u (b) reati mħallta (aktar minn tip wieħed ta' reati kriminali mwettqa f'azzjoni kriminali waħda, pereżempju l-frodi tal-VAT u l-ħasil tal-flus); jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li, f'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-UPPE u l-qrati nazzjonali tal-prosekuzzjoni dwar il-kwistjoni tal-kompetenzi, id-deċiżjoni finali ma titteħidx minn qorti indipendenti bħalma hija l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; jenfasizza li l-effiċjenza tal-UPPE se tiddependi fuq kjarifika tal-kompetenzi u li jekk il-leġiżlaturi ma jirnexxilhomx jiksbu dan, ma jkunux jistgħu jiżguraw l-effikaċja tal-UPPE, u b’hekk jiskorru waħda mil-linji ħomor tal-Parlament Ewropew;

4.  Huwa tal-fehma li l-UPPE għandu jkollu biżżejjed miżuri investigattivi disponibbli biex iwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu; ifakkar f'dan ir-rigward li l-koleġiżlaturi qablu dwar kriterji biex l-Istati Membri jitolbu miżuri investigattivi bbażati fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku stipulat fid-Direttiva 2014/41/UE rigward l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea fi kwistjonijiet kriminali;

5.  Jemmen li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tar-rieżami ġudizzjarju skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattati, kull deċiżjoni operattiva meħuda mill-UPPE, u li taffettwa lil partijiet terzi, għandha tkun soġġetta għal rieżami ġudizzjarju quddiem qorti nazzjonali kompetenti; iqis li għandu jkun possibbli rieżami ġudizzjarju dirett mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jinnota li huwa ta' importanza kbira li jiġi evitat kwalunkwe effett ħażin mill-hekk imsejħa "rabta nazzjonali"; jistieden lill-Kunsill, f’dan il-kuntest,biex jiżgura li jkun hemm salvagwardji xierqa li jiżguraw l-indipendenza tal-UPPE, bħal dispożizzjoni li tippermetti deroga mir-rabta nazzjonali għal raġunijiet relatati mal-funzjonament tajjeb tal-Uffiċċju;

7.  Jemmen li l-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta' persuni ssuspettati u akkużati trid tkun garantita; b'mod partikolari, ir-regolament għandu jipprevedi drittijiet ta' difiża addizzjonali għall-persuni ssuspettati mill-UPPE, b'mod partikolari d-dritt għal għajnuna legali, id-dritt għal informazzjoni u aċċess għall-materjal marbut mal-kawża, u d-dritt li jippreżentaw evidenza, u li jitolbu lill-UPPE jiġbor l-evidenza f'isem il-persuna ssuspettata;

8.  Jitlob li l-Kummissjoni toħroġ bi stimi aġġustati tal-implikazzjonijiet baġitarji tal-istruttura kolleġġjali fl-analiżi tagħha tal-kostijiet u l-benefiċċji, u tipprovdi lill-Parlament bir-riżultati tal-"eżerċizzju ta' verifika tar-realtà", u jfakkar li l-Parlament se jqis din l-informazzjoni qabel ma jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu;

9.  Ifakkar l-importanza tar-rwol tal-Eurojust fit-titjib tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ġudizzjarji tal-awtoritajiet ġudizzjarji relevanti tal-Istati Membri u fl-appoġġ għall-investigazzjonijiet li jinvolvu pajjiżi mhux tal-UE, u jistieden lill-Kunsill biex jiċċara r-relazzjonijiet bejn il-Eurojust u l-UPPE, u b'mod partikolari l-implikazzjonijiet tal-istruttura kolleġġjali, kif ukoll ir-relazzjoni tal-UPPE mal-OLAF, sabiex issir distinzjoni bejn ir-rwoli rispettivi tagħhom fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

10.  Jemmen li, biex il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Eurojust u l-EPPO jitwettqu b'mod effiċjenti, ikun aħjar li dawn joperaw fl-istess post;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0234.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0173.

Avviż legali - Politika tal-privatezza