Proċedura : 2016/2898(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1060/2016

Testi mressqa :

B8-1060/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/10/2016 - 5.4
CRE 06/10/2016 - 5.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0381

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 417kWORD 88k
30.9.2016
PE589.649v01-00
 
B8-1060/2016

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0721/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju: IFRS 9 (2016/2898(RSP))


Roberto Gualtieri f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju: IFRS 9 (2016/2898(RSP))  
B8-1060/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità(1),

–  wara li kkunsidra l-abbozz finali ta' Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru .../... li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju 9,

–  wara li kkunsidra l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjajru (IFRS) 9 dwar l-Istrumenti Finanzjarji maħruġ fl-24 ta' Lulju 2014 mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB), il-parir ta' approvazzjoni tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) dwar l-IFRS 9(2), il-valutazzjoni tal-EFRAG tal-IFRS 9 abbażi tal-prinċipju ta' stampa veritiera u ġusta u l-ittri ta' osservazzjonijiet mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar l-approvazzjoni tal-IFRS 9,

–  wara li kkunsidra l-emendi għall-IFRS 4 maħruġa fit-12 ta' Settembru 2016 mill-IASB bit-titolu, "Applikazzjoni tal-IFRS 9 dwar l-Istrumenti Finanzjarji mal-IFRS 4 dwar il-Kuntratti ta' Assigurazzjoni",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Ottubru 2013 minn Philippe Maystadt bit-titolu "Should IFRS standards be more European?",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G20 tat-2 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Sorveljanza Finanzjarja fl-UE, ippresedut minn Jacques de Larosière, tal-25 ta' Frar 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-evalwazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) u dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS), tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) u tal-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB)(3),

–  wara li kkunsidra l-ittra tat-8 ta' Jannar 2016 mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu lill-President tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) rigward "L-implikazzjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja tal-introduzzjoni tal-IFRS 9 – Talba għal analiżi" u l-ittra ta' tweġiba tad-29 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-16 ta' Ġunju 2016 mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu lill-Kummissarju għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji, u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali rigward l-approvazzjoni tal-IFRS 9 u l-ittra ta' tweġiba tal-15 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-istudji għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu dwar l-IFRS 9 ("IFRS Endorsement Criteria in Relation to IFRS 9", "The Significance of IFRS 9 for Financial Stability and Supervisory Rules", "Impairments of Greek Government Bonds under IAS 39 and IFRS 9: A Case Study" u "Expected-Loss-Based Accounting for the Impairment of Financial Instruments: the FASB and IASB IFRS 9 Approaches"),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju: IFRS 9 (O-000115/2016 – B8-0721/2016),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi finanzjarja globali qiegħdet ir-rwol żvolt mill-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjarju (IFRS) fl-istabbiltà finanzjarja u t-tkabbir finanzjarju, b'mod partikolari r-regoli rigward ir-rikonoxximent tat-telf imġarrab fis-sistema bankarja, fl-aġendi tal-G20 u tal-UE; billi l-G20 u r-rapport de Larosière enfasizzaw kwistjonijiet ewlenin fir-rigward tal-istandards tal-kontabilità qabel il-kriżi, inklużi l-proċikliċità relatata mal-prinċipju tal-valur tas-suq u r-rikonoxximent tal-profitti u t-telf, is-sottovalutazzjoni tal-akkumulazzjoni tar-riskju matul perjodi ta' rkupru ċikliċi u n-nuqqas ta' metodoloġija komuni u trasparenti għall-valwazzjoni tal-assi illikwidi u danneġġati;

B.  billi l-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) ħareġ l-IFRS 9 – Strumenti Finanzjarji bħala rispons essenzjali għal xi aspetti tal-kriżi finanzjarja u għall-impatt tagħha fuq is-settur bankarju; billi l-IFRS 9 se jidħol fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2018 u jissostitwixxi l-IAS 39;

C.  billi l-EFRAG ħareġ parir ta' approvazzjoni pożittiv dwar l-IFRS 9 b'għadd ta' osservazzjonijiet li jirrigwardaw l-użu ta' "valur ġust" f'kundizzjonijiet tas-suq diffiċli, in-nuqqas ta' bażi kunċettwali fir-rigward tal-approċċ ta' proviżjonament għat-telf ta' 12-il xahar u d-dispożizzjonijiet insodisfaċenti relatati mal-investiment fit-tul; billi, minħabba d-dati differenti ta' dħul fis-seħħ tal-IFRS 9 u l-istandard ta' assigurazzjoni ġejjieni ġdid IFRS 17, il-parir esprima riżerva dwar l-applikabilità tal-istandard għas-settur tal-assigurazzjoni;

D.  billi l-kontroversja u d-dibattitu dwar l-impatt tal-kontabilità abbażi tal-valur ġust fuq l-investiment fit-tul huma aċċentwati min-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt kwantitattiva dwar is-suġġett;

E.  billi r-rikonoxximent ta' qligħ mhux realizzat skont il-kontabilità abbażi tal-valur ġust jista' jitqies ksur tad-Direttiva dwar il-Manteniment tal-Kapital u tad-Direttiva dwar il-Kontabilità; billi l-Kummissjoni attwalment qed tqabbel il-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tad-distribuzzjoni tad-dividendi;

F.  billi l-prinċipju tal-prudenza jrid ikun il-prinċipju ta' gwida ewlieni għal kwalunkwe standard ta' kontabilità;

G.  billi jidher li l-istandard il-ġdid huwa daqstant jekk mhux iżjed kumpless mill-predeċessur tiegħu IAS 39; billi l-mira inizjali kienet li titnaqqas il-kumplessità;

H.  billi l-istandard tal-assigurazzjoni il-ġdid li jmiss IFRS 17, li jissostitwixxi l-IFRS 4, x'aktarx li jidħol fis-seħħ wara l-2020; billi tqajmu preokkupazzjonijiet dwar il-fatt li d-dati ta' dħul fis-seħħ tal-IFRS 9 u l-IFRS 17 ma jikkoinċidux; billi l-IASB ħareġ l-emendi finali għall-IFRS 4 f'Settembru 2016, u dawn offrew żewġ soluzzjonijiet fakultattivi: l-approċċ tas-sovrappożizzjoni u eżenzjoni temporanja fil-livell tal-entità ta' rappurtar;

I.  billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu skrutinizza l-IFRS 9 – Strumenti Finanzjarji billi mexxa smigħ pubbliku, ikkummissjona erba' studji dwar l-IFRS 9 u organizza attivitajiet ta' skrutinju fil-kumitat u l-attivitajiet tat-Team Permanenti tal-IFRS tiegħu;

1.  Jinnota li l-IFRS 9 – Strumenti Finanzjarji jikkostitwixxi wieħed mir-risponsi ewlenin tal-IASB għall-kriżi finanzjarja; jinnota li diġà qed isiru sforzi ta' implimentazzjoni;

2.  Jirrikonoxxi li l-IFRS 9 jikkostitwixxi titjib fuq l-IAS 39 sakemm il-bidla minn mudell ta' indeboliment ibbażat fuq it-"telf imġarrab" għal mudell ibbażat fuq it-"telf mistenni" tindirizza l-problema ta' "ftit wisq, tard wisq" fil-proċedura ta' rikonoxximent tat-telf fuq is-self; jinnota, madankollu, li l-IFRS 9 jirrikjedi ammont notevoli ta' ġudizzju fil-proċess ta' kontabilità; jissottolinja li hemm differenzi enormi ta' opinjoni u ftit gwida konkreta mill-awdituri f'dan ir-rigward; jitlob, għalhekk, li tiġi żviluppata gwida mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej b'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u l-EFRAG biex jiġi evitat kull abbuż tad-diskrezzjoni tal-maniġment;

3.  Filwaqt li ma jopponix ir-regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament(KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju 9, ifakkar fit-talbiet li saru rigward l-IFRS 9 fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-7 ta' Ġunju 2016;

4.  Ifakkar li l-approċċ tar-regolamentazzjoni aħjar jirrikjedi valutazzjoni tal-impatt; jinnota n-nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt kwantitattiva xierqa għall-IFRS 9 li huwa dovut, parzjalment, għal nuqqas ta' data affidabbli; jissottolinja l-ħtieġa li jinkiseb għarfien aħjar tal-impatt tal-IFRS 9 fuq is-settur bankarju, is-settur tal-assigurazzjoni u s-swieq finanzjarji inġenerali, iżda anke fuq is-settur finanzjarju kollu kemm hu; itenni, għalhekk, it-talba tiegħu lill-IASB u lill-EFRAG biex isaħħu l-kapaċità tagħhom ta' analiżi tal-impatt, partikolarment fil-qasam tal-makroekonomija;

5.  Itenni t-talba tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu lill-BERS għal analiżi tal-implikazzjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja tal-introduzzjoni tal-IFRS 9; ifakkar fl-impenn tal-BERS li jirrispondi għal din it-talba matul l-2017; jilqa' l-fatt li l-BERS stabbilixxa task force ġdida dwar l-IFRS 9; ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet Maystadt rigward l-espansjoni tal-kriterju tal-"ġid pubbliku", i.e. li l-istandards tal-kontabilità la għandhom jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja fl-UE u lanqas għandhom ixekklu l-iżvilupp ekonomiku tal-UE;

6.  Jinnota l-importanza li nifhmu bis-sħiħ l-interazzjoni tal-IFRS 9 ma' rekwiżiti regolatorji oħra; jilqa' l-valutazzjoni tal-EBA li għaddejja tal-impatt tal-IFRS 9 fuq il-banek fl-UE, bl-għan li jinkiseb għarfien aħjar tal-effett tiegħu fuq il-fondi proprji regolatorji, l-interazzjoni tiegħu ma' rekwiżiti prudenzjali oħra u l-mod li bih l-istituzzjonijiet qed iħejju għall-applikazzjoni tal-IFRS 9; jinnota li l-banek li jużaw l-Approċċ Standardizzat probabbilment ikunu milquta l-aktar serjament minn tnaqqis fil-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex, sa tmiem l-2017, tipproponi passi adegwati fil-qafas prudenzjali, pereżempju l-introduzzjoni, fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital ta' reġim ta' introduzzjoni gradwali li jimmitiga l-impatt tal-mudell ta' indeboliment il-ġdid għal perjodu ta' tliet snin, jew sakemm tiġi stabbilita soluzzjoni internazzjonali adegwata, u jiġi evitat xi impatt mhux mixtieq għalgħarrieda fuq il-proporzjon kapitali u s-self tal-banek;

7.  Jinnota li d-dati ta' dħul fis-seħħ tal-IFRS 9 u l-istandard tal-assigurazzjoni l-ġdid li jmiss IFRS 17 ma jikkoinċidux; jinnota li l-IASB ħareġ emendi għall-IFRS 4 li jindirizzaw uħud mill-preokkupazzjonijiet, partikolarment b'rabta mal-użu tal-approċċ ta' differiment fakultattiv; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'reqqa din il-kwistjoni b'manjiera sodisfaċenti u adegwata, bl-appoġġ tal-EFRAG, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ekwi xierqa fi ħdan l-UE;

8.  Jissottolinja l-importanza ta' investiment fit-tul għat-tkabbir ekonomiku; huwa preokkupat li t-trattament kontabbli taħt l-IFRS 9 ta' ċerti strumenti finanzjarji miżmuma direttament jew indirettament bħala investimenti fit-tul, b'mod partikolari ekwità, jista' jkun kuntrarju għall-mira ġenerali tal-promozzjoni tal-investiment fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-IFRS 9 jaqdi l-istrateġija tal-UE ta' investiment fit-tul u jnaqqas il-proċikliċità u l-inċentivi għal teħid ta' riskju eċċessiv; jistieden lill-Kummissjoni biex, sa mhux aktar tard minn Diċembru 2017, tippreżenta evalwazzjoni;

9.   Jilqa' l-inizjattiva attwali tal-Kummissjoni li tqabbel il-prattiki tal-Istati Membri fir-rigward tad-distribuzzjoni tad-dividendi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konformità tal-IFRS 9 mad-Direttiva dwar il-Manteniment tal-Kapital u mad-Direttiva dwar il-Kontabilità u tikkoopera, kull meta jkun meħtieġ, mal-IASB u mal-entitajiet nazzjonali u ta' pajjiżi terzi li jistabbilixxu l-istandards biex tikseb l-appoġġ għal modifiki jew, fin-nuqqas ta' tali appoġġ, tipprevedi bidliet xierqa fid-dritt tal-UE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Aġenziji Superviżorji Ewropej (ESAs), il-BĊE, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u l-EFRAG, tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-IFRS 9 fl-UE, tħejji valutazzjoni tal-impatt ex post sa mhux aktar tard minn Ġunju 2019 u tippreżenta din il-valutazzjoni lill-Parlament Ewropew u taġixxi b'konformità mal-fehmiet tiegħu;

11.  Jistieden lill-IASB jwettaq rieżami wara l-implimentazzjoni (PIR) tal-IFRS 9 sabiex jidentifika u jivvaluta l-effetti mhux intiżi tal-istandard, b'mod partikolari fuq l-investiment fit-tul;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)

http://www.efrag.org/Assets/Download?assetUrl=%2Fsites%2Fwebpublishing%2FSiteAssets%2FEndorsement%2520Advice%2520on%2520IFRS%25209.pdf.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0248.

Avviż legali