Proċedura : 2016/2921(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1086/2016

Testi mressqa :

B8-1086/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/10/2016 - 5.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0388

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 429kWORD 48k
3.10.2016
PE589.675v01-00
 
B8-1086/2016

imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) (D046170/00 – 2016/2921(RSP))


Imressqa minn: Bart Staes, Lynn Boylan, Guillaume Balas, Sirpa Pietikäinen, Eleonora Evi Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) (D046170/00 – 2016/2921(RSP))  
B8-1086/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) (D046170/00),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti MON 810, maħruġa fis-6 ta' Diċembru 2012 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti Bt11 u MON 810, adottata fis-6 ta' Diċembru 2012 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(4),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera mhux fil-mira – u ta' tħassib għall-konservazzjoni f'ħabitats protetti – għall-polline tal-qamħirrum Bt, maħruġa fit-28 ta' Mejju 2015 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza fl-Ikel(5),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika dwar ir-rapport annwali tal-monitoraġġ ambjentali ta' wara l-introduzzjoni fis-suq (PMEM) fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 fl-2014 minn Monsanto Europe S.A., maħruġa fid-9 ta' Marzu 2016 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani(7),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, f'konformità mal-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fil-11 u t-18 ta' April 2007 Monsanto Europe S.A. ppreżentat lill-Kummissjoni tliet applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf eżistenti maħduma minn qamħirrum MON 810, l-awtorizzazzjoni ta' għalf li fih u jikkonsisti f'qamħirrum MON 810 u l-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum MON 810 fi prodotti li jikkonsistu fih jew li fihom minnu għal użi li ma jinkludux l-ikel u l-għalf, bħal kwalunkwe qamħirrum ieħor, inkluża l-kultivazzjoni; billi wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, dawn il-prodotti ġew notifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1)(a) u (b) u l-Artikolu 20(1)(b) ta' dan ir-Regolament u ddaħħlu fir-Reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati;

B.  billi fid-9 ta' Marzu 2016, Monsanto Europe S.A. bagħtet ittra lill-Kummissjoni li fiha talbet li l-parti tal-applikazzjoni li tirrigwarda l-kultivazzjoni tiġi kkunsidrata separatament mill-kumplament tal-applikazzjoni;

C.  billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina Cry1Ab, li toriġina mill-Bacillus thuringiensis subsp. kurstaki u tagħti protezzjoni kontra ċerti insetti ta' ħsara lepidopterani, inklużi l-European Corn Borer (ECB) (Ostrinia nubilalis) u l-pink borers (Sesamia spp);

D.  billi, inizjalment, l-introduzzjoni fis-suq taż-żerriegħa tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 għal finijiet ta' kultivazzjoni kienet awtorizzata skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE(8) mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE(9); billi, fit-3 ta' Awwissu 1998, Franza tat il-kunsens tagħha lil Monsanto Europe S.A. (minn hawn 'il quddiem "Monsanto") għall-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti tal-qamħirrum MON 810;

E.  billi, skont l-Artikolu 26c(2) tad-Direttiva 2001/18/KE, il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 għandu jkun ipprojbit fit-territorji li ġejjin: il-Vallonja (il-Belġju); il-Bulgarija; id-Danimarka; il-Ġermanja (ħlief għal finijiet ta' riċerka); il-Greċja; Franza; il-Kroazja; l-Italja; Ċipru; il-Latvja; il-Litwanja; il-Lussemburgu; l-Ungerija; Malta; in-Netherlands; l-Awstrija; il-Polonja; is-Slovenja; l-Irlanda ta' Fuq (ir-Renju Unit); l-Iskozja (ir-Renju Unit); Wales (ir-Renju Unit);

F.  billi, skont l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), l-evidenza tindika li madwar 95 %-99 % tal-polline rilaxxat jiġi depożitat xi 50 metru 'l bogħod mis-sors tal-polline, għalkemm movimenti vertikali jew buffuri tar-riħ matul it-tixrid tal-polline jistgħu jgħollu l-polline 'l fuq fl-atmosfera u jxerrduh fuq distanzi sinifikanti, sa għadd ta' kilometri;

G.  billi l-EFSA eskludiet arbitrarjament id-dakkir inkroċjat fil-qamħirrum mill-ambitu tal-opinjonijiet xjentifiċi dwar il-qamħirrum MON 810, u b'hekk injorat ir-riskji li jista' jkun hemm għad-diversità bijoloġika;

H.  billi t-teosintes, l-antenati tal-qamħirrum ikkultivat, ilhom jeżistu fi Spanja mill-2009; billi l-popolazzjonijiet tat-teosinte jaf jibdew jirċievu DNA transġeniku li jkun ġej mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, li huwa kkultivat fi Spanja f'xi wħud mir-reġjuni fejn it-teosinte qed jinfirex ħafna; billi jista' jseħħ fluss ġenetiku lejn it-teosinte, li jwassal għall-produzzjoni tat-tossina Bt u għat-tisħiħ tal-ibridi tal-qamħirrum u t-teosinte meta mqabbel mal-pjanti tat-teosinte indiġeni; billi dan hu xenarju li jġorr miegħu riskji kbar għall-bdiewa u għall-ambjent;

I.  billi l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni bil-preżenza tat-teosinte fl-għelieqi tal-qamħirrum Spanjoli, inkluża l-preżenza limitata ħafna fl-għelieqi tal-qamħirrum ġenetikament modifikat; billi l-informazzjoni disponibbli tindika, barra minn hekk, li t-teosinte nstab ukoll fi Franza;

J.  billi, fit-13 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA biex, sa tmiem Settembru 2016, tivvaluta jekk, abbażi tal-letteratura xjentifika eżistenti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, ħarġitx evidenza ġdida li tbiddel il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA dwar il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810, Bt11, 1507 u GA21;

K.  billi fil-punt 22 tal-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tal-mortalità lokali, l-EFSA qieset żewġ livelli ta' mortalità lokali "aċċettabbli" (0,5 % u 1 %), iżda billi fl-opinjoni xjentifika tagħha adottata fit-28 ta' Mejju 2015 u li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera mhux fil-mira – u ta' tħassib għall-konservazzjoni f'ħabitats protetti – għall-polline tal-qamħirrum Bt, l-EFSA fil-fatt tgħid b'mod ċar li "kwalunkwe livell ta' protezzjoni speċifiku utilizzat hawnhekk bħala spjegazzjoni mill-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM huwa maħsub bħala eżempju biss" u li "kwalunkwe soll applikat jeħtieġ, neċessarjament, ikun arbitrarju u għandu jkun soġġett għal emendi skont l-objettivi ta' protezzjoni fis-seħħ fl-UE";

L.  billi fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għażlet il-livell ta' mortalità lokali ta' taħt 0,5 % u fl-anness tiegħu pprevediet distanzi ta' iżolament arbitrarji ta' mill-inqas 5 metri bejn għalqa tal-qamħirrum MON 810 u ħabitat protett kif definit fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/35/KE, minkejja l-fatt li l-EFSA tgħid b'mod ċar, kif ikkonfermat, li l-impożizzjoni ta' distanza ta' iżolament ta' 20 metru madwar ħabitat protett mill-eqreb għalla tal-qamħirrum Bt11/MON 810, li huwa erba' darbiet aktar mid-distanza proposta mill-Kummissjoni, tkun mistennija tnaqqas il-mortalità lokali anke ta' larvi lepidopterani sensittivi ħafna – u mhux fil-mira – għal livell aktar baxx minn 0,5 %;

M.  billi fl-opinjoni xjentifika tagħha adottata fit-28 ta' Mejju 2015 u li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera mhux fil-mira u ta' tħassib għall-konservazzjoni f'ħabitats protetti, l-EFSA tgħid li "fil-preżent m'hemmx biżżejjed data disponibbli biex il-mortalità larvali relatata mal-Bt titqiegħed fil-kuntest tal-mortalità globali";

N.  billi hemm storja ta' nuqqas kontinwu ta' infurzar fir-rigward tal-monitoraġġ ambjentali ta' wara l-introduzzjoni fis-suq, hekk kif l-EFSA tirrimarka li r-rapport dwar il-PMEM tal-2014 juri nonkonformità parzjali mal-implimentazzjoni ta' rifuġji non-Bt fi Spanja kif osservat fis-snin ta' qabel, u li fl-evalwazzjoni tal-kwestjonarji tal-bdiewa u fit-twettiq tal-analiżi tal-letteratura ġew identifikati nuqqasijiet metodoloġiċi li jixbhu lil dawk misjuba f'rapporti annwali preċedenti tal-PMEM dwar il-qamħirrum MON 810;

O.  billi, ta' kull sena, il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM jirrepeti għalxejn ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-monitoraġġ ambjentali wara l-introduzzjoni fis-suq, jiġifieri l-għoti ta' informazzjoni aktar dettaljata dwar il-metodoloġija tal-kampjunar, it-tnaqqis tal-possibbiltà ta' preġudizzju fl-għażla f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwestjonarji tal-bdiewa u l-assigurazzjoni li jiġu identifikati l-pubblikazzjonijiet xjentifiċi rilevanti kollha; billi, fir-rigward tat-titjib tal-qafas ta' kampjunar tal-istħarriġ fost il-bdiewa, kull sena l-Bord tal-OĠM jirrepeti għalxejn l-importanza ta' reġistri tal-kultivazzjoni tal-OĠM nazzjonali kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex id-detenturi jitħallew jikkunsidraw kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-informazzjoni miżmuma fir-reġistri nazzjonali u biex jitrawwem djalogu ma' dawk responsabbli mill-amministrazzjoni ta' dawn ir-reġistri fl-inħawi fejn huwa kkultivat il-qamħirrum MON 810;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-valutazzjoni tar-riskji tal-kultivazzjoni mwettqa mill-EFSA mhijiex kompluta, u li r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji proposti mill-Kummissjoni mhumiex adegwati;

3.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-objettiv tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 298, 18.10.2003, p. 1.

(2)

ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)

Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika li taġġorna l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskji u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti MON 810. EFSA Journal 2012; 10(12):3017 [98 pp.], doi:10.2903/j.efsa.2012.3017.

(4)

Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika li tissupplimenta l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat u reżistenti għall-insetti Bt11 u MON 810. EFSA Journal 2012; 10(12):3016 [32 pp.], doi:10.2903/j.efsa.2012.3016.

(5)

Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika li taġġorna r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji biex tillimita l-esponiment ta' Lepidoptera mhux fil-mira – u ta' tħassib għall-konservazzjoni f'ħabitats protetti – għall-polline tal-qamħirrum Bt. EFSA Journal 2015; 13(7):4127 [31 pp.], doi:10.2903/j.efsa.2015.4127.

(6)

Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Opinjoni xjentifika dwar ir-rapport annwali tal-monitoraġġ ambjentali ta' wara l-introduzzjoni fis-suq (PMEM) fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 fl-2014 minn Monsanto Europe S.A. EFSA Journal 2016; 14(4):4446 [26 pp.], doi:10.2903/j.efsa.2016.4446.

(7)

P7_TA(2014)0036.

(8)

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta' April 1990 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15).

(9)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE tat-22 ta' April 1998 rigward it-tqegħid fis-suq ta' qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L. line MON 810), skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 32).

Avviż legali