Proċedura : 2016/2894(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1089/2016

Testi mressqa :

B8-1089/2016

Dibattiti :

PV 05/10/2016 - 14
CRE 05/10/2016 - 14

Votazzjonijiet :

PV 06/10/2016 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0382

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 404kWORD 70k
4.10.2016
PE589.678v01-00
 
B8-1089/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-Sirja (2016/2894(RSP))


Manfred Weber f'isem il-Grupp PPE
Gianni Pittella f'isem il-Grupp S&D
Syed Kamall f'isem il-Grupp ECR
Guy Verhofstadt f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms f'isem il-Grupp Verts/ALE
David Borrelli f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sirja (2016/2894(RSP))  
B8-1089/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ostilitajiet fis-Sirja ħraxu drastikament, b'mod partikolari f'Aleppo, li ġarrbet bumbardament qawwi mill-ajru, fost l-oħrajn b'attakki fuq faċilitajiet mediċi; billi s-sitwazzjoni marret għall-agħar b'mod drammatiku u rapidu, minkejja l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex tistabbilixxi waqfien mill-ġlied;

B.  billi l-Unjoni Ewropea hija fost il-kontributuri ewlenin ta' għajnuna umanitarja għan-nies li qed jaħarbu l-vjolenza u l-ħerba storiċi fis-Sirja; billi n-nuqqas ta' għaqda internazzjonali jagħmilha ferm aktar diffiċli li tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata għall-gwerra fis-Sirja;

C.  billi l-UE għandha tissokta bl-isforzi tagħha u, kollettivament, permezz tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, taqdi rwol aktar qawwi fil-medjazzjoni ta' ftehim ta' paċi għas-Sirja;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili; il-kontinwazzjoni tal-assedji kollha fis-Sirja u n-nuqqas ta' aċċess umanitarju għall-poplu Sirjan fil-bżonn; jesprimi t-tħassib mill-akbar tiegħu dwar it-tbatija umana fl-inħawi assedjati ta' Aleppo u fis-Sirja kollha, tbatija li taffettwa lil ħafna nisa u tfal li ma għandhomx aċċess għall-provvisti umanitarji essenzjali u li jinsabu fi bżonn estrem ta' ikel, ilma nadif u provvisti mediċi;

2.  Jiddeplora bis-sħiħ u inkundizzjonatament l-attakki reċenti fuq konvoj tal-għajnuna umanitarja u fuq maħżen tan-Nofs Qamar l-Aħmar ħdejn Aleppo bħala ksur gravi u allarmanti tad-dritt umanitarju internazzjonali u bħala delitt tal-gwerra possibbli; jagħti ġieħ lill-ħaddiema umanitarji li tilfu ħajjithom fl-isforz biex jassistu lill-poplu ta' Aleppo u fis-Sirja kollha u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji u lill-ħbieb tal-vittmi; jitlob li dawk ħatja wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità jbatu l-konsegwenzi u jinżammu responsabbli;

3.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt, u b'mod speċjali lir-Russja u lir-reġim ta' Assad, biex itemmu l-attakki kollha fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili, inklużi l-infrastruttura tal-ilma u dik tal-elettriku, jieħdu passi immedjati u kredibbli għall-waqfien tal-ostilitajiet, itemmu l-assedji kollha u jippermettu lill-organizzazzjonijiet umanitarji aċċess rapidu, sikur u bla xkiel, b'tali mod li jkunu jistgħu jilħqu lin-nies kollha fil-bżonn;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva umanitarja ta' emerġenza għal Aleppo, li, minbarra li timmobilizza fondi għal bżonnijiet umanitarji urġenti, għandha l-għan li tiżgura l-evakwazzjoni medika tal-midruba u l-morda mil-Lvant ta' Aleppo, b'attenzjoni partikolari għan-nisa, it-tfal u l-anzjani; iħeġġeġ lill-partijiet kollha sabiex jagħtu b'urġenza l-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jsiru kunsenji ta' għajnuna umanitarja u evakwazzjonijiet mediċi;

5.  Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fil-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja biex jissuktaw in-negozjati bil-għan li jiffaċilitaw tregwa stabbli u jintensifikaw il-ħidma biex tinstab soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja; jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Staffan de Mistura, f'dan ir-rigward;

6.  Jitlob li r-RGħ/VP iġġedded l-isforzi lejn strateġija komuni tal-UE rigward is-Sirja, li jkollha l-għan li tiffaċilita soluzzjoni politika fis-Sirja, u tinkludi għodod ta' monitoraġġ u infurzar sabiex issaħħaħ ir-rispett għall-ftehimiet u għall-obbligi stabbiliti fil-qafas tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

Avviż legali