Proċedura : 2016/2637(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1115/2016

Testi mressqa :

B8-1115/2016

Dibattiti :

PV 25/10/2016 - 19
CRE 25/10/2016 - 19

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2016 - 6.8
CRE 26/10/2016 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0417

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 428kWORD 50k
17.10.2016
PE589.704v01-00
 
B8-1115/2016

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-1801/2016 u B8-1802/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar xaħmijiet trans (TFAs) (2016/2637(RSP))


Renate Sommer, Daciana Octavia Sârbu, Nikolay Barekov, Anneli Jäätteenmäki, Lynn Boylan, Martin Häusling, Piernicola Pedicini, Mireille D’Ornano f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar xaħmijiet trans (TFAs) (2016/2637(RSP))  
B8-1115/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi u, b'mod partikolari, l-Artikolu 30(7) tiegħu(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2015 dwar xaħmijiet trans fl-ikel u fid-dieta ġenerali tal-popolazzjoni tal-Unjoni (COM(2015)0619),

–  wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka bit-titolu "Trans fatty acids in Europe: where do we stand? A synthesis of the evidence: 2003-2013",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika maħruġa fl-2009 mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), li tagħti rakkomandazzjonijiet dwar il-konsum ta' TFAs fid-dieta,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjonijiet tad-WHO "The effectiveness of policies for reducing dietary transfat: a systematic review of the evidence"(2), "Eliminating trans fats in Europe – A policy brief"(3) u "Effect of trans-fatty acid intake on blood lipids and lipoproteins: a systematic review and meta-regression analysis"(4),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar xaħmijiet trans (TFAs) (O-000105/2016 – B8-1801/2016 u O-000106/2016 – B8-1802/2016),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-aċidi xaħmin trans (TFA) huma tip partikolari ta' xaħam mhux saturat;

B.  billi, filwaqt li t-TFAs huma preżenti b'mod naturali fl-ikel miksub mir-ruminanti, bħall-prodotti tal-ħalib u l-laħam, u f'xi pjanti u prodotti ta' oriġini veġetali (kurrat, piżelli, ħass u żejt tal-kolza), huma jinsabu l-aktar fi żjut veġetali parzjalment idroġenati manifatturati industrijalment (żjut tal-pjanti li jinbidlu biż-żieda ta' atomi tal-idroġenu u li jintużaw għall-qali u l-ħami, kif ukoll fl-ikel manifatturat sabiex jiġi estiż iż-żmien tal-ħżin);

C.  billi, minħabba f'hekk, il-konsum ta' TFAs huwa marbut l-aktar mal-konsum ta' żjut parzjalment idroġenati manifatturati industrijalment u użati mill-industrija f'firxa wiesgħa ta' prodotti tal-ikel u tax-xorb (kemm ikel ippakkjat bil-lest kif ukoll ikel mhux ippakkjat, bħal ikel li jinbigħ sfuż u ikel servut fi stabbilimenti alimentari u li joffru servizzi ta' catering);

D.  billi fl-2010 l-EFSA kkonkludiet li l-TFAs minn sorsi ruminanti għandhom effetti simili għal dawk minn prodotti industrijali;

E.  billi l-kontenut ta' TFAs fix-xaħam tar-ruminanti huwa ta' bejn 3 u 6 %;

F.  billi l-konsum – min-naħa tal-bniedem – ta' TFAs naturali li joriġinaw mir-ruminanti huwa ġeneralment baxx, u billi d-WHO tindika li dawn it-TFAs naturali x'aktarx ma joħolqux riskju għas-saħħa fid-dieti reali attwali minħabba l-konsum relattivament baxx;

G.  billi din ir-riżoluzzjoni tikkonċerna biss l-aċidi xaħmin manifatturati b'mod industrijali;

H.  billi ħafna ristoranti u ħwienet tal-fast food jużaw it-TFAs biex jaqlu l-ikel għaliex dawn mhumiex għaljin u jistgħu jintużaw aktar minn darba fit-twaġen kummerċjali l-kbar;

I.  billi matul il-preparazzjoni ta' ċertu ikel (bħal gallettini, kejkijiet, snacks mielħa u ikel moqli fiż-żejt) jiżdiedu jew jiffurmaw TFAs addizzjonali;

J.  billi l-konsum frekwenti ta' żjut veġetali parzjalment idroġenati manifatturati industrijalment ġie assoċjat ma' żieda fir-riskju ta' mard kardjovaskulari (aktar minn kwalunkwe fattur fit-tul ieħor), infertilità, endometrijosi, ġebla fil-marrara, il-marda ta' Alzheimer, dijabete, obeżità u ċerti tipi ta' kanċer;

K.  billi l-awtoritajiet Ewropej għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġġieldu l-kawżi tal-obeżità;

L.  billi konsum qawwi ta' TFAs iżid ir-riskju li persuna tiżviluppa mard koronarju tal-qalb (aktar minn kwalunkwe nutrijent ieħor għal kull kalorija) – mard li, skont stimi konservattivi, huwa responsabbli għall-mewt ta' 660 000 persuna fis-sena fl-UE, jew madwar 14 % tal-mortalità ġenerali;

M.  billi l-EFSA tirrakkomanda li "l-konsum ta' TFAs għandu jkun baxx kemm jista' jkun fil-kuntest ta' dieta adegwatament nutrittiva"(5);

N.  billi d-WHO tirrakkomanda, b'mod aktar speċifiku, li l-konsum ta' TFAs għandu jkun inqas minn 1 % tal-konsum ta' enerġija ta' kuljum(6);

O.  billi, f'Ġunju 2015, il-Food and Drug Administration (FDA) tal-Istati Uniti kkonkludiet li ż-żjut parzjalment idroġenati mhumiex "ġeneralment rikonoxxuti bħala sikuri" għall-użu f'ikel għall-bniedem;

P.  billi, minkejja d-disponibbiltà limitata ta' data minn madwar l-UE kollha, studju reċenti li jiġbor data minn disa' pajjiżi tal-UE jirrapporta li l-konsum medju ta' TFAs ta' kuljum huwa inqas minn 1 % tal-konsum ta' enerġija ta' kuljum, iżda jeżisti konsum akbar f'subpopolazzjonijiet speċifiċi ta' wħud minn dawk l-Istati Membri(7);

Q.  billi l-analiżi tal-aktar data reċenti disponibbli pubblikament tikkonferma li minkejja t-tnaqqis ta' TFAs irrappurtat f'ċertu ikel għad hemm għadd ta' prodotti tal-ikel b'livelli għoljin ta' TFAs, jiġifieri aktar minn 2 g ta' TFAs għal kull 100 g ta' xaħam (pereżempju gallettini jew popkorn b'madwar 40-50 g ta' TFAs għal kull 100 g ta' xaħam, kif ukoll ikel mhux ippakkjat bil-lest bħall-prodotti moħmija) f'ċerti swieq tal-ikel tal-UE;

R.  billi studji internazzjonali juru li l-politiki li għandhom l-għan li jillimitaw il-kontenut ta' TFAs fl-ikel jinvolvu tnaqqis fil-livelli ta' TFAs mingħajr ma jiżdied il-kontenut totali ta' xaħam; billi politiki bħal dawn huma fattibbli, realizzabbli, u x'aktarx ikollhom effett pożittiv fuq is-saħħa pubblika;

S.  billi l-fatt li, sfortunatament, wieħed minn kull tliet konsumaturi biss fl-UE jaf dwar it-TFAs juri li l-miżuri dwar it-tikkettar ma kinux effikaċi u li hemm bżonn tittieħed azzjoni biex titqajjem kuxjenza permezz tas-sistema edukattiva u kampanji medjatiċi;

T.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE ma tirregolax il-kontenut ta' TFAs fil-prodotti alimentari, u lanqas ma tirrikjedi tikkettar korrispondenti;

U.  billi l-Awstrija, id-Danimarka, il-Latvja u l-Ungerija għandhom leġiżlazzjoni fis-seħħ li tillimita l-kontenut ta' TFAs fil-prodotti alimentari, filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri l-oħra għażlu miżuri volontarji, bħal awtoregolamentazzjoni, rakkomandazzjonijiet dijetetiċi jew kriterji ta' kompożizzjoni għal prodotti tradizzjonali speċifiċi;

V.  billi hemm evidenza li turi li l-introduzzjoni ta' limiti legali għat-TFAs industrijali min-naħa tad-Danimarka, li fl-2003 daħħlet limitu nazzjonali ta' 2 % f'termini ta' xaħam trans fiż-żjut u x-xaħmijiet, irnexxiet u naqqset b'mod sostanzjali l-imwiet ikkawżati mill-mard kardjovaskulari(8);

W.  billi l-unika possibbiltà li għandhom il-konsumaturi biex jidentifikaw prodotti li jista' jkun fihom TFAs hija li jiċċekkjaw hemmx żjut parzjalment idroġenati fil-lista tal-ingredjenti tal-ikel ippakkjat bil-lest; billi bir-regoli attwali tal-UE, il-konsumaturi jistgħu jitħawdu dwar id-differenza bejn żjut parzjalment idroġenati (li jkun fihom TFAs, fost aċidi xaħmin oħrajn) u żjut kompletament idroġenati (li jkun fihom aċidi xaħmin saturati biss iżda ebda TFA), peress li r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jirrikjedi li din l-informazzjoni tingħata fil-lista tal-ingredjenti tal-ikel ippakkjat bil-lest;

X.  billi studji reċenti wrew li persuni bi status soċjoekonomiku ogħla jkollhom dieti aktar tajbin għas-saħħa minn persuni bi status soċjoekonomiku aktar baxx u dan id-distakk qiegħed jiżdied flimkien maż-żieda fl-inugwaljanzi soċjali;

Y.  billi, b'mod partikolari, it-TFAs għandhom it-tendenza li jintużaw f'ikel orħos u, peress li persuni bi dħul baxx huma aktar esposti għal prodotti alimentari b'kontenut għoli ta' TFAs, il-potenzjal għal inugwaljanzi dejjem akbar fis-saħħa qiegħed jiżdied;

Z.  billi għandhom jittieħdu deċiżjonijiet xierqa fil-livell tal-UE sabiex jitnaqqas il-konsum ta' TFAs industrijali;

AA.  billi l-organizzazzjonijiet tas-saħħa, il-gruppi tal-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-kumpaniji tal-ikel ħeġġew(9) lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposta leġiżlattiva li tillimita l-ammont ta' TFAs industrijali fl-ikel f'livell simili għal dak stabbilit mill-awtoritajiet Daniżi (jiġifieri 2 g ta' TFAs għal kull 100 g ta' xaħam);

1.  Ifakkar li l-kwistjoni tat-TFAs hija prijorità għall-Parlament Ewropew, u jtenni t-tħassib tiegħu dwar ir-riskji li t-TFAs joħolqu għas-saħħa tal-bniedem;

2.  Jenfasizza l-fatt li l-Istati Uniti diġà ħabbru li, min-nofs l-2018, il-produtturi tal-ikel se jkollhom ineħħu ż-żjut parzjalment idroġenati mill-prodotti mibjugħa fis-suq domestiku tagħhom, fid-dawl tal-konklużjoni magħmula fl-2015 li x-xaħmijiet trans mhumiex ġeneralment rikonoxxuti bħala sikuri;

3.  Ifakkar fl-evidenza li l-limitazzjoni tat-TFAs tista' ġġib magħha benefiċċji rapidi u sinifikanti għas-saħħa; jenfasizza, f'dan il-kuntest, is-suċċess tal-esperjenza fid-Danimarka, li fl-2003 introduċiet limitu nazzjonali ta' 2 % f'termini ta' TFAs fiż-żjut u x-xaħmijiet;

4.  Jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tal-UE – b'mod partikolari l-persuni l-aktar vulnerabbli – għandhom nuqqas ta' informazzjoni dwar it-TFAs u dwar il-konsegwenzi tal-konsum tagħhom għas-saħħa, li jista' jimpedixxi lill-konsumaturi milli jagħmlu għażliet infurmati;

5.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-gruppi vulnerabbli, inklużi ċ-ċittadini b'edukazzjoni u status ekonomiku aktar baxxi, kif ukoll it-tfal, huma aktar inklinati li jieklu ikel b'kontenut ogħla ta' TFAs;

6.  Jirrikonoxxi li l-istrateġiji eżistenti kollha għat-tnaqqis tat-TFAs jidhru li huma assoċjati ma' tnaqqis sinifikanti fil-livelli ta' TFAs fl-ikel, u jiddeplora n-nuqqas ta' approċċ armonizzat min-naħa tal-UE fir-rigward tat-TFAs;

7.  Jemmen, għaldaqstant, li l-azzjoni m'għandhiex tittieħed biss fil-livell nazzjonali u li huma meħtieġa miżuri min-naħa tal-UE biex il-konsum medju ta' TFAs jitnaqqas b'mod konsiderevoli;

8.  Jirrimarka li, skont id-WHO(10), politika ta' tikkettar ta' xaħmijiet trans x'aktarx tkun l-aktar miżura għalja biex tiġi implimentata b'mod effikaċi, filwaqt li l-impatt finanzjarju ta' projbizzjoni fuq ix-xaħmijiet trans kien minimu fil-pajjiżi li implimentaw projbizzjonijiet bħal dawn, minħabba l-ispejjeż baxxi involuti fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ;

9.  Jemmen li n-nuqqas ta' għarfien fost il-konsumaturi dwar l-impatt negattiv tat-TFAs fuq is-saħħa jirrendi t-tikkettar obbligatorju tat-TFAs għodda importanti iżda insuffiċjenti meta mqabbla ma' limiti obbligatorji fit-tentattiv li jitnaqqas il-konsum ta' TFAs fost iċ-ċittadini tal-UE;

10.  Jirrimarka wkoll, f'dan ir-rigward, li strateġija dwar it-tikkettar tat-TFAs taffettwa biss ikel partikolari u ma taffettwax l-ikel mhux ippakkjat jew l-ikel fir-ristoranti;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, malajr kemm jista' jkun, limitu legali tal-UE fuq it-TFAs industrijali (kemm bħala ingredjent u kemm bħala prodott finali) fl-ikel kollu sabiex jitnaqqas il-konsum tagħhom fost il-gruppi kollha tal-popolazzjoni;

12.  Jitlob li tali proposta ssir fi żmien sentejn;

13.  Jitlob li din il-proposta tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt li tevalwa l-ispejjeż tar-riformulazzjoni industrijali li jkun hemm jekk jiġi introdott limitu obbligatorju u l-possibbiltà li dawn l-ispejjeż jingħaddu lill-konsumaturi;

14.  Jinnota, f'dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li hija lesta twettaq valutazzjoni tal-impatt dettaljata sabiex tevalwa l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-limiti differenti possibbli, u jitlob lill-Kummissjoni tqis speċifikament l-effett fuq l-SMEs;

15.  Jistieden lill-industrija tal-ikel tagħti prijorità lil soluzzjonijiet alternattivi li jkunu konformi mal-istandards dwar is-saħħa, bħall-użu ta' żjut imtejba, proċeduri ġodda għall-modifika tax-xaħmijiet, jew taħlita ta' sostituti għat-TFAs (taħlitiet ta' fibri, ċellulożi, lamti, proteini, eċċ);

16.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkollabora mal-Istati Membri sabiex jiżdied il-litteriżmu nutrizzjonali, filwaqt li jħeġġu u jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet aħjar dwar l-ikel u jinvolvu lill-industrija biex jinkoraġġixxu r-riformulazzjoni tal-prodotti;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(2)

Bull World Health Organ 2013; 91:262–269H.

(3)

http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0010/288442/Eliminating-trans-fats-in-Europe-A-policy-brief.pdf?ua=1

(4)

http://apps.who.int/iris/bitstream/10665/246109/1/9789241510608-eng.pdf

(5)

EFSA Journal. 2010;8(3):1461.

(6)

http://apps.who.int/iris/bitstream/10665/42665/1/WHO_TRS_916.pdf?ua=1 pg89, WHO/FAO technical report series 916

(7)

Mouratidou et al. Trans Fatty acids in Europe: where do we stand? JRC Science and Policy Reports 2014 doi:10.2788/1070.

(8)

Brandon J. et al. Denmark's policy on artificial trans fat and cardiovascular disease, Am J Prev Med 2015 (stampat)

(9)

http://www.beuc.eu/publications/open_letter_industrially_produced_tfas_freeeu.pdf

(10)

Eliminating trans fats in Europe: A policy brief, page 6 http://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0010/288442/Eliminating-trans-fats-in-Europe-A-policy-brief.pdf

Avviż legali