Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1127/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1127/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Servizz Volontarju Ewropew

19.10.2016 - (2016/2872(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-1803/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Milan Zver, Elissavet Vozemberg-Vrionidi f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1126/2016

Proċedura : 2016/2872(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1127/2016
Testi mressqa :
B8-1127/2016
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-1127/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Servizz Volontarju Ewropew

(2016/2872(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta' Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011)[1],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummisjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu "Komunikazzjoni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat: Ir-Rikonoxximent u l-Promozzjoni fl-UE tal-Ħidmiet Volontarji Transkonfinali" (COM(2011)0568),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Politika għall-Volontarjat fl-Ewropa tal-Alleanza tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-volontarjat u l-attivitajiet ta' volontarjat fl-Ewropa[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar ir-rikonoxximent u l-promozzjoni fl-UE tal-ħidmiet volontarji transkonfinali[4],

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Voluntiera[5],

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar ir-rwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni ekonomika u soċjali[6],

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Volontarju Ewropew (O-000107/2016 – B8-1803/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi jfakkar li fl-2016, is-Servizz Volontarju Ewropew jiċċelebra l-20 anniversarju tiegħu u li matul dawn l-20 sena ġew appoġġjati 100 000 voluntier;

B.  billi jenfasizza li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, appoġġjata bis-saħħa mill-Parlament Ewropew, tirrapreżenta opportunità politika ewlenija biex tenfasizza l-valur miżjud tal-volontarjat fl-Ewropa u li issa, ħames snin wara, il-Parlament Ewropew għandu jirrifletti fuq l-impatt li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 kellha fuq l-iżvilupp tal-politika u fuq kif il-volontarjat huwa mdaħħal fi Programmi Ewropej ewlenin, bħall-Erasmus+ u s-Servizz Volontarju Ewropew tiegħu;

C.  billi jfakkar li l-volontarjat jitwettaq mir-rieda ħielsa, l-għażla u l-motivazzjoni ta' persuna, mingħajr ma tfittex li tagħmel xi gwadann finanzjarju; billi jenfasizza li l-volontarjat jista' jiġi definit bħala vjaġġ ta' solidarjetà u li huwa mezz kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u t-tħassib uman, soċjali u ambjentali;

D.  billi jenfasizza li l-volontarjat għandu valur u importanza bħala waħda mill-aktar espressjonijiet ta' solidarjetà viżibbli, li tippromwovi u tiffaċilita l-inklużjoni soċjali, tibni kapital soċjali u tipproduċi effett trasformattiv fuq is-soċjetà u li l-volontarjat jikkontribwixxi kemm għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili li tirnexxi, li tista' toffri soluzzjonijiet kreattivi u innovattivi għal sfidi komuni u għal tkabbir ekonomiku u li, bħala tali, jistħoq li jitkejjel b'mod speċifiku u mmirat f'termini ta' kapital kemm ekonomiku kif ukoll soċjali;

E.  billi jenfasizza li l-volontarjat jeħtieġ taħlita ta' mekkaniżmi ta' appoġġ u/jew strutturi organizzattivi xierqa li għandhom jiġu msaħħa aktar permezz ta' qafas ġuridiku adegwat li jidentifika d-drittijiet u r-responsabilitajiet tal-voluntiera u l-volontarjat;

F.  billi jenfasizza li kull persuna hija intitolata għal aċċess ugwali għal opportunitajiet ta' volontarjat u protezzjoni minn kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni u għandha tingħata d-dritt li tirrikonċilja l-attivitajiet tagħha ta' volontarjat mal-ħajja privata u l-ħajja professjonali tagħha sabiex tkun tista' tikseb ċertu ammont ta' flessibilità waqt l-attivitajiet ta' volontarjat;

G.  billi jenfasizza li r-rikonoxximent tal-volontarjat huwa kruċjali wkoll sabiex jiġu mħeġġa inċentivi xierqa għall-partijiet interessati kollha, biex b'hekk jiżdiedu l-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-volontarjat u li dan jeħtieġ l-iżvilupp ta' kultura ta' rikonoxximent li turi l-volontarjat bħala forza li tmexxi l-prattika tal-valuri Ewropej;

1.  Jirrikonoxxi li l-volontarjat huwa espressjoni ta' solidarjetà, libertà u responsabilità li tikkontribwixxi għat-tisħiħ taċ-ċittadinanza attiva u huwa għodda essenzjali kemm għall-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali kif ukoll għat-taħriġ, l-edukazzjoni u d-djalogu interkulturali, filwaqt li jagħti kontribut importanti biex jixxerrdu l-valuri Ewropej; jenfasizza l-fatt li l-benefiċċji tiegħu huma rikonoxxuti wkoll fix-xogħol ta' volontarjat imwettaq ma' pajjiżi terzi bħala għodda strateġika li trawwem fehim reċiproku u relazzjonijiet interkulturali;

2.  Jirrimarka li l-volontarjat bħala tali jgħin lill-persuni jiksbu ħiliet u kompetenzi li għandhom jiġu rikonoxxuti bħala edukazzjoni informali u mhux formali;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu s-Servizz Volontarju Ewropew fis-sistemi edukattivi u akkademiċi tagħhom bħala għodda għat-tixrid tal-edukazzjoni dwar is-solidarjetà u l-involviment ċiviku fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa;

4.  Jinnota li fl-Ewropa kważi 100 miljun ċittadin ta' kull età huma voluntiera li x-xogħol tagħhom jikkontribwixxi għall-produzzjoni ta' madwar 5 % tal-PDG;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tmexxi studju dwar skemi ta' servizzi volontarji nazzjonali, kif ukoll servizz ċiviku u korp ta' solidarjetà u l-ambjent eżistenti għal voluntiera potenzjali fost l-Istati Membri, sabiex jiġu faċilitati l-fehim reċiproku u t-tixrid ta' prattiki tajba, u l-possibilità li jiġi stabbilit Servizz Ċiviku Ewropew, kollox sabiex titrawwem iċ-ċittadinanza Ewropea; jenfasizza, madankollu, li skemi ta' servizz ċiviku għandhom ikunu komplementari għall-opportunitajiet attwalment eżistenti u mhux jissostitwuhom;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi l-iżvilupp ta' politika Ewropea koordinata għall-volontarjat b'punt ta' kuntatt uniku fil-Kummissjoni li jgħaqqad inizjattivi u programmi individwali;

7.  Jenfasizza r-rwol tat-tixjiħ attiv fil-volontarjat u jsaħħaħ ir-rwol ta' ċittadini żgħażagħ kif ukoll anzjani fl-involviment ċiviku fl-Ewropa billi jkompli jibni fuq l-impetu tas-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta' Volontarjat (2011) u s-Sena Ewropea tat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (2012);

8.  Ifakkar li s-Servizz Volontarju Ewropew għandu jkun ibbażat fuq struttura li tippermetti aċċess rapidu u faċli miż-żgħażagħ għall-programm u għaldaqstant jitlob simplifikazzjoni tas-sistema ta' applikazzjoni attwali;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-segwitu u d-dimensjoni lokali wara esperjenza ta' volontarjat barra mill-pajjiż billi jingħata appoġġ għall-komunitajiet lokali mhux biss qabel it-tluq, iżda wkoll mal-wasla, fil-forma ta' taħriġ ta' postorjentazzjoni u postintegrazzjoni;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.