Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1135/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1135/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Servizz Volontarju Ewropew

19.10.2016 - (2016/2872(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-1803/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Helga Trüpel f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1126/2016

Proċedura : 2016/2872(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1135/2016
Testi mressqa :
B8-1135/2016
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-1135/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Servizz Volontarju Ewropew

(2016/2872(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta' Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011)[1],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummisjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu "Komunikazzjoni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat: Ir-Rikonoxximent u l-Promozzjoni fl-UE tal-Ħidmiet Volontarji Transkonfinali" (COM(2011)0568),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Politika għall-Volontarjat fl-Ewropa tal-Alleanza tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-volontarjat u l-attivitajiet tal-volontarjat fl-Ewropa[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar ir-rikonoxximent u l-promozzjoni fl-UE tal-ħidmiet volontarji transkonfinali[4],

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Voluntiera[5],

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Volontarju Ewropew (O-000107/2016 – B8-1803/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi jfakkar li fl-2016, is-Servizz Volontarju Ewropew jiċċelebra l-20 anniversarju tiegħu u li matul dawn l-20 sena ġew appoġġati 100 000 voluntier;

B.  billi jenfasizza li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, appoġġata b'qawwa mill-Parlament Ewropew, tirrapreżenta opportunità politika ewlenija biex jiġi enfasizzat il-valur miżjud tal-volontarjat fl-Ewropa u li issa, ħames snin wara, il-Parlament Ewropew għandu jirrifletti fuq l-impatt li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 kellha fuq l-iżvilupp tal-politika u fuq kif il-volontarjat huwa inkorporat fil-programmi Ewropej ewlenin, bħall-Erasmus+ u s-Servizz Volontarju Ewropew tiegħu;

C.  billi jfakkar li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 ipprovdiet l-impetu u l-qafas għall-istabbiliment u/jew reviżjoni tal-oqfsa nazzjonali u legali għall-volontarjat fl-Ewropa kollha; billi jenfasizza li dan kien partikolarment il-każ fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, fejn ġew żviluppati u introdotti liġijiet u strateġiji ġodda; billi jisħaq, madankollu, li fejn jidħol il-volontarjat l-Ewropa għad m'għandhiex politika kkoordinata li tinqeda b'punt ta' kuntatt uniku fl-istituzzjonijiet tal-UE;

D.  billi jfakkar li l-volontarjat jitwettaq mir-rieda ħielsa, l-għażla u l-motivazzjoni ta' persuna, mingħajr ma tfittex li tagħmel xi gwadann finanzjarju; billi jenfasizza li l-volontarjat jista' jiġi definit bħala vjaġġ ta' solidarjetà u li huwa mezz kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u t-tħassib uman, soċjali u ambjentali;

E.  billi jisħaq li l-volontarjat għandu valur u importanza bħala wieħed mill-aktar espressjonijiet viżibbli ta' solidarjetà, li jippromwovi u jiffaċilita l-inklużjoni soċjali, jibni l-kapital soċjali u jipproduċi effett trasformattiv fuq is-soċjetà, u billi l-volontarjat jikkontribwixxi kemm għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili prosperuża, li tista' toffri soluzzjonijiet kreattivi u innovattivi għal sfidi komuni, kif ukoll għal tkabbir ekonomiku, u li bħala tali jistħoqlu li jitkejjel b'mod speċifiku u mmirat f'termini ta' kapital kemm ekonomiku kif ukoll soċjali;

F.  billi jfakkar li ambjent ta' appoġġ huwa essenzjali biex jiġi żgurat l-involviment ta' aktar ċittadini Ewropej fil-volontarjat, u b'hekk jiggarantixxi finanzjament sigur u sostenibbli għall-infrastruttura tal-volontarjat, speċjalment l-organizzazzjonijiet li jinvolvu l-voluntiera;

G.  billi jenfasizza li l-volontarjat jeħtieġ taħlita ta' mekkaniżmi ta' appoġġ u/jew strutturi organizzattivi xierqa li għandhom jiġu msaħħa aktar permezz ta' qafas ġuridiku adegwat li jidentifika d-drittijiet u r-responsabilitajiet tal-voluntiera u l-volontarjat;

H.  jisħaq li kull persuna hija intitolata għal aċċess ugwali għall-opportunitajiet ta' volontarjat u l-protezzjoni kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, u li kulħadd għandu jingħata d-dritt li jirrikonċilja l-attività ta' volontarjat mal-ħajja privata u professjonali tiegħu, biex ikun jista' jikseb ċertu ammont ta' flessibilità matul l-attività tal-volontarjat;

I.  billi jenfasizza li r-rikonoxximent tal-volontarjat huwa kruċjali wkoll sabiex jiġu mħeġġa inċentivi xierqa għall-partijiet ikkonċernati kollha, biex b'hekk jiżdiedu l-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-volontarjat, u li dan jeħtieġ l-iżvilupp ta' kultura ta' rikonoxximent li juri l-volontarjat bħala forza li tmexxi l-prattika tal-valuri Ewropej;

J.  billi jirrikonoxxi li l-QFP 2020-2014 il-ġdid tal-UE ggarantixxa ċerti fondi tal-UE għall-volontarjat b'mod partikolari, il-Programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini", li bħalissa huwa ġestit minn DĠ HOME u li bħala prijorità għandu l-volontarjat; billi jenfasizza li l-Programm ġdid Erasmus+ għadu joffri opportunitajiet biex jiffinanzja u jappoġġa proġetti ta' volontarjat, partikolarment permezz tal-Programm tas-Servizz Volontarju Ewropew, u billi l-programm Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tnieda minn DĠ ECHO biex jipprovdi appoġġ prattiku għal proġetti ta' għajnuna umanitarja; billi jisħaq, madankollu, li l-aċċess li għandhom l-organizzazzjonijiet volontarji għal fondi oħra tal-UE, bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, għadu ferm limitat;

K.  billi jfakkar li l-kriżi tar-rifuġjati attwali hija eżempju rilevanti, u simbolu viżibbli, tal-importanza tal-voluntiera u l-mod kif dawn jippersonifikaw il-valuri Ewropej, jikkontribwixxu għar-reżiljenza u huma disponibbli biex joffru soluzzjonijiet flessibbli u prammatiċi għall-isfidi komuni;

1.  Jirrikonoxxi li l-volontarjat huwa espressjoni ta' solidarjetà, libertà u responsabilità li tikkontribwixxi għat-tisħiħ taċ-ċittadinanza attiva, u huwa għodda essenzjali kemm għall-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali kif ukoll għat-taħriġ u l-edukazzjoni u d-djalogu interkulturali, filwaqt li jagħti kontribut importanti biex jinxterdu l-valuri Ewropej; jisħaq fuq il-fatt li l-benefiċċji tiegħu huma rikonoxxuti wkoll fix-xogħol tal-volontarjat imwettaq ma' pajjiżi terzi bħala għodda strateġika għat-trawwim ta' fehim reċiproku u relazzjonijiet interkulturali; iqis li l-ebda politika tal-UE dwar din il-kwistjoni m'għandha tissostitwixxi l-ħidma kbira li diġà saret min-naħa tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u d-diversi organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

2.  Jenfasizza l-importanza li jiġi pprovdut qafas ġuridiku li jirrikonoxxi l-istatus ta' volontarjat, bi drittijiet u responsabilitajiet għall-voluntiera u l-volontarjat, u li jiffaċilita l-mobilità u l-għarfien; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għad iridu jiddefinixxu ambjent legali għall-voluntiera biex jużaw il-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Voluntiera;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw proċessi ta' validazzjoni konkreti fil-qafas tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012; jitlob li kwalunkwe inizjattiva futura b'rabta mal-Passaport Ewropew tal-Ħiliet u l-Europass tagħti aktar rilevanza lit-tagħlim miksub permezz ta' esperjenzi formali, informali u mhux formali, inkluż il-volontarjat; ifakkar li l-volontarjat jippermetti lin-nies jiksbu ħiliet li jiffaċilitawlhom l-aċċess għas-suq tax-xogħol;

4.  Jissuġġerixxi li l-idea li l-ħin iddedikat għall-volontarjat isir eliġibbli bħala kofinanzjament għall-għotjiet tal-UE, kif ipproponiet dan l-aħħar il-Kummissjoni fil-proposta dwar Regolament Finanzjarju ġdid, għandha tiġi appoġġata u implimentata; jisħaq li ebda attività ta' volontarjat m'għandha tieħu post attività bi ħlas eventwali;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw is-sistema żviluppata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għat-tkejjil tal-valur ekonomiku tal-volontarjat; jistieden lill-Eurostat jappoġġa lill-Istati Membri f'dan l-eżerċizzju sabiex jiġi żgurat li tinġabar data komparattiva fl-Ewropa, kif ukoll li jiġu żviluppati indikaturi u metodoloġiji għat-tkejjil tal-impatt ekonomiku tal-volontarjat;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta' servizzi volontarji nazzjonali ffinanzjati b'mod adegwat u jtejbu l-aċċess għal informazzjoni ta' kwalità dwar l-opportunitajiet ta' volontarjat fil-livell nazzjonali u lokali, b'mod partikolari permezz ta' netwerks ta' informazzjoni eżistenti għaż-żgħażagħ u informazzjoni bejn il-pari; iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu ċentri nazzjonali għas-servizzi ċiviċi li jippromovu wkoll opportunitajiet ta' volontarjat internazzjonali; jemmen li l-UE għandha tfittex li tiffaċilita l-aċċess għall-programmi ta' volontarjat billi tikkoordina l-azzjonijiet taħt id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni u l-Kultura (DĠ EAC), HOME u ECHO;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tmexxi studju dwar skemi ta' servizzi nazzjonali volontarji, kif ukoll servizz ċiviku u korp ta' solidarjetà u l-ambjent eżistenti għal voluntiera potenzjali fost l-Istati Membri, sabiex jiġu ffaċilitati l-fehim reċiproku u t-tixrid ta' prattiki tajba, u l-possibilità li jiġi stabbilit Servizz Ċiviku Ewropew – kollox sabiex titrawwem iċ-ċittadinanza Ewropea;

8.  Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħloq inizjattiva ġdida ta' volontarjat, il-Korp ta' Solidarjetà tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-organizzazzjonijiet tal-voluntiera b'mod partikolari jiġu involuti fit-tfassil tal-inizjattiva u li l-implimentazzjoni tagħha ma tfixkilx il-baġits li huma diġà allokati għal programmi oħra;

9.  Jinsisti li l-programm tas-Servizz Volontarju Ewropew għandu jkun ta' benefiċċju għall-individwi u l-organizzazzjonijiet involuti, kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi, u li s-Servizz Volontarju Ewropew għandu jsaħħaħ id-dimensjoni tal-impenn ċiviku tal-Programm Erasmus+; jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni tas-Servizz Volontarju Ewropew għaż-żgħażagħ kollha, speċjalment dawk li għadhom mhumiex interessati fil-volontarjat u l-mobilità, biex b'hekk jinħolqu l-motivazzjoni u l-bidliet fl-attitudni, mingħajr ma tiġi eskluża l-ġenerazzjoni aktar anzjana, peress li dawn għandhom sehem importanti x'jagħtu, pereżempju bħala mentors;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li s-Servizz Volontarju Ewropew għandu jkun ibbażat fuq offerti ta' volontarjat ta' kwalità u jsegwi l-Karta tal-Volontarjat u l-prinċipji tal-Karta ta' Kwalità dwar il-Mobilità għat-Tagħlim, u li s-Servizz Volontarju Ewropew għandu jkun imsejjes fuq struttura li tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tal-volontarjat isiru organizzazzjonijiet ospitanti, biex b'hekk jingħataw finanzjament u taħriġ adegwati, filwaqt li jissaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet koordinaturi li jappoġġaw għadd kbir ta' organizzazzjonijiet ospitanti, pereżempju f'dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni u t-taħriġ;

11.  Ifakkar li s-Servizz Volontarju Ewropew għandu jkun ibbażat fuq struttura li tippermetti li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess rapidu u faċli għall-programm, u għaldaqstant jitlob simplifikazzjoni tas-sistema ta' applikazzjoni attwali;

12.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu s-segwitu u d-dimensjoni lokali wara esperjenza ta' volontarjat barra mill-pajjiż billi jingħata appoġġ lill-komunitajiet lokali, mhux biss qabel it-tluq, iżda wkoll mal-wasla, fil-forma ta' taħriġ ta' postorjentazzjoni u postintegrazzjoni;

13.  Jinsisti li tul il-proċess għandu jiġi pprovdut mentorship ta' kwalità, u dan billi l-voluntiera jiġu mmaniġġjati b'mod responsabbli u megħjuna ħalli jsiru konxji mir-responsabilità tagħhom stess f'dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni u l-involviment fil-komunità;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.