Proċedura : 2016/2956(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1166/2016

Testi mressqa :

B8-1166/2016

Dibattiti :

PV 26/10/2016 - 12
CRE 26/10/2016 - 12

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0422

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 437kWORD 99k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1159/2016
24.10.2016
PE593.592v01-00
 
B8-1166/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul (2016/2956(RSP))


Lars Adaktusson, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Esther de Lange, György Hölvényi, Michèle Alliot-Marie, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul (2016/2956(RSP))  
B8-1166/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq(1), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(2), b'mod partikolari l-paragrafu 4 tagħha, tas-27 ta' Novembru 2014 dwar l-Iraq: sekwestru u trattament ħażin tan-nisa(3), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(4), u speċifikament il-paragrafu 27, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani(5), b'mod artikolari l-paragrafi 2, 5 u 8, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(6), b'mod artikolari l-paragrafi 129 u 211 tagħha, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015(7), b'mod artikolari l-paragrafi 66 u 67 tagħha, tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh(8), tat-30 ta' April 2015 dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil tal-istudenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab(9), u tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh'(10), b'mod artikolari l-paragrafi 11, 12 u 14 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll dawk dwar it-theddida tad-Da'esh, tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar l-Iraq, tas-16 ta' Marzu 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll dawk dwar it-theddida tad-Da'esh, tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIL/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq, tat-30 TA' Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja, tal-14 ta' April 2014 u tat-12 ta' Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra, fost l-oħrajn, il-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew twemmin; il-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; il-Linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom; il-Linji gwida għall-politika tal-UE fil-konfront ta' pajjiżi terzi rigward it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra; il-Linji Gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati; il-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal; u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni online u offline,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2091(2016) 'Foreign fighters in Syria and Iraq' (Ġellieda Barranin fis-Sirja u l-Iraq) adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fis-27 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Iraq, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2299 (2016) u 2249 (2015) li jikkundannaw l-attakki terroristiċi reċenti mill-ISIS/Da'esh,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali bl-isem "Consideration of the report submitted by Iraq" (Kunsiderazzjoni tar-rapport ippreżentat mill-Iraq), tat-2 ta' Ottubru 2013; id dokument tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat- bl-isem "Concluding observations on the report by Iraq" (Osservazzjonijiet konklużivi dwar ir-rapport mill-Iraq), tat-3 ta' Marzu 2015; id-dokument tal-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Furzat bl-isem "Concluding Observations on the report submitted by Iraq" (Osservazzjonijiet Konklużivi dwar ir-rapport ippreżentat mill-Iraq), tat-13 ta' Ottubru 2015; id-dokument tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali bl-isem "Concluding observations on the report by Iraq" (Osservazzjonijiet konklużivi dwar ir-rapport mill-Iraq), tas-27 ta' Ottubru 2015; u d-dokument tal-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem bl-isem "Concluding Observations on Iraq" (Osservazzjonijiet Konklużivi dwar l-Iraq), tat-3 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-operazzjoni għal-liberazzjoni ta' Mosul mill-"ISIS/Da'esh" bdiet, u disputi mhux riżolti dwar il-fruntieri interni fit-Tramuntana tal-Iraq, jekk ma jiġux indirizzati mill-atturi militari li qed jiġġieldu l-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh" u mill-komunità internazzjonali kollha kemm hi, jistgħu jipprevjenu r-riabilitazzjoni taż-żona u r-ripatrijazzjoni ta' residenti spostati, u b'hekk huma ta' theddida għall-eżistenza futura ta' minoranzi vulnerabbli fiż-żona;

B.  billi l-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, kif ukoll ir-reġjun usa', kienu art twelid l-antenati ta' Nsara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), Yazidi, Għarab Sunniti u Xiiti, Kurdi, Shabak, Turkmeni, Kaka'i, Sabejani-Mandjani u oħrajn, fejn huma għexu għal sekli sħaħ fi spirtu ta' pluraliżmu ġenerali, stabilità u kooperazzjoni komuni minkejja perjodi ta' vjolenza u persekuzzjoni esterni, sal-bidu ta' dan is-seklu u l-okkupazzjoni ta' parti kbira tar-reġjun mill-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh" fl-2014;

C.  billi l-Insara tal-Iraq, li darba laħqu 'l fuq minn 1.5 miljun fl-2003, illum naqsu għal inqas minn 200 000 - 350 000, u ħafna minnhom jgħixu fil-faqar u l-insikurezza;

D.  billi l-preżenza tal-Insara u ta' minoranzi oħra fl-Iraq u l-Lvant Nofsani usa' tradizzjonalment kellha importanza soċjali kbira, billi huma kienu kontributuri ewlenin u li kkontribwiet għall-istabilità politika, u l-qerda ta' dawn il-minoranzi se tkompli tiddestabbilizza r-reġjun;

E.  billi, fl-4 ta' Frar 2016, il-Parlament irrikonoxxa li 'ISIS/Da'esh' "qed iwettaq ġenoċidju kontra l-Insara u l-Yazidi, u minoranzi reliġjużi u etniċi oħra, li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tal-Iżlam tal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' ", u "li l-persekuzzjoni, l-atroċitajiet u d-delitti internazzjonali jammontaw għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità";

F.  billi mal-Parlament issieħbu l-Kunsill tal-Ewropa, id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, il-Kungress tal-Istati Uniti, il-Parlament tar-Renju Unit, il-parlament Awstraljan u nazzjonijiet u istituzzjonijiet oħra li jirrikonoxxu li l-atroċitajiet imwettqa mill-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh" kontra minoranzi reliġjużi u etniċi fl-Iraq jinkludu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

G.  billi l-Parlament talab lill-komunità internazzjonali u lill-istati membri tagħha, inkluża l-UE u l-Istati Membri tagħha, biex jiżguraw il-kundizzjonijiet u l-prospetti ta' sigurtà meħtieġa għal dawk kollha li ġew imġiegħla jitilqu minn art twelidhom jew ġew spostati b'mod furzat, biex jagħmlu effettiv id-dritt tagħhom li jirritornaw lejn art twelidhom malajr kemm jista' jkun, skont l-Artikolu 13.2 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 12.4 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jiġu preservati djarhom, arthom, il-proprjetà u l-affarijiet tagħhom, kif ukoll il-knejjes u s-siti reliġjużi u kulturali tagħhom, u li huma jingħataw l-opportunità li jgawdu ħajja u futur b'dinjità u mingħajr periklu, u li jipparteċipaw b'mod sħiħ bħala ċittadini ugwali fl-oqsma soċjali, ekonomiku, kulturali u politiku ta' pajjiżhom;

H.  billi l-liberazzjoni tat-Tramuntana tal-Iraq mill-"ISIS/Da'esh" tista' tirriżulta fir-repetizzjoni ta' żieda ta' spostamenti u flussi migratorji intensifikati li, skont mexxejja reliġjużi, jagħmlu l-aħħar ħruġ tal-Insara xenarju possibbli ħafna sakemm ma jkunx hemm azzjoni umanitarja kkoordinata li tinvolvi organizzazzjonijiet ta' salvataġġ ibbażati fuq it-twemmin reliġjuż;

I.  billi l-Parlament enfasizza l-importanza li l-komunità internazzjonali tipprovdi protezzjoni u għajnuna, inkluża protezzjoni u għajnuna militari, f'konformità mad-dritt internazzjonali, lil dawk fil-mira tal-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' u ta' organizzazzjonijiet terroristiċi oħra fil-Lvant Nofsani, bħall-minoranzi etniċi u reliġjużi, u li dawn il-gruppi jipparteċipaw f'soluzzjonijiet politiċi futuri dejjiema;

J.  billi l-Parlament issottolinja li huwa importanti li żona ta' kenn tiġi żgurat għall-Kaldej/Sirjaki/Assirjani u oħrajn f'riskju fil-Pjanuri ta' Nineveh tal-Iraq, żona fejn ħafna minoranzi etniċi u reliġjużi storikament kellhom preżenza qawwija u għexu fil-paċi maġenb xulxin;

K.  billi r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 60–/1 (2005) tiddikjara li "each individual state has the responsibility to protect its populations from genocide, war crimes, ethnic cleansing and crimes against humanity" (kull Stat individwali għandu r-responsabilità li jipproteġi l-popolazzjonijiet tiegħu minn ġenoċidu, krimini tal-gwerra, tindif etniku u delitti kontra l-umanità);

L.  billi l-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni tal-Iraq jiggarantixxi d-drittijiet reliġjużi sħaħ għall-individwi kollha għal-libertà tat-twemmin u prattika reliġjużi;

M.  billi l-Artikolu 125 tal-Kostituzzjoni tal-Iraq jiggarantixxi drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet, bħat-Turkmeni, il-Kaldej, l-Assirjani, u l-kostitwenti l-oħra kollha;

N.  billi l-atturi militari qed ikomplu jibgħatu lura lill-ISIL fit-Tramuntana tal-Iraq f'koordinazzjoni mal-Forzi tas-Sigurtà tal-Iraq, il-forzi Peshmerga tal-Gvern Reġjonali Kurd u forzi tas-sigurtà indiġeni lokali b'missjoni ta' sigurtà nazzjonali;

O.  billi r-ripatrijazzjoni tal-komunitajiet indiġeni tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar lejn art twelid l-antenati tagħhom, u r-rivitalizzazzjoni ekonomika ta' dawn il-komunitajiet b'mod li jipprovdi opportunità għal diversi komunitajiet etniċi u reliġjużi biex jiffjorixxu, isaħħu l-istabilità tal-Iraq u l-interessi tas-sigurtà tal-komunità internazzjonali;

P.  billi l-protezzjoni tal-awtodeterminazzjoni u tas-sigurtà lokali għall-komunitajiet tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar fil-qafas tar-Repubblika Federali tal-Iraq tirrestawra u tħares id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inklużi drittijiet ta' proprjetà, tal-popli indiġeni ta' dak ir-reġjun;

Q.  billi diversi mexxejja Nsara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), Yazidi u Turkmeni esprimew appoġġ għal reġjun amministrattiv awtonomu li jinkludi l-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar;

R.  billi l-Prim Ministru tal-Iraq Haider al-Abadi fil-15 ta' April 2015 iddikjara li "jekk ma niddeċentralizzawx, il-pajjiż se jitfarrak. Għalija, m'hemm l-ebda limitu għad-deċentralizzazzjoni";

1.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu favur ir-Repubblika tal-Iraq u l-poplu tiegħu fir-rikonoxximent ta' provinċja politikament, soċjalment u ekonomikament vijabbli u sostenibbli fir-reġjuni tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, bi qbil ma' espressjonijiet legali ta' awtodeterminazzjoni mill-popli indiġeni tiegħu;

2.  Jenfasizza li d-dritt ta' ritorn lejn art twelid l-antenati tagħhom għall-persuni indiġeni spostati tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar — li ħafna minnhom huma spostati ġewwa l-Iraq — għandu jkun prijorità politika tal-Gvern tal-Iraq b'appoġġ mill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali;

3.  Jenfasizza l-fatt li, mar-ritorn tal-popli indiġeni tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar lejn pajjiżhom, bl-appoġġ tal-Gvern tar-Repubblika tal-Iraq u tal-Gvern Reġjonali Kurd, dawn il-popli għandhom jingħataw lura d-drittijiet tal-bniedem fundamentali tagħhom, inklużi d-drittijiet ta' proprjetà, li għandu jkollhom prijorità fuq kwalunkwe talba għad-drittijiet ta' proprjetà li ssir minn oħrajn;

4.  Jisħaq li l-komunitajiet indiġeni tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar – l-Insara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), il-Yazidi, it-Turkmeni, u oħrajn – għandhom id-dritt għas-sigurtà, is-sikurezza u l-awtodeterminazzjoni fi ħdan l-istruttura federali tar-Repubblika tal-Iraq;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq u lill-Gvern Reġjonali Kurd, kif ukoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, lill-komunità u lill-atturi internazzjonali, biex jiżguraw l-integrità u s-sigurtà territorjali tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq u lis-sħab internazzjonali tiegħu biex jagħmlu prijorità mis-sejba ta' soluzzjoni paċifika għall-kwistjonijiet dwar il-fruntieri interni ikkontestati tar-Repubblika tal-Iraq;

7.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, lill-Koalizzjoni Kontra l-ISIL, lill-komunità u lill-atturi internazzjonali, biex jaħdmu flimkien mal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tar-Repubblika tal-Iraq favur soluzzjoni sostenibbli dwar is-sigurtà fil-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar;

8.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, u lin-NU u lill-istati membri tagħha, jaħdmu mal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tar-Repubblika tal-Iraq u mal-atturi nazzjonali u internazzjonali rilevanti kollha biex jissorveljaw ir-riintegrazzjoni paċifika tal-popli indiġeni f'art twelid l-antenati tagħhom fil-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, li bħalissa huma persuni spostati f'pajjiżhom, rifuġjati jew persuni li qed ifittxu asil x'imkien ieħor;

9.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, u lin-NU u lill-istati membri tagħha, jaħdmu mal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tar-Repubblika tal-Iraq, inkluż il-Gvern Reġjonali Kurd, biex jistabbilixxu l-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar bħala territorji mhux ikkontestati, politikament rappreżentati mill-popli u l-komunitajiet indiġeni tar-reġjun; jenfasizza l-ħtieġa għall-bini tal-kapaċitajiet professjonali tal-amministrazzjonijiet futuri tal-Pjanura ta' Nineveh, Sinjar u Tal Afar, u jenfasizza l-ħtieġa li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali biex jipprovdu taħriġ speċjali;

10.  Iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jappoġġaw lill-Gvern tal-Iraq fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ħolqien ta' Provinċja tal-Pjanura ta' Nineveh, skont id-deċiżjoni tal-Kabinett tiegħu tal-21 ta' Jannar 2014, u fid-deċentralizzazzjoni ulterjuri permezz tal-istabbiliment ukoll ta' provinċji f'Tal Afar u f'Sinjar u jappoġġaw l-amministrazzjonijiet provinċjali l-ġodda biex dawn jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, bi qbil ma' espressjonijiet legali ta' awtodeterminazzjoni tal-popli indiġeni tagħha;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jżidu forzi tas-sigurtà lokali mal-lista ta' forzi awtorizzati li jirċievu l-għajnuna; jemmen li l-forzi tas-sigurtà lokali għandhom jinkludi l-forzi lokali li huma impenjati li jipproteġu komunitajiet minoritarji etniċi u reliġjużi vulnerabbli ħafna fil-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar u fi bnadi oħra mit-theddida tas-salafiżmu ġiħadista; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu provvisti lill-forzi tas-sigurtà lokali għall-protezzjoni fit-tul ta' pajjiżhom;

12.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq biex, b'appoġġ mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, jipprovdi mezzi biex jitneħħew il-mini minn żoni li qabel kienu okkupati mill-"ISIS/Da'esh" u biex jaħdem f'kooperazzjoni mal-kunsilli lokali li jirrappreżentaw il-minoranzi bl-għan li jiżgura koordinazzjoni operattiva u jevita dewmien li jista' jfixkel ir-ritorn ta' rifuġjati u ta' persuni spostati f'pajjiżhom;

13.  Iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex jintensifikaw l-isforzi biex jindirizzaw l-isfidi umanitarji tal-poplu Iraqin, b'mod partikolari t-tfal, l-anzjani, in-nisa tqal u persuni oħra vulnerabbli, u jħeġġeġ lil dawk kollha kkonċernati biex jippermettu t-twassil ta' assistenza umanitarja mingħajr ebda xkiel; jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni umanitarja fuq skala wiesgħa fir-reġjun ta' Nineveh matul l-operazzjoni ta' liberazzjoni; itenni l-importanza li jiġu involuti organizzazzjonijiet ta' salvataġġ ibbażati fuq it-twemmin reliġjuż f'azzjoni umanitarja kkoordinata, speċjalment għal minoranzi etniċi u reliġjużi spostati;

14.  Jissottolinja l-importanza ta' Mosul għall-Iraq kollu kemm hu u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq jiżgura r-rappreżentanza tal-minoranzi fl-amministrazzjoni l-ġdida ta' Mosul; iqis li r-ritorn tar-rifuġjati u tal-persuni spostati f'pajjiżhom se jiddependi fuq l-istabilità tal-amministrazzjoni l-ġdida; jenfasizza d-dritt leġittimu tal-minoranzi għall-parteċipazzjoni politika u li dawn jerġgħu jibdew igawdu mid-drittijiet ta' proprjetà tagħhom; iqis li hemm ħtieġa kbira ta' midja bbilanċjata fir-reġjun sabiex tippromwovi l-paċi u biex tiġġieled kontra aktar tixrid tal-ideoloġija salafista ġiħadista wara li tkun intemmet l-okkupazzjoni mill-"ISIS/Da'esh" f'Mosul; jitlob li jingħata appoġġ lil proġetti li jippromwovu mezzi tax-xandir moderati u li jiġġieldu d-diskors ta' mibegħda;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0171.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0027.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2014)0066.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0040.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0071.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0076.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2015)0079.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2015)0179.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2015)0178.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2016)0051.

Avviż legali