Proċedura : 2016/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1168/2016

Testi mressqa :

B8-1168/2016

Dibattiti :

PV 26/10/2016 - 15

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0423

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 427kWORD 85k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1162/2016
24.10.2016
PE593.594v01-00
 
B8-1168/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija (2016/2935(RSP))


Takis Hadjigeorgiou, Marie-Christine Vergiat, Eleonora Forenza, Marisa Matias, Neoklis Sylikiotis, Patrick Le Hyaric, Barbara Spinelli, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Miguel Urbán Crespo, Estefanía Torres Martínez, Ángela Vallina, Malin Björk, Paloma López Bermejo, Merja Kyllönen, Martina Michels, Sofia Sakorafa, Curzio Maltese, Dimitrios Papadimoulis, Kostadinka Kuneva, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Javier Couso Permuy, Marina Albiol Guzmán f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija (2016/2935(RSP))  
B8-1168/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk dwar ir-rapporti ta' progress annwali u r-riżoluzzjoni dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar it-Turkija tal-2015 (SWD(2015)0216),

–  wara li kkunsidra l-fatt li r-rispett tal-istat tad-dritt, inkluż b'mod partikolari r-rispett tal-libertà tal-espressjoni, huwa fil-qalba tal-proċess ta' adeżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fil-15 ta' Lulju 2016, it-Turkija ġarrbet attentat ta' kolp ta' stat, li fih inqatlu aktar minn 250 persuna u li fih ġew fil-mira istituzzjonijiet demokratiċi bażiċi;

B.  billi, b'segwitu għall-attentat ta' kolp ta' stat, 2 500 ġurnalist tilfu xogħolhom u nħarġu mandati ta' arrest kontra tużżani ta' ħaddiema tal-midja;

C.  billi, wara l-attentat ta' kolp ta' stat, il-pulizija Torka arrestat aktar minn 140 ġurnalist, inklużi reporters, edituri u uffiċjali eżekuttivi fil-qasam tal-midja, akkużati li kienu "membri ta' organizzazzjoni terroristika";

D.  billi għadd ta' ġurnalisti li ġew arrestati wara l-15 ta' Lulju issa nħelsu, iżda għad fadal aktar minn 90 ġurnalista fil-ħabs, li ħafna minnhom huma detenuti mingħajr akkuża; billi l-ġurnalisti detenuti inċaħdilhom id-dritt ta' aċċess għal avukat u qed jinżammu f'kundizzjonijiet inumani ta' theddid u maltrattament;

E.  billi, f'xi każi, il-qraba tal-ġurnalisti li qegħdin fil-moħbi jew li ħarbu ġew arrestati u l-passaporti tagħhom ġew ikkonfiskati, b'mod li l-ġurnalisti jiġu mġiegħla jċedu;

F.  billi, minħabba l-istat ta' emerġenza u bl-iskuża li huma ssuspettati b'"kollaborazzjoni" mal-moviment Gülen, ġew esproprjati u/jew magħluqa 131 stabbiliment tal-midja, inklużi 45 gazzetta, 16-il stazzjon televiżiv, 23 stazzjon radjufoniku, 3 aġenziji tal-istampa, 15-il rivista u 29 impriża ta' publikazzjoni;

G.  billi, awar l-attentat ta' kolp ta' stat, l-awtoritajiet Torok għalqu wkoll stabbilimenti tal-midja li kienu favur il-Kurdi u arrestaw ġurnalisti li kienu favur il-Kurdi;

H.  billi, wara l-attentat ta' kolp ta' stat, ġurnalisti barranin ġew arrestati u deportati mit-Turkija;

I.  billi l-libertà tal-espressjoni fit-Turkija spiss tiġi kkontestata, b'mod partikolari permezz ta' interpretazzjoni arbitrarja u restrittiva tal-leġiżlazzjoni, pressjoni politika, tkeċċijiet u kawżi frekwenti fil-qrati kontra l-ġurnalisti, li lkoll huma elementi li jwasslu għall-awtoċensura; billi din il-pressjoni fuq il-midja, speċjalment wara l-attentat ta' kolp ta' stat, wasslet biex ġew eliminati kważi l-istabbilimenti kollha tal-midja li kienu kkollegati mal-oppożizzjoni jew li kienu kritiċi tal-gvern;

J.  billi, anke qabel l-attentat ta' kolp ta' stat, it-Turkija kienet qed iżżomm għadd kbir ħafna ta' ġurnalisti fil-ħabs jistennew li jiġu pproċessati, iżda minn Lulju 2016 saret il-pajjiż li l-aktar għandu ġurnalisti fil-ħabs fid-dinja, b'aktar minn 90 impriġunati attwalment, skont il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti;

K.  billi diversi istituzzjonijiet tal-UE, inklużi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew, f'bosta okkażjonijiet esprimew it-tħassib tagħhom rigward id-"definizzjoni usa'" tat-terroriżmu li issa qed tiġi applikata fit-Turkija, u li tippermetti żieda fir-ripressjoni indirizzata kontra dawk li jopponu lir-reġim, b'mod speċjali l-ġurnalisti, l-avversarji politiċi u l-Kurdi;

L.  billi ġudikatura indipendenti hija waħda mill-bażijiet fundamentali tal-istat tad-dritt; billi, skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Imħallfin, kważi 3 400 maġistrat kelhom il-kariga revokata u 2 900 għadhom il-ħabs;

M.  billi ħafna minn dawk li qegħdin il-ħabs m'għandhom l-ebda aċċess għal avukat;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-impriġunamenti kollha inġustifikati ta' ġurnalisti u d-detenzjonijiet provviżorji kollha bbażati jew fuq kriterji politiċi jew fuq suspetti mhux motivati ta' "tifħir għal organizzazzjoni terroristika"; jappella biex il-ġurnalisti impriġunati kollha li qed jinżammu mingħajr prova ta' involviment individwali fit-twettiq ta' reat jew mingħajr ma jinġiebu akkużi kontrihom jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet;

2.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija rigward il-libertà tal-istampa, b'mod partikolari l-libertà tal-ġurnalisti, tal-edituri u ta' min jaħdem fil-qasam tal-midja;

3.  Jemmen b'mod qawwi li mhux tajjeb li l-istat ta' emerġenza u l-miżuri eċċessivi u indiskriminati biex jiġu eliminati dawk l-individwi kollha li hu maħsub li huma konnessi mal-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju jintużaw bħala skuża biex jiġi ġġustifikat l-użu ħażin tal-forza kontra ċ-ċittadini, il-ġurnalisti u l-kumpaniji tal-midja;

4.  Jappella lill-Gvern Tork biex – bi qbil mal-KEDB u mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), l-acquis tal-UE u l-prattiki tal-Istati Membri – jirrevedi l-qafas ġuridiku f'dak li għandu x'jaqsam mal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, kif ukoll l-interpretazzjoni tiegħu mill-qrati u mill-forzi tas-sigurtà u l-aġenziji għall-infurzar tal-liġi, sabiex jiżgura fil-prattika d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għal proċess ġust u l-libertà tal-espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni;

5.  Jappella lill-Gvern Tork biex minnufih jistabbilixxi mill-ġdid is-sinjali tax-xandara kollha u jieħu l-passi meħtieġa biex jippermetti li l-ġurnalisti jirrapportaw mingħajr theddid, fastidju jew biża' li jintbagħtu l-ħabs;

6.  Jikkundanna t-tentattivi mill-awtoritajiet Torok biex jintimidaw u jiddeportaw lill-ġurnalisti internazzjonali;

7.  Jappella lill-awtoritajiet Torok biex joqogħdu lura milli jittrattaw lill-membri tal-familja ta' ġurnalisti ssuspettati bħala suspettati potenzjali wkoll u milli jużaw sanzjonijiet amministrattivi jew ta' tip ieħor kontrihom, bħalma ġara fil-każ ta' mart il-ġurnalist eżiljat Can Dündar, li ġiet arrestata u li kkonfiskawlha l-passaport f'tentattiv biex is-Sur Dündar ikollu jerġa' lura t-Turkija;

8.  Jappella lill-awtoritajiet Torok biex iqisu s-sitwazzjoni tas-saħħa u familjari tal-ġurnalisti ssuspettati b'reati meta jiddetenuhom u jinterrogawhom;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jagħmlu awtorità indipendenti li tirrappreżenta l-professjoni ġurnalistika responsabbli għall-ħruġ tat-tesseri tal-istampa, minflok id-Direttorat Ġenerali għall-Informazzjoni u għall-Midja (BYEGM), li jirrapporta lill-uffiċċju tal-Prim Ministru Tork;

10.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni rigward l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija; iħeġġeġ lit-Turkija biex tikkalma l-klima politika mimlija tensjoni b'segwitu għall-attentat ta' kolp ta' stat li qed toħloq ambjent li jrażżan il-libertà tal-espressjoni fil-midja u fl-internet; jikkundanna, barra minn hekk, l-impriġunament ta' kważi 3 400 maġistrat u l-fatt li kważi 2 900 minnhom għadhom il-ħabs;

11.  Ifakkar li stampa libera u pluralista hija komponent essenzjali ta' kull demokrazija; ifakkar lill-awtoritajiet Torok li jeħtiġilhom jimxu bl-akbar attenzjoni meta jkunu qed jittrattaw mal-midja u mal-ġurnalisti, peress li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja jibqgħu ċentrali għall-funzjonament ta' soċjetà demokratika u miftuħa;

12.  Jappella lill-Gvern Tork biex minnufih itemm l-investigazzjoni arbitrarja tal-ġurnalisti, ir-rumanziera u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem magħrufa internazzjonalment li żiedu leħinhom fil-kampanja ta' solidarjetà mal-gazzetta ta' kuljum Özgür Gündem meta qdew ir-rwol ta' "aġent edituri"; jappella lill-gvern biex jeħles minnufih lil kull min hu impriġunat għall-istess raġuni, u lir-rumanzier Asli Erdogan b'mod partikolari;

13.  Jappella lill-Gvern Tork biex jinvestiga b'mod effikaċi l-allegazzjonijiet rigward it-tortura tal-ġurnalisti impriġunati, b'mod partikolari Bilir Kaya u Inan Kizilkaya, il-koedituri tal-gazzetta ta' kuljum li ngħalqet Özgür Gündem;

14.  Jikkundanna bbil-qawwa l-għeluq riċenti ta' 13-il stabbiliment tal-midja u 11-il stazzjon radjufoniku, inkluż b'mod partikolari IMC TV, li jxandar il-fehma tal-oppożizzjoni, u Zarok TV, li kien ixandar cartoons tat-tfal bil-lingwa Kurda; jenfasizza b'mod qawwi li t-tiskit arbitrarju ta' kull leħen avversarju bl-iskuża tal-"ġlieda kontra t-terroriżmu" mhux se jgħin biex it-tensjoni tonqos;

15.  Jikkundanna b'qawwa d-deċiżjoni tal-kumpanija Franċiża Eutelsat, li ma baqgħetx ixxandar l-istazzjon tal-aħbarijiet favur il-Kurdi u bbażat fi Brussel, MED Nûçe TV fuq talba tal-awtoritajiet Torok, u jappella lill-kumpanija biex tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha;

16.  Jappella lill-Gvern Tork biex ikompli bir-riformi kollha meħtieġa ħalli jiżgura l-kontrolli u l-ekwilibriji adegwati li jiggarantixxu kompletament il-libertà, inklużi l-libertà ta' ħsieb u l-libertà tal-espressjoni u tal-midja, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

17.  Jissottolinja l-importanza tal-libertà tal-istampa, ġudikatura indipendenti u r-rispett tal-valuri demokratiċi għall-proċess ta' tkabbir tal-UE; jenfasizza li għadd ta' dispożizzjonijiet tal-qafas ġuridiku Tork u l-interpretazzjoni tagħhom minn membri tal-ġudikatura għadhom qed ixekklu l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-midja; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja jinsabu fil-qalba tal-valuri Ewropej, u li stampa indipendenti hija kruċjali għal soċjetà demokratika, għax tippermetti li ċ-ċittadini jieħdu sehem attiv fil-proċessi deċiżjonali kollettivi fuq bażi informata, u għaldaqstant issaħħaħ id-demokrazija; iħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkija biex, f'dan ir-rigward, jindirizza l-libertà tal-midja bħala kwistjoni prijoritarja u jipprovdi qafas ġuridiku adegwat li jiggarantixxi l-pluraliżmu bi qbil mal-istandards internazzjonali; jappella wkoll biex jintemmu l-pressjoni u l-intimidazzjoni kontra l-istabbilimenti u l-ġurnalisti kritiċi;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0228.

Avviż legali