Proċedura : 2016/2966(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1235/2016

Testi mressqa :

B8-1235/2016

Dibattiti :

PV 23/11/2016 - 14
CRE 23/11/2016 - 14

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2016 - 8.8
CRE 24/11/2016 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0451

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 454kWORD 105k
16.11.2016
PE593.666v01-00
 
B8-1235/2016

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-1805/2016 u B8-1806/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (2016/2966(RSP))


Anna Maria Corazza Bildt, Constance Le Grip, Barbara Matera, Monika Hohlmeier, Esteban González Pons, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Csaba Sógor, Rachida Dati, Alessandra Mussolini, Mariya Gabriel, Francesc Gambús, Sirpa Pietikäinen, Rosa Estaràs Ferragut, Tomáš Zdechovský f'isem il-Grupp PPE
Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Maria Arena, Birgit Sippel, Iratxe García Pérez, Afzal Khan, Pina Picierno, Georgi Pirinski, Liisa Jaakonsaari, Demetris Papadakis, Eric Andrieu, Marc Tarabella, Ana Gomes, Pervenche Berès, Sergio Gutiérrez Prieto, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Elly Schlein, Josef Weidenholzer, Claude Moraes, Miltiadis Kyrkos, Olga Sehnalová, Juan Fernando López Aguilar, Cécile Kashetu Kyenge, Sylvie Guillaume, Momchil Nekov, Hugues Bayet, Jytte Guteland, Siôn Simon, Tanja Fajon, Vilija Blinkevičiūtė, Soraya Post, Jens Nilsson, Anna Hedh, Kati Piri, Agnes Jongerius, Marju Lauristin, Péter Niedermüller, Marlene Mizzi, Olle Ludvigsson, Zigmantas Balčytis, Maria Noichl, Vincent Peillon, Brando Benifei, Liliana Rodrigues, Krystyna Łybacka, Julie Ward, Karoline Graswander-Hainz, Mady Delvaux, Elena Valenciano, Monika Smolková, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Marita Ulvskog, Biljana Borzan, Miriam Dalli, Edouard Martin sf'isem il-Grupp S&D
Angelika Mlinar, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Dita Charanzová, Frédérique Ries, Louis Michel, Viktor Uspaskich f'isem il-Grupp ALDE
Jiří Maštálka, Malin Björk, Kostadinka Kuneva, Merja Kyllönen, Sofia Sakorafa, Ángela Vallina, Paloma López Bermejo, Kateřina Konečná, Maria Lidia Senra Rodríguez, Stefan Eck, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Anja Hazekamp, Josu Juaristi Abaunz, Eleonora Forenza, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Xabier Benito Ziluaga f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ulrike Lunacek, Terry Reintke f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (2016/2966(RSP))  
B8-1235/2016

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 19 157 u 216 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 23, 24 u 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, bħall-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-prinċipju ta' non-refoulement, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1)(d) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU bir-Riżoluzzjoni 34/180 tat-18 ta' Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(3), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar is-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) tan-NU: l-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet(4),

_  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa(5),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew(6),

–  wara li kkunsidra l-Programm "Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza" għall-perjodu 2014-2020,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tas-7 ta' Diċembru 2015 min-Netherlands, is-Slovakkja u Malta,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survey", ippubblikat f'Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità(7),

_  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni(8) u r-Regolament (UE) Nru 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(9),

_  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu(10) u d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(11),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta' adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, ippubblikat f'Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(12),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (O-000121/2016 – B8-1805/2016 u O-000122/2016 – B8-1806/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur fundamentali tal-UE – kif rikonoxxut fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – li l-UE impenjat ruħha li tintegra fl-attivitajiet kollha tagħha, u billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija essenzjali, bħala objettiv strateġiku, biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali ta' Ewropa 2020 ta' tkabbir, impjiegi u inklużjoni soċjali;

B.  billi d-dritt għal trattament ugwali u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali determinanti li huwa rikonoxxut fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea u li għandu għeruq profondi fis-soċjetà Ewropea, u billi dan id-dritt huwa essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tas-soċjetà u għandu japplika fil-leġiżlazzjoni, fil-prattika, fil-ġurisprudenza u fil-ħajja ta' kuljum;

C.  billi fid-Direttiva 2012/29/EU li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija definita bħala vjolenza li hija diretta kontra persuna minħabba l-ġeneru, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru ta' dik il-persuna jew li taffettwa lil persuni ta' ġeneru partikolari b'mod sproporzjonat; billi din tista' tirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, emozzjonali jew psikoloġika, jew f'telf ekonomiku, għall-vittmi, filwaqt li jkollha impatt fuq il-familji u l-qraba tagħhom, u fuq is-soċjetà inġenerali; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija forma estrema ta' diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tal-vittma, li huma kemm il-kaġun u l-konsegwenza ta' inugwaljanzi bejn is-sessi; u billi l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet tinkludi l-vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, il-vjolenza sesswali (inklużi l-istupru, l-attakk sesswali u l-fastidju sesswali), it-traffikar tal-bnedmin, l-iskjavitù, inklużi forom ġodda ta' abbuż kontra n-nisa u l-bniet fuq l-internet, u forom differenti ta' prattiki ta' ħsara, bħaż-żwiġijiet sfurzati, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-hekk imsejħa "reati tal-unur";

D.  billi l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadhom fenomeni mifruxa fl-UE; billi l-istħarriġ tal-2014 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-vjolenza fuq in-nisa jistma, bi qbil ma' studji eżistenti oħra, li terz tan-nisa kollha fl-Ewropa esperjenzaw atti ta' vjolenza fiżika jew sesswali tal-anqas darba matul il-ħajja adulta tagħhom, 20 % tan-nisa żgħażagħ (bejn 18 u 29 sena) esperjenzaw fastidju sesswali online, waħda minn kull ħames nisa (18 %) kienu vittmi ta' stalking, waħda minn kull għoxrin nisa ġew stuprati u aktar minn waħda minn kull għaxra ġarrbu vjolenza sesswali li tinvolvi n-nuqqas ta' kunsens jew l-użu tal-forza; billi dan l-istħarriġ jispjega wkoll li l-biċċa l-kbira tal-każijiet ta' vjolenza ma jiġu rrappurtati lill-ebda awtorità, li juri li l-istħarriġ dwar il-vittimizzazzjoni huwa essenzjali flimkien ma' statistika amministrattiva sabiex tinkiseb stampa sħiħa tad-diversi forom ta' vjolenza fuq in-nisa; u billi jinħtieġu aktar miżuri biex in-nisa li jkunu vittmi tal-vjolenza jiġu mħeġġa jirrappurtaw l-esperjenzi tagħhom u jfittxu l-għajnuna, u biex ikun żgurat li l-fornituri tas-servizzi jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-vittmi u jinfurmawhom dwar id-drittijiet tagħhom u l-forom eżistenti ta' appoġġ;

E.  billi, skont il-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew, l-ispiża annwali għall-UE tal-vjolenza fuq in-nisa u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru ġiet stmata li tammonta għal EUR 228 biljun fl-2011 (i.e. 1.8 % tal-PDG tal-UE), li minnhom EUR 45 biljun kienu fil-forma ta' nfiq fuq servizzi pubbliċi u statali u EUR 24 biljun fi produzzjoni ekonomika mitlufa;

F.  billi l-Kummissjoni enfasizzat, fl-impenn strateġiku tagħha għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019, li l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li huma ta' ħsara għas-saħħa u l-benesseri tan-nisa, il-ħajja tax-xogħol tagħhom, l-indipendenza finanzjarja tagħhom u l-ekonomija, huma waħda mill-problemi ewlenin li għandhom jiġu indirizzati sabiex tinkiseb ugwaljanza reali bejn is-sessi;

G.  billi l-vjolenza fuq in-nisa spiss wisq titqies bħala kwistjoni privata u tiġi ttollerata wisq faċilment; billi fil-fatt tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali u reat serju li jrid jiġi kkastigat bħal tali; billi l-impunità tal-awturi trid tintemm sabiex jinkiser iċ-ċirku vizzjuż tas-silenzju u s-solitudni għan-nisa u l-bniet li jkunu vittmi tal-vjolenza;

H.  billi l-ebda intervent uniku mhu se jelimina l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, iżda kombinazzjoni ta' azzjonijiet infrastrutturali, ġuridiċi, ġudizzjarji, ta' infurzar, kulturali, edukattivi, soċjali, tas-saħħa u azzjonijiet oħra relatati mas-servizzi jistgħu jqajmu kuxjenza u jnaqqsu l-vjolenza u l-konsegwenzi tagħha b'mod sinifikanti;

I.  billi, minħabba fatturi bħall-etniċità, ir-reliġjon jew it-twemmin, is-saħħa, l-istat ċivili, l-akkomodazzjoni, l-istatus ta' immigrant, l-età, id-diżabilità, il-klassi, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru, in-nisa jista' jkollhom ħtiġijiet speċifiċi u jkunu aktar vulnerabbli għal diskriminazzjoni multipla, u dan ifisser li għandhom jingħataw protezzjoni speċjali;

J.  billi l-adozzjoni ta' linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni kontrihom, kif ukoll il-kapitolu speċifiku dwar il-protezzjoni tan-nisa mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, juru r-rieda politika ċara tal-UE li tittratta s-suġġett tad-drittijiet tan-nisa bħala prijorità u li tieħu azzjoni fit-tul f'dak il-qasam; billi l-koerenza bejn id-dimensjonijiet interni u esterni fil-politiki li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem xi kultant tista' tesponi distakk bejn ir-retorika u l-imġiba;

K.  billi ċ-ċittadini u r-residenti fl-Unjoni mhumiex protetti bl-istess mod mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru, minħabba n-nuqqas ta' qafas koerenti u politiki u leġiżlazzjoni li jvarjaw bejn l-Istati Membri fir-rigward ta', inter alia, id-definizzjoni ta' reati u l-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, u għalhekk huma anqas protetti mill-vjolenza;

L.  billi fl-4 ta' Marzu 2016 il-Kummissjoni pproponiet l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, l-ewwel strument legalment vinkolanti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa f'livell internazzjonali;

M.  billi l-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-konvenzjoni, iżda erbatax minnhom biss irratifikawha;

N.  billi r-ratifika tal-Konvenzjoni mhijiex se tikseb riżultati sakemm ma jiġix żgurat infurzar xieraq u sakemm ma jiġux allokati riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u għall-protezzjoni tal-vittmi;

O.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul issegwi approċċ olistiku, billi tindirizza l-kwistjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru minn firxa wiegħa ta' perspettivi, bħall-prevenzjoni, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, miżuri tad-dritt penali biex tiġi miġġielda l-impunità, il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi, il-protezzjoni tat-tfal, il-protezzjoni tan-nisa li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati nisa, jew il-ġbir aħjar tad-data; billi dan l-approċċ ifisser l-adozzjoni ta' politiki integrati, u l-kombinazzjoni ta' azzjonijiet f'diversi oqsma mmexxija minn bosta partijiet ikkonċernati (ġudizzjarji, tal-pulizija u tal-awtoritajiet soċjali, NGOs, assoċjazzjonijiet lokali u reġjonali, gvernijiet, eċċ.) fil-livelli kollha tal-governanza;

P.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija ftehim imħallat li jippermetti l-adeżjoni tal-UE b'mod parallel mal-adeżjoni tal-Istati Membri, peress li l-UE hija kompetenti f'oqsma li jinkludu d-drittijiet tal-vittmi u l-ordnijiet ta' protezzjoni, l-asil u l-migrazzjoni, kif ukoll fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali;

1.  Ifakkar li l-Kummissjoni hija marbuta bl-Artikolu 2 TUE u bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tiggarantixxi, tippromvovi u tieħu azzjoni favur l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi ffirmata u konkluża l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, iżda jiddeplora l-fatt li n-negozjati fil-Kunsill mhumiex mexjin bl-istess ħeffa;

3.  Jenfasizza li l-adeżjoni tal-UE tiggarantixxi qafas ġuridiku Ewropew koerenti biex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u biex jiġu protetti l-vittmi tal-vjolenza; jenfasizza li tipprovdi koerenza u effiċjenza akbar fil-politiki interni u esterni tal-UE, tiżgura monitoraġġ, interpretazzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-liġijiet, il-programmi u l-fondi tal-UE rilevanti għall-Konvenzjoni, kif ukoll ġbir aktar adegwat u aħjar ta' data diżaggregata paragunabbli dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru f'livell tal-UE, u tirrinforza r-responsabbiltà tal-UE f'livell internazzjonali; jenfasizza wkoll li l-adeżjoni tal-UE tapplika pressjoni politika mġedda fuq l-Istati Membri biex jirratifikaw dan l-istrument;

4.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħaffu n-negozjati dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

5.  Jappoġġja l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul fuq bażi wiesgħa u mingħajr riżervi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-Parlament ikun involut bis-sħiħ fil-proċess ta' monitoraġġ tal-Konvenzjoni wara l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, kif previst fl-Artikolu 218 TFUE;

7.  Ifakkar li l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul ma teżonerax lill-Istati Membri mir-ratifika nazzjonali tal-Konvenzjoni; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul malajr;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw infurzar xieraq tal-Konvenzjoni u jallokaw riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u għall-protezzjoni tal-vittmi;

9.  Iqis li l-isforzi tal-UE biex tinqered il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet iridu jkunu parti minn pjan komprensiv biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' inugwaljanzi bejn is-sessi; jitlob li titfassal strateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

10.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014, li tinkludi rakkomandazzjonijiet biex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa, biex tippreżenta att legali li jipprovdi sistema koerenti għall-ġbir ta' data statistika kif ukoll approċċ imsaħħaħ mill-Istati Membri għall-prevenzjoni u t-trażżin tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u sabiex l-aċċess iffaċilitat għall-ġustizzja jkun possibbli;

11.  Jitlob lill-Kunsill jattiva l-klawsola passerelle, billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru) bħala qasam ta' kriminalità elenkat fl-Artikolu 83(1) TFUE;

12.  Jirrikonoxxi l-ħidma importantissima mwettqa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tiġi evitata u miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u biex jiġu protetti u assistiti l-vittmi tal-vjolenza;

13.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex, filwaqt li jaħdmu mal-Kummissjoni u l-NGOs tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jgħinu fit-tixrid ta' informazzjoni dwar il-Konvenzjoni, il-programmi tal-UE u l-fondi disponibbli taħthom biex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u biex il-vittmi jiġu protetti;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkooperaw mal-Parlament biex jidentifikaw il-progress li sar rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi, u jitlob lit-Triju ta' Presidenzi jagħmlu sforzi sostanzjali biex jissodisfaw l-impenji tagħhom f'dan ir-rigward; jitlob li jsir Summit tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-sessi u d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet biex jiġġeddew l-impenji;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0218.

(2)

ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.

(3)

ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0045.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2014)0126.

(6)

PE 504.467.

(7)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(8)

ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.

(9)

ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.

(10)

ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(11)

ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

(12)

COM(2016) 109 final u COM(2016) 111 final

Avviż legali