Proċedura : 2016/2934(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1238/2016

Testi mressqa :

B8-1238/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2016 - 8.13
CRE 24/11/2016 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 406kWORD 71k
16.11.2016
PE593.669v01-00
 
B8-1238/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2016/2934(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2016/2934(RSP))  
B8-1238/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-SEAE dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja tat-13 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tal-OSKE/ODIHR, l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, tal-21 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari li saru fl-11 ta' Settembru 2016 u l-elezzjonijiet presidenzjali tal-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 fil-Belarussja ma ġewx ikkunsidrati ħielsa u ġusti, billi l-osservaturi elettorali wrew nuqqasijiet sinifikanti u l-missjoni tal-OSKE/ODIHR ikkonkludiet li l-Belarussja għad fadlilha x'tagħmel biex tissodisfa l-impenji demokratiċi tagħha; billi sett ta' rakkomandazzjonijiet biex jitjieb il-proċess elettorali u jinġieb f'konformità mal-istandards internazzjonali ġie offrut lill-awtoritajiet tal-Belarussja għall-konsiderazzjoni tagħhom;

B.  billi wara l-ħelsien ta' priġunieri politiċi f'Awwissu 2015, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li ma testendix miżuri restrittivi kontra għadd ta' individwi u entitajiet legali tal-Belarussja; billi l-awtoritajiet tal-Belarussja sa issa injoraw l-appelli biex jagħtu lura d-drittijiet ċivili u politiċi lill-priġunieri politiċi meħlusin; billi s-sentenzi tal-piena ġodda ta' detenzjoni b'motivazzjoni politika, f'din l-aħħar sena, kienu evidenti ħafna;

C.  billi fis-6 ta' Ġunju 2016 il-President tal-Belarussja sejjaħ elezzjonijiet għall-Kamra tad-Deputati; billi dawn l-elezzjonijiet saru fl-11 ta' Settembru 2016; billi aktar minn 827 membru tal-osservaturi internazzjonali u 32 100 osservatur ċittadini kienu akkreditati għall-elezzjonijiet; billi ntbagħtet missjoni tal-OSCE/ODIHR ta' osservazzjoni tal-elezzjoni (EOM) biex tosserva l-elezzjonijiet wara stedina mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Belarussja;

D.  billi minkejja li l-Kummissjoni Elettorali Ċentrali (CEC) adottat sitt riżoluzzjonijiet li jindirizzaw xi aspetti tekniċi tal-proċess elettorali, għadd sinifikanti ta' rakkomandazzjonijiet ewlenin ta' qabel tal-OSCE/ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja għadhom ma ġewx indirizzati;

E.  billi r-rwol tal-partiti politiċi fil-Belarussja għadu estremament dgħajjef u, mis-sena 2000 'l hawn, l-ebda partit ġdid għadu ma ġie rreġistrat;

F.  billi r-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali ta' assoċjazzjoni, espressjoni u għaqda affettwaw l-ambjent li fih saru l-elezzjonijiet, u l-aċċess mhux indaqs għall-istituzzjonijiet statali u pubbliċi u r-riżorsi ħoloq żbilanċ fil-kundizzjonijiet; billi l-qafas kostituzzjonali u legali fil-Belarussja ma jiggarantixxix b'mod xieraq it-twettiq tal-elezzjonijiet f'konformità mal-istandards internazzjonali;

G.  billi s-sistema elettorali ma tipprevedix miżuri speċjali biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa;

H.  billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fil-kontinent Ewropew li għadu japplika l-piena tal-mewt; billi tal-anqas erba' persuni ġew ikkundannati għall-mewt minn Frar u madwar 400 persuna nqatlu minn mindu l-pajjiż kiseb l-indipendenza fl-1991;

I.  billi fit-13 ta' Ottubru 2016 l-UE nediet formalment Sħubija għall-Mobilità mar-Repubblika tal-Belarussja; billi n-negozjati dwar il-ftehim dwar il-viżi għadhom għaddejjin;

J.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja għadha problematika ħafna għax ma ġie osservat l-ebda tibdil ta' sustanza. billi l-Belarussja għadha mhux qed tikkoopera mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja;

K.  billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata għal Belarussja stabbli, demokratika u prosperuża;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-passi 'l quddiem li rajna matul l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016, inkluż l-elezzjoni ta' żewġ kandidati tal-oppożizzjoni għall-ewwel darba mill-2000, l-organizzazzjoni effiċjenti tal-elezzjoni, u l-fatt li l-jum tal-elezzjoni għadda b'mod ordnat u l-votazzjoni ġiet ivvalutata b'mod pożittiv;

2.  Jibqa' mħasseb dwar numru ta' nuqqasijiet sistematiċi li għadhom iħassru l-proċess elettorali b'mod ġenerali, inklużi nuqqasijiet proċedurali serji, u inkonsistenzi u irregolaritajiet waqt il-votazzjoni bikrija, l-għadd u t-tabulazzjoni;

3.  Jenfasizza numru ta' problemi strutturali li għadhom ifixklu elezzjonijiet ħielsa u ġusti, u b'mod partikolari: qafas legali li huwa interpretat b'mod wisq restrittiv, u b'hekk jillimita d-drittijiet politiċi u l-libertajiet fundamentali; il-kompożizzjoni preġudikata tal-kummissjoni tal-elezzjoni; approċċ restrittiv wisq tar-reġistrazzjoni tal-kandidati li joħloq ostakli mhux raġonevoli u sproporzjonati għal kandidatura; restrizzjonijiet fuq il-libertajiet ta' assoċjazzjoni, espressjoni u għaqda b'effett negattiv fuq l-ambjent elettorali; u r-regolamenti stretti fil-qasam tal-midja u l-kopertura tal-midja li naqqset l-opportunitajiet tal-votanti li jirċievu informazzjoni dwar il-kandidati;

4.  Jilqa' l-emendi reċenti għal-leġiżlazzjoni elettorali wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015, iżda jinnota li dawn l-emendi ma jindirizzawx uħud mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin maħruġa wara dawk l-elezzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarussja biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u l-Kummissjoni ta' Venezja, b'kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa għal riforma elettorali komprensiva bħala parti minn proċess ta' demokratizzazzjoni usa' bl-għan li tirrevedi l-qafas legali u kostituzzjonali, li kif inhu, ma jiggarantix it-twettiq tal-elezzjonijiet f'konformità mal-obbligi u l-istandards internazzjonali;

6.  Jilqa' r-rieda tal-awtoritajiet Bjelorussi biex jistiednu għadd kbir ta' osservaturi u jilqa' l-approċċ tal-amministrazzjoni fil-konfront tagħhom; jilqa' r-rwol kostruttiv tas-soċjetà ċivili matul l-elezzjonijiet, u jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jibqgħu jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja;

7.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fis-sentenzi tal-mewt ġodda u kkonfermati fil-Belarussja matul l-aħħar sena; jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarussja biex jikkunsidraw moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tagħha, kif imwettaq mill-Belarussja bħala risposta għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-Rieżami Perjodiku Universali; jenfasizza l-fatt li tali moratorju għandu jkun pass deċiżiv biex il-Belarussja toqrob aktar lejn il-valuri tal-UE;

8.  Jistieden lill-Gvern Belarussu biex jeħles il-priġunieri politiċi kollha li għadhom f'detenzjoni, u biex jirriabilita l-priġunieri politiċi meħlusa u jagħtihom lura d-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarussja biex jikkoperaw b'mod sħiħ mal-mekkaniżmi tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, billi jirrikonoxxu u jestendu kooperazzjoni sħiħa mar-Rapporteur Speċjali tan-NU billi jinvolvu ruħhom fi djalogu u jiffaċilitaw żjara fil-pajjiż fl-2017, u biex jaqbdu triq ġenwina ta' riforma tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Gvern tal-Belarussja biex juri l-progress konkret u speċifiku dwar punti ta' riferiment tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jorbtu kwalunkwe assistenza finanzjarja lill-pajjiż mal-progress f'dan il-qasam;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-awtoritajiet Belarussi.

Avviż legali