Proċedura : 2016/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1249/2016

Testi mressqa :

B8-1249/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2016 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0449

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 425kWORD 83k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1249/2016
21.11.2016
PE593.683v01-00
 
B8-1249/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2016/2933(RSP))


Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Angel Dzhambazki, Branislav Škripek, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Anna Elżbieta Fotyga, Ruža Tomašić, Raffaele Fitto, Jana Žitňanská, Valdemar Tomaševski, Zdzisław Krasnodębski f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2016/2933(RSP))  
B8-1249/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, b'mod partikolari dik tas-6 ta' Ottubru 2016(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokoll addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati tal-2000,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew tat-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tad-9 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Londra dwar is-Sirja ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Istatut taʼ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sirja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2254 (2015),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Ottubru 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u mill-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili, Christos Stylianides, dwar is-sitwazzjoni f'Aleppo,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin f'Londra fis-16 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi tal-UE kontra dawk responsabbli għar-repressjoni vjolenti fis-Sirja, inkluża dik tal-14 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi sitt snin ta' kunflitt, vjolenza u brutalità estrema fis-Sirja wasslu għall-mewt ta' aktar minn 400 000 ruħ, filwaqt li aktar minn 13-il miljun ruħ jinsabu fi bżonn ta' għajnuna umanitarja;

B.  billi l-gwerra fis-Sirja involviet gradwalment setgħat reġjonali u dinjija maġġuri, ħarġet fid-dieher firdiet kbar, u heddet is-sigurtà reġjonali u internazzjonali usa';

C.  billi s-sistemi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-ħarsien soċjali fis-Sirja huma fi stat ta' kollass minħabba l-kunflitt imdemmi;

D.  billi, mill-bidu tal-kunflitt 'il hawn, l-istennija ta' tul tal-ħajja fis-Sirja naqset b'madwar 15-il sena, kważi nofs it-tfal kollha m'għadhomx jattendu l-iskola, nofs l-isptarijiet kollha sfaw meqruda parzjalment jew totalment, it-telf ekonomiku totali huwa ekwivalenti għal 468 % tal-PDG tal-pajjiż fl-2010, u erbgħa minn kull ħames Sirjani issa jgħixu fil-faqar – 30 % minnhom f'faqar estrem;

E.  billi rapport tan-NU ta' Marzu 2015 stima li t-telf ekonomiku totali mill-bidu tal-kunflitt laħaq USD 202 biljun;

F.  billi r-Russja hija fost is-sostenituri internazzjonali l-aktar importanti tal-President Sirjan Bashar al-Assad, u billi s-sopravvivenza tar-reġim hija ta' importanza kritika għaż-żamma tal-interessi Russi fil-pajjiż; billi r-Russja użat il-veto kontra riżoluzzjonijiet li kkritikaw lill-President al-Assad fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u għadha tagħti appoġġ militari lir-reġim Sirjan minkejja l-kritika internazzjonali;

G.  billi jitqies li l-Iran ukoll qed jipprovdi appoġġ militari u finanzjarju sinifikanti biex jirfed ir-reġim ta' Assad u jipproteġi l-interessi reġjonali proprji tiegħu;

H.  billi l-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jipprojbixxu l-attakki fuq individwi jew gruppi abbażi tal-identità reliġjuża jew etnika, kif ukoll attakki kontra nies ċivili li ma jipparteċipawx fil-ġlied u kontra individwi li jwasslu l-għajnuna umanitarja lin-nies maqbudin fil-kunflitt; billi azzjonijiet tali jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

I.  billi, fid-19 ta' Settembru 2016, tal-anqas 18-il trakk minn 31 f'konvoj li kien fi triqtu biex iwassal għajnuna umanitarja lil 78 000 ruħ f'żoni ta' Aleppo li kienu f'idejn ir-ribelli ntlaqtu minn attakk mill-ajru li ħalla tal-anqas 12-il persuna mejta; billi dawn l-attakki jheddu t-twassil sikur tal-għajnuna umanitarja fi bnadi oħra tas-Sirja;

J.  billi l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, iffirmat u rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE, jafferma li jeħtieġ li l-aktar delitti serji għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi, b'mod partikolari l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, ma jitħallewx fl-impunità;

K.  billi l-użu tat-tortura, l-arresti tal-massa u l-qerda wiesgħa ta' żoni popolati żdiedu b'mod drammatiku, hekk li għadd kbir ta' Sirjani sfaw spostati u ħafna ġġiegħlu jitbiegħdu aktar mill-għajnuna umanitarja li tant jeħtieġu;

L.  billi, fl-14 ta' Novembru 2016, il-Kunsill qabel li jżid 17-il Ministru u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tas-Sirja mal-lista ta' dawk fil-mira ta' miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan;

1.  Jikkundanna t-tbatija indiskriminata li jġarrbu nies ċivili innoċenti minħabba attakki mill-ajru, bumbardament bl-artillerija u azzjonijiet militari oħra, kif ukoll it-tiċħid mill-għajnuna umanitarja, u jemmen li l-każijijet ta' użu ta' munizzjonijiet inċendjarji u ta' tip ieħor kontra persuni ċivili u kontra l-infrastruttura ċivili huma ekwivalenti għal delitti ta' gwerra;

2.  Jesiġi waqfien immedjat tal-attakki bil-bombi u tal-attakki indiskriminati kontra nies ċivili, ħaddiema umanitarji u faċilitajiet mediċi biex tkun tista' ssir l-evakwazzjoni medika tal-każijiet l-aktar urġenti minn Aleppo u minn żoni assedjati oħra, u biex jiffaċilita taħditiet urġenti u sinifikanti bil-għan li jinkiseb il-paċi fis-Sirja;

3.  Ifaħħar l-isforzi tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja li jagħmlu ħilithom biex iwasslu l-għajnuna, l-ikel, l-ilma u l-mediċini tant meħtieġa lin-nies maqbuda fil-kunflitt, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jiżguraw lill-aġenziji umanitarji aċċess bla xkiel għall-persuni ċivili affettwati mill-gwerra;

4.  Jikkundanna bla riservi l-attakk mill-ajru kontra konvoj ta' trakkijiet tal-għajnuna umanitarja qrib Aleppo fid-19 ta' Settembru 2016 u huwa mnikket bit-telfa ta' dawk kollha li nqatlu; jesiġi, barra minn hekk, li ssir investigazzjoni fil-fond dwar l-attakk mill-ajru, u jemmen li atti bħal dawn jimminaw l-isforzi biex il-kunflitt jinġieb fi tmiem paċifiku;

5.  Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jsiru sforzi internazzjonali u reġjonali ffukati sabiex il-kriżi Sirjana tissolva ; ikompli jħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jonoraw ir-responsabbilitajiet tagħhom rigward il-kriżi; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha li huma attivi fil-promozzjoni ta' soluzzjoni għall-kriżi biex jappoġġjaw dawn l-isforzi; jikkundanna lir-Russja, barra minn hekk, talli użat il-veto kontra bosta riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kunflitt fis-Sirja;

6.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward rapporti li, minkejja l-qerda tal-ħażniet iddikjarati tal-armi kimiċi tas-Sirja, jidher li reġgħu qed iseħħu attakki bil-gass tal-klorur f'Idlib u Aleppo;

7.  Jappoġġja l-prosekuzzjoni fil-Qorti Kriminali Internazzjonali ta' dawk l-individwi akkużati li wettqu attakki indiskriminati fuq il-popolazzjonijiet ċivili, li ċaħħdu lil min kien qed imut bil-ġuħ mill-għajnuna umanitarja, li użaw armi kimiċi kontra persuni innoċenti, u li organizzaw l-użu tat-tortura u tal-vjolenza sesswali, u jwiegħed li jkompli jaħdem biex min hu responsabbli jagħti kont ta' għemilu fis-Sirja;

8.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iwessgħu r-reġim ta' sanzjonijiet biex ikopri aktar persuni u entitajiet responsabbli għal vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja;

9.  Jesiġi li r-Russja tuża l-influwenza tagħha fuq ir-reġim ta' Assad biex itemm l-attakki kollha fuq in-nies ċivili fis-Sirja;

10.  Iħeġġeġ li n-negozjati politiċi jissuktaw f'Ġinevra taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti mill-aktar fis possibbli bil-għan li l-kunflitt jintemm u tittaffa t-tbatija tal-poplu Sirjan; jiddispjaċih ħafna, f'dan ir-rigward, dwar il-kollass tat-taħditiet bejn l-Istati Uniti u r-Russja intiżi biex isolvu l-kunflitt, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jissukatw in-negozjati mill-aktar fis possibbli;

11.  Ifaħħar il-ġenerożità ta' dawk il-pajjiżi ġirien tas-Sirja li jipprovdu kenn għal kull min jaħrab mill-kunflitt; jilqa' wkoll l-appoġġ mill-UE, mill-Istati Membri tagħha u minn pajjiżi terzi fil-mobilizzazzjoni ta' fondi għall-appoġġ umanitarju li huwa meħtieġ b'urġenza;

12.  Jirrikonoxxi l-pressjoni sinifikanti li l-gwerra kkawżat fuq il-komunitajiet u l-finanzi tal-ġirien tas-Sirja u jkompli jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex twettaq l-impenji meħuda waqt il-konferenza dwar l-Appoġġ għas-Sirja li saret f'Londra fi Frar 2016 biex jipprovdu appoġġ għal dawk milquta mill-gwerra;

13.  Ifaħħar il-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sirja, Staffan de Mistura, u ta' dawk kollha li huma impenjati biex jiżguraw soluzzjoni dejjiema u paċifika għall-kriżi kurrenti;

14.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill, u b'mod aktar wiesa' lill-komunità internazzjonali, biex ikomplu jimponu l-aktar sanzjonijiet iebsa possibbli fil-konfront ta' dawk kollha responsabbli għar-repressjoni vjolenti tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, u kontra dawk li jibbenefikaw mir-reġim jew li jappoġġjawh, u/jew ikunu assoċjati ma' tali persuni; jinnota, barra minn hekk, li d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2016 iżżid għal 234 l-għadd totali ta' persuni soġġetti għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u għal iffriżar tal-assi minħabba r-repressjoni vjolenti tagħhom kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi ġirien tas-Sirja.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0382.

Avviż legali