Proċedura : 2016/2993(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1278/2016

Testi mressqa :

B8-1278/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2016 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0450

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 401kWORD 80k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1276/2016
22.11.2016
PE593.712v01-00
 
B8-1278/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija (2016/2993(RSP))


Takis Hadjigeorgiou, Marie-Christine Vergiat, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Neoklis Sylikiotis, Malin Björk, Marisa Matias, Martina Michels, Cornelia Ernst, Helmut Scholz, Ángela Vallina, Marina Albiol Guzmán, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Barbara Spinelli, Josu Juaristi Abaunz, Thomas Händel, Eleonora Forenza, Anne-Marie Mineur, Dennis de Jong, Jaromír Kohlíček, Kateřina Konečná, Lola Sánchez Caldentey, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Xabier Benito Ziluaga f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija (2016/2993 (RSP))  
B8-1278/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk dwar ir-rapporti ta' progress annwali, ir-riżoluzzjoni tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija(1) u r-riżoluzzjoni tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress annwali 2016 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija (SWD(2016)0366),

–  wara li kkunsidra l-fatt li r-rispett tal-istat tad-dritt, il-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, inkluża b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni, huwa fil-qalba tal-proċess ta' adeżjoni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Lulju 2016 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar miżuri meħuda taħt l-istat ta' emerġenza fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1996,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ikkundannaw bil-qawwa l-kolp ta' stat militari li falla fit-Turkija;

B.  billi t-Turkija għadha pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE; billi l-użu ta' miżuri repressivi taħt l-istat ta' emerġenza huwa inaċċettabbli għal pajjiż kandidat u jikser il-prinċipji fundaturi tal-UE tal-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u jmur ukoll kontra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

C.  billi l-kopresidenti tal-partit HDP u tmien deputati oħra li jappartjenu għal dak il-partit ġew arrestati fl-4 ta' Novembru 2016 mill-pulizija Torka, wara t-tneħħija tal-immunità tagħhom skont liġi adottata fl-20 ta' Mejju 2016;

D.  billi, mit-tentattiv ta' kolp ta' stat 'il hawn, l-awtoritajiet arrestaw 10 membri tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka u madwar 150 ġurnalist – l-akbar għadd ta' tali arresti fid-dinja – filwaqt li 40 000 ruħ ġew detenuti u aktar minn 31 000 ruħ għadhom arrestati, u 129 000 impjegat pubbliku għadhom jew sospiżi (66 000) jew tkeċċew (63 000), il-parti l-kbira minnhom bla ma saritilhom l-ebda akkuża formali sal-lum; billi dawn l-arresti jikkostitwixxu daqqa kbira kontra l-libertajiet politiċi u d-demokrazija fit-Turkija;

E.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà ta' espressjoni, jinsabu fil-qalba tal-valuri tal-UE, li t-Turkija ħadet impenn formali favurihom bl-applikazzjoni tagħha għall-adeżjoni mal-UE u bin-negozjati relatati, kif ukoll bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa;

F.  billi 53 kosindku eletti demokratikament tkeċċew u 39 kosindku ġew arrestati, filwaqt li l-gvern ħatar lil persuni ta' fiduċja biex jamministraw 34 muniċipalità;

G.  billi din ir-repressjoni mill-Gvern Tork trendi r-rieda demokratika ta' miljuni ta' votanti nulla u bla effett u tippreġudika d-dinamika diġà dgħajfa tad-demokrazija lokali fil-pajjiż; billi, wara t-tentattiv ta' kolp ta' stat, l-awtoritajiet Torok għalqu wkoll stabbilimenti tal-midja li kienu favur il-Kurdi u arrestaw ġurnalisti li kienu favur il-Kurdi;

H.  billi diversi korpi Ewropej, fosthom il-Kunsill tal-Ewropa u l-Parlament Ewropew, f'diversi okkażjonijiet esprimew it-tħassib tagħhom dwar id-"definizzjoni usa'" tat-terroriżmu fl-użu fit-Turkija, li tippermetti repressjoni bla limitu kontra l-maġistrati u kontra min jopponi r-reġim, b'mod partikolari l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi u membri ta' minoranzi, b'mod partikolari l-Kurdi;

I.  billi ġudikatura indipendenti hija bażi fundamentali għall-istat tad-dritt; billi, skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Imħallfin, kważi 3 400 maġistrat kellhom l-istatus tagħhom revokat u 2 900 għadhom il-ħabs;

J.  billi t-Turkija għadha ma ssodisfatx il-kriterji stabbiliti għal-liberalizzazzjoni tal-viża;

K.  billi, skont rapporti ta' informazzjoni minn Human Rights Watch, kien hemm degradazzjoni qawwija tal-istat tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, inklużi mill-inqas 13-il każ ta' tortura, mindu seħħ it-tentattiv ta' kolp ta' stat; billi l-projbizzjoni tat-tortura hija prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali u ma tistax tiġi sospiża;

L.  billi l-paragrafu 5 tal-Qafas ta' Negozjar għan-Negozjati ta' Adeżjoni mat-Turkija jistipula li l-Kummissjoni, "fil-każ ta' ksur serju u persistenti tal-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, se tirrakkomanda li n-negozjati jiġu sospiżi u tipproponi l-kundizzjonijiet biex jiġu ssuktati"; billi t-Turkija m'għadhiex biżżejjed konformi mal-kriterji ta' Copenhagen ladarba ma tirrispettax il-valuri tal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; billi waqfien temporanju tan-negozjati jkun ifisser li t-taħditiet kurrenti jiġu ffriżati, li ma jinfetaħ l-ebda kapitolu ġdid u li ma tittieħed l-ebda inizjattiva ġdida bi rbit mal-adeżjoni tat-Turkija mal-UE;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-miżuri repressivi kollha meħuda wara l-kolp ta' stat li falla f'Lulju, li wasslu biex eluf ta' nies intbagħtu l-ħabs, fosthom deputati tal-partit HDP, sindki, diriġenti ta' partiti, ġurnalisti u akkademiċi, kif ukoll id-detenzjonijiet provviżorji kollha abbażi jew ta' kriterji politiċi jew ta' suspetti infundati ta' "tfaħħir ta' organizzazzjoni terroristika"; jappella għall-ħelsien immedjat u inkundizzjonat tal-priġunieri politiċi kollha, inklużi l-politiċi, il-ġurnalisti u l-akkademiċi, li qed jinżammu mingħajr prova ta' involviment individwali fit-twettiq ta' reat jew mingħajr ma jinġiebu akkużi kontrihom;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-arresti riċenti mill-pulizija Torka tal-kopresidenti tal-partit HDP u ta' tmien deputati oħra li jappartjenu għal dak il-partit, wara t-tneħħija tal-immunità tagħhom skont liġi adottata fl-20 ta' Mejju 2016;

3.  Jitlob lill-UE u lill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tagħha biex jirrevokaw id-Dikjarazzjoni UE-Turkija billi jtemmu l-ftehim; jistieden lill-Kummissjoni tibda l-proċedura għall-iffriżar tan-negozjati dwar l-adeżjoni u tikkunsidra li dawn jissuktaw biss meta jkun reġa' ddaħħal l-istat tad-dritt, u tikkunsidra miżuri kontra l-awtoritajiet Torok;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-implikazzjonijiet tas-sospensjoni tal-finanzjament ipprovdut lit-Turkija taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), b'qies ukoll tal-impatt ta' tali deċiżjoni fuq is-soċjetà ċivili fil-pajjiż; jappella għall-iffriżar tal-modernizzazzjoni tal-unjoni doganali;

5.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija; iħeġġeġ lit-Turkija tikkalma l-klima politika mimlija tensjoni b'segwitu għat-tentattiv ta' kolp ta' stat li qed toħloq ambjent li jrażżan il-libertà ta' espressjoni fil-midja u fl-internet;

6.  Jinsisti li l-Gvern Tork irid jirrevedi l-qafas legali fir-rigward tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, bi qbil mad-dritt internazzjonali u Ewropew u sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt għal proċess ġust u d-dritt li wieħed jeżerċita l-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni fil-prattika;

7.  Jappella għar-rispett tad-dritt internazzjonali fir-rigward tal-migranti kollha, u b'mod partikolari tar-rifuġjati; jiddispjaċih li t-Turkija qed tuża l-kwistjoni tar-rifuġjati bħala għodda ta' negozjar mal-UE, u jistieden lill-partijiet kollha jiggarantixxu rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali fir-rigward tar-rifuġjati;

8.  Jistieden lill-Gvern Tork biex jerġa' jdaħħal id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha, fosthom dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, li jgħixu u jaħdmu fit-Turkija; jikkundanna t-tħabbira tal-istabbiliment mill-ġdid tal-piena tal-mewt fit-Turkija; jikkundanna bil-qawwa kull vjolenza fil-ħabsijiet, u b'mod partikolari ż-żieda fil-każijiet ta' tortura tal-priġunieri;

9.  Jiddenunzja bil-qawwa l-mozzjoni parlamentari proposta fis-17 ta' Novembru 2016 bl-għan li tinbidel il-liġi kurrenti dwar l-abbuż tat-tfal, sabiex tiġi evitata l-prosekuzzjoni u jiġi differit l-għoti ta' sentenza lil irġiel akkużati b'abbuż sesswali ta' minuri jekk jiżżewġu lill-vittmi tagħhom; jikkundanna l-istqarrija tal-President Erdogan li se jeħles lill-priġunieri akkużati bi stupru sabiex ikun hemm iktar spazju fil-ħabsijiet;

10.  Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tirreaġixxi sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat delegazzjoni tal-gruppi kollha fit-Turkija biex tosserva s-sitwazzjoni, u biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0014.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0423.

Avviż legali