Proċedura : 2016/2993(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1279/2016

Testi mressqa :

B8-1279/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2016 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 412kWORD 71k
22.11.2016
PE593.713v01-00
 
B8-1279/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija (2016/2993(RSP))


Marine Le Pen, Marcel de Graaff, Harald Vilimsky, Mireille D’Ornano, Edouard Ferrand, Mario Borghezio, Gerolf Annemans, Janice Atkinson, Marcus Pretzell, Jean-Luc Schaffhauser, Laurenţiu Rebega, Michał Marusik, Matteo Salvini f'isem il-Grupp ENF

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija (2016/2993(RSP))  
B8-1279/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-22 ta' Novembru 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni fit-Turkija fir-rigward tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali ddeterjorat b'mod konsiderevoli minn mindu bdew in-negozjati għall-adeżjoni fl-2005;

B.  billi l-Gvern Tork qed jabbuża mill-istat ta' emerġenza u mill-attentat ta' kolp ta' stat fallut tal-15 ta' Lulju 2016 biex jillimita serjament il-libertà tal-kelma, il-libertà tal-midja u d-drittijiet demokratiċi b'mod ġenerali;

C.  billi, skont Reporters Mingħajr Fruntieri, 89 ġurnalist ġew arrestati matul l-ewwel sitt ġimgħat tal-istat ta' emerġenza, 104 stabbilimenti tal-midja sfaw magħluqa, u aktar minn 2 300 ġurnalist sussegwentement tilfu l-impjieg tagħhom u l-akkreditazzjoni tal-istampa ta' mill-anqas 330 ġurnalist ġiet revokata; billi għadd enormi ta' ġurnalisti oħrajn huma attwalment detenuti fiċ-ċelel ta' kustodja tal-pulizija, ġew detenuti u rilaxxati mingħajr akkuża, jew għadhom ma ġewx detenuti iżda nħareġ mandat ta' detenzjoni kontrihom;

D.  billi seħħew ukoll diversi każijiet ta' ksur sistematiku tal-libertà tal-istampa qabel l-attentat ta' kolp ta' stat fallut u l-istat ta' emerġenza sussegwenti, li l-aktar notorji fosthom kienu l-investigazzjoni li saret f'Mejju 2015 minħabba terroriżmu u spjunaġġ fil-konfront tal-gazzetta Cumhuriyet talli ppubblikat filmat u rapport tal-aħbarijiet li juru trakkijiet b'tagħbija ta' armi ddestinati għall-ġiħadisti fis-Sirja, l-arrest tal-editur ta' din il-gazzetta Can Dündar u tal-ġurnalist Erdem Gül f'Novembru, ir-rejd tal-pulizija fuq l-istazzjonijiet televiżivi u l-gazzetti tal-grupp medjatiku Ipek u t-tkeċċija tal-ġurnalisti ta' ta' dal-grupp f'Ottubru 2015, u l-gvern li ħa l-kontroll tal-gazzetta Zaman f'Marzu 2016;

E.  billi l-ksur min-naħa tat-Torok tal-libertajiet tal-midja affettwaw ukoll liċ-ċittadini ta' pajjiżi Ewropej bħalma huma s-satirist Ġermaniż Jan Böhmermann u l-ġurnalist Netherlandiż Ebru Umar;

F.  billi eluf ta' siti fuq l-internet bħalissa qed jiġu mblokkati fit-Turkija; billi, skont l-organizzazzjoni Human Rights Watch, l-awtoritajiet Torok kienu responsabbli għal kważi tliet kwarti tat-talbiet li saru minn madwar id-dinja lil Twitter biex ineħħi tweets u jimblokka kontijiet fl-ewwel sitt xhur tal-2015;

G.  billi Selahattin Demirtaş u Figen Yüksekdağ, il-mexxejja konġunti tal-partit HDP fl-oppożizzjoni, ġew arrestati, flimkien ma' għaxar deputati oħra tal-parlament;

H.  billi l-arrest u s-sospensjoni ta' eluf ta' mħallfin u prosekuturi kkompromettew serjament l-indipendenza tal-ġudikatura u s-separazzjoni tal-poteri;

I.  billi t-Turkija qed tirrifjuta li tikkunsidra mill-ġdid l-okkupazzjoni militari illegali tagħha tal-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru li ilha għaddejja mill-1974; billi t-Turkija qed tirrifjuta li tirrikonoxxi lir-Repubblika ta' Ċipru jew li tissodisfa l-obbligi tagħha fir-rigward tal-Protokoll ta' Ankara;

J.  billi qed ikun hemm persekuzzjoni u diskriminazzjoni sistematiċi kontra l-minoranzi reliġjużi;

K.  billi l-Gvern Tork iddeċieda li jiddelega l-poteri deċiżjonali lill-Prim Ministru fir-rigward tal-ħatra tal-kanċilliera tal-universitajiet pubbliċi u privati;

L.  billi l-Gvern Tork ipprovda u għadu jipprovdi għajnuna u armi lill-gruppi ġiħadisti fis-Sirja;

M.  billi l-Gvern Tork qed jhedded li jħalli tliet miljun migrant jidħlu fl-UE bl-objettiv li jikseb eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini Torok;

N.  billi t-Turkija rċeviet total ta' kważi EUR 10 biljun fil-qafas tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni bejn l-2005 u l-2016;

O.  billi stħarriġ tal-opinjoni li sar diversi drabi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jindika li maġġoranza predominanti huma kontra l-adeżjoni tat-Turkija fl-UE;

1.  Jappella lill-Kunsill biex itemm in-negozjati dwar l-adeżjoni tat-Turkija fl-UE;

2.  Jappella lill-Kunsill biex itemm minnufih il-pagamenti kollha lit-Turkija fil-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni;

3.  Jappella lill-Istati Membri biex jiddefinixxu r-relazzjoni individwali tagħhom mat-Turkija għall-ġejjieni;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern tat-Turkija.

Avviż legali