Proċedura : 2016/2993(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1283/2016

Testi mressqa :

B8-1283/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/11/2016 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0450

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 416kWORD 74k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1276/2016
22.11.2016
PE593.717v01-00
 
B8-1283/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-Relazzjonijiet UE-Turkija (2016/2993(RSP))


Gianni Pittella, Kati Piri, Knut Fleckenstein, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Caputo, Nicola Danti, Isabella De Monte, Jean-Paul Denanot, Doru-Claudian Frunzulică, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvie Guillaume, Liisa Jaakonsaari, Agnes Jongerius, Eva Kaili, Miapetra Kumpula-Natri, Cécile Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Krystyna Łybacka, Costas Mavrides, Alessia Maria Mosca, Demetris Papadakis, Emilian Pavel, Pina Picierno, Miroslav Poche, Gabriele Preuß, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Paul Tang, Marc Tarabella, Elena Valenciano f'isem il-Grupp S&D

B8-1283/2016


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet UE-Turkija (2016/2993(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(1) u tal-14 ta' April 2016 dwar ir-rapport 2015 dwar it-Turkija(2),

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar tal-UE għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress annwali dwar it-Turkija għall-2016, ippubblikat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Novembru 2016 (SWD(2016)0366),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Turkija tat-18 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)(3),

–  wara li kkunsidra d-dritt għal-libertà ta' espressjoni li minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li tagħhom it-Turkija hija stat parti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ikkundannaw bil-qawwa l-kolp ta' stat militari fallut fit-Turkija u rrikonoxxew ir-responsabbiltà leġittima tal-awtoritajiet Torok li jipprosegwixxu lil dawk responsabbli u involuti f'dan l-attentat;

B.  billi t-Turkija hija pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea; billi l-miżuri repressivi tal-Gvern Tork taħt l-istat ta' emerġenza huma sproporzjonati u jmorru kontra d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi protetti mill-Kostituzzjoni Torka, jiksru l-valuri demokratiċi li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea, u jiksru l-ICCPR; billi, mill-kolp 'il hawn, l-awtoritajiet arrestaw 10 membri tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka u madwar 150 ġurnalist — l-akbar għadd fid-dinja; billi 2 386 imħallef u prosekutur u 40 000 persuna oħra ġew detenuti, li minnhom aktar minn 31 000 għadhom arrestati; billi 129 000 impjegat pubbliku għadhom jew sospiżi [66 000] jew tkeċċew (63 000), u billi l-parti l-kbira ta' dawn sal-lum għadha ma saritilhom l-ebda akkuża formali;

C.  billi l-President Erdoğan u l-Gvern Tork għamlu dikjarazzjonijiet ripetuti dwar ir-reintroduzzjoni tal-piena tal-mewt; billi l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Lulju 2016 dwar it-Turkija fakkar li r-rifjut inekwivoku tal-piena tal-mewt huwa element essenzjali tal-acquis tal-Unjoni;

D.  billi tqajjem tħassib serju dwar il-kundizzjonijiet ta' dawk li sfaw detenuti u arrestati wara l-kolp, b'allegazzjonijiet ta' tortura u maltrattament, dwar it-tkeċċija ta' għadd kbir ta' uffiċjali tal-istat, li għadhom qed jistennew li jsirilhom proċess ġust, u dwar ir-restrizzjonijiet severi fuq il-libertà tal-espressjoni u restrizzjonijiet fuq l-istampa u l-midja fit-Turkija, hekk li ftit li xejn għad baqa' midja indipendenti;

E.  billi l-paragrafu 5 tal-Qafas ta' Negozjar għan-Negozjati ta' Adeżjoni mat-Turkija jistipula li l-Kummissjoni, "fil-każ ta' ksur serju u persistenti tal-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, se tirrakkomanda li n-negozjati jiġu sospiżi u tipproponi l-kundizzjonijiet biex jiġu ssuktati"; billi t-Turkija m'għadhiex biżżejjed konformi mal-kriterji ta' Copenhagen ladarba ma tirrispettax il-valuri tal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; billi waqfien temporanju tan-negozjati jkun ifisser li t-taħditiet kurrenti jiġu ffriżati, li ma jinfetaħ l-ebda kapitolu ġdid u li ma tittieħed l-ebda inizjattiva ġdida bi rbit mal-adeżjoni tat-Turkija mal-UE;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-miżuri repressivi sproporzjonati li ilhom jittieħdu fit-Turkija mill-falliment tal-kolp ta' stat militari f'Lulju; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu bidu għal iffriżar temporanju tan-negozjati tal-adeżjoni li jinsabu għaddejjin sa ma l-Gvern Tork jerġa' jaqbad it-triq tar-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijijet tal-bniedem; jibqa' impenjat, madankollu, li jżomm lit-Turkija ankrata mal-UE, u huwa konvint li post it-Turkija demokratika huwa fi ħdan l-UE; itenni l-impenn tal-UE favur kooperazzjoni pożittiva u strateġika mat-Turkija;

2.  Jimpenja ruħu li jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu rigward friża temporanja tat-taħditiet ta' adeżjoni meta jitneħħa l-istat ta' emerġenza fit-Turkija;

3.  Itenni li reintroduzzjoni tal-piena tal-mewt mill-Gvern Tork twassal għal sospensjoni formali tal-proċess ta' adeżjoni;

4.  Jissottolinja li x-xogħol fuq il-liberalizzazzjoni tal-viża jsir biss meta t-Turkija tissodisfa adegwatament il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-aġenda għal-liberalizzazzjoni tal-viża;

5.  Jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra l-implikazzjonijiet ta' sospensjoni tal-finanzjament ipprovdut lit-Turkija taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), b'qies ukoll tal-influwenza ta' din id-deċiżjoni fuq is-soċjetà ċivili tal-pajjiż; jitlob li l-Kummissjoni tirrifletti wkoll fuq l-aħħar żviluppi fit-Turkija fir-rapport ta' nofs it-terminu tal-IPA, li huwa previst għall-2017;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0423.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0133.

(3)

ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11.

Avviż legali