Proċedura : 2016/2988(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1284/2016

Testi mressqa :

B8-1284/2016

Dibattiti :

PV 30/11/2016 - 16
CRE 30/11/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 404kWORD 72k
22.11.2016
PE593.718v01-00
 
B8-1284/2016

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-1812/2016, B8-1813/2016 u B8-1814/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (2016/2988(RSP))


Matteo Salvini, Mara Bizzotto, Mario Borghezio, Angelo Ciocca, Lorenzo Fontana

f'isem il-Grupp ENF

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (2016/2988(RSP))  
B8-1284/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (O-000139/2016 – B8-1812/2016, O-000140/2016 – B8-1813/2016 u O-000141/2016 – B8-1814/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi bejn Awwissu u Ottubru tal-2016, tliet terremoti devastanti laqtu l-Appennini Ċentrali, u ħallew 290 persuna mejta, aktar minn 400 ferut u għexieren ta' eluf ta' persuni spostati; billi l-aħħar wieħed minn dawn it-terremoti, dak tat-30 ta' Ottubru, kien l-iktar terremot qawwi rreġistrat fl-Italja mill-1980 (Irpinia);

B.  billi t-territorji milquta sofrew deformazzjoni li tkopri żona ta' madwar 130 kilometru kwadru, bi spostament massimu ta' mill-anqas 70 ċentimetru, u dan ikkaġuna qerda kbira ta' rħula, ta' infrastruttura u ta' patrimonji storiċi, artistiċi u kulturali inklużi wħud ta' importanza dinjija, kif ukoll il-waqfien totali tal-attivitajiet produttivi u turistiċi;

C.  billi l-Istati Membri f'riskju ta' terremoti huma kostantament obbligati jonfqu somom kbar ta' flus fuq attivitajiet ta' emerġenza, ta' rikostruzzjoni u ta' prevenzjoni; billi, konsegwentement, u minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji imposti mill-UE, dawn l-Istati Membri jinsabu fi żvantaġġ strutturali meta mqabbla ma' Stati Membri oħrajn;

D.billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea jikkontribwixxi biss għal infiq relatat mas-sokkors u mal-emerġenza;

E.  billi, skont ir-Regolament (UE) Nru 651/2014(1), jista' jiġi pprovdut kupmens biss f'każ ta' ħsara materjali ta' assi (pereżempju proprjetà immobbli, tagħmir, makkinarju, ħażniet), u telf ta' dħul minħabba s-sospensjoni sħiħa jew parzjali tal-attività għal perjodu massimu ta' sitt xhur mid-data meta jseħħ id-diżastru, peress li dan mhuwiex ikkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat; billi din il-miżura hija kompletament insuffiċjenti, b'mod partikolari fil-każ tat-terremoti, fejn il-konsegwenzi tal-ħsara jippersistu għal żmien itwal u b'telf sħiħ jew parzjali ta' firxa wiesgħa ta' produzzjoni lokali ta' kwalità;

F.  billi probabbilment, sabiex tleħħaq mal-ispejjeż ta' rikostruzzjoni, l-Italja jaf ikollha titlob emenda tal-programmi operattivi nazzjonali u reġjonali tagħha skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013(2), biex tkun tista' talloka iktar riżorsi għall-Objettiv Tematiku Nru 5 (Il-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji) għad-detriment tal-investimenti strutturali diġà ppjanati;

G.  billi l-pjanijiet adegwati ta' investiment pubbliku tal-Istati Membri f'attivitajiet ta' rikostruzzjoni u ta' prevenzjoni tad-diżastri naturali jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità, stabbli u dejjiema, filwaqt li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' impjieg sħiħ u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

1.  Jesprimi s-sogħba profonda tiegħu għall-vittmi, jesprimi l-kompassjoni tiegħu għaċ-ċittadini kollha milquta mit-terremoti, u jesprimi wkoll l-ammirazzjoni tiegħu għall-altruwiżmu u l-prontezza tal-atturi kollha involuti fl-organizzazzjoni u l-għoti tas-sokkors, b'mod partikolari l-forzi ta' protezzjoni ċivili, il-voluntieri, il-pulizija, it-taqsima tat-tifi tan-nar, u s-sindki;

2.  Jiddispjaċih li r-restrizzjonijiet imposti bir-regoli eżistenti tal-Unjoni fi kwistjonijiet ta' baġit u għajnuna mill-Istat jagħmluha prattikament impossibbli li l-Istati Membri f'riskju sismiku jdaħħlu fis-seħħ pjanijiet adegwati ta' investiment fir-rikostruzzjoni u fil-prevenzjoni sismika, sakemm dawk l-Istati Membri ma jnaqqsux is-servizzi jew ir-riżorsi impenjati għal investimenti strutturali oħra diġà ppjanati;

3.  Iqis li huwa essenzjali u urġenti: a) li l-ispejjeż tal-Istati Membri b'rabta mal-investiment fir-rikostruzzjoni u l-prevenzjoni sismika ma jkunu bl-ebda mod soġġetti għar-restrizzjonijiet baġitarji tal-Unjoni; b) li l-miżuri fiskali favorevoli li l-Istati Membri joffru fir-rigward tal-popolazzjonijiet u l-attivitajiet ekonomiċi milquta minn diżastru naturali fl-ebda każ m'għandhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, u għalhekk xorta waħda jkunu ammissibbli; c) li jkun hemm impenn sod, li jibda mill-istituzzjonijiet Ewropej, favur is-salvagwardja, il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-attivitajiet produttivi u turistiċi taż-żoni milquta mit-terremoti;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, b'mod urġenti, proposta għal emenda f'dan is-sens tal-leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

 

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

Avviż legali