Proċedura : 2016/2988(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1286/2016

Testi mressqa :

B8-1286/2016

Dibattiti :

PV 30/11/2016 - 16
CRE 30/11/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0476

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 413kWORD 53k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1285/2016
23.11.2016
PE593.720v01-00
 
B8-1286/2016

imressqa wara l-Mistoqsijiet għal Tweġiba Orali B8-1812/2016, B8-1813/2016 u B8-1814/2016

imressqa skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (2016/2988(RSP))


Davor Škrlec, Bronis Ropė f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (2016/2988(RSP))  
B8-1286/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ottubru 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(3) (fir-rigward tat-terremot f'Abruzzo, l-Italja),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2007 dwar l-impatt reġjonali tat-terremoti(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 24/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Ir-reazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għat-terremot tal-2009 f’Abruzzi: Ir-relevanza u l-kost tal-operazzjonijiet",

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja ("l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE")(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' April 2011 dwar "Aktar Żvilupp tal-Valutazzjoni tar-Riskju għall-Ġestjoni tad-Diżastri" fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 li jappellaw għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' protezzjoni ċivili b'sistema ta' assistenza reċiproka Ewropea li tibni fuq l-approċċ modulari tal-protezzjoni ċivili (16474/08),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri(8),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (O-000139/2016 – B8-1812/2016, O-000140/2016 – B8-1813/2016 u O-000141 – B8-1814/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi wara t-terremot devastanti li laqat lill-Italja Ċentrali fl-24 ta' Awwissu 2016, tliet terremoti kbar oħra – flimkien ma' sensiela ta' theżżiżiet – laqtu lir-reġjuni tal-Italja Ċentrali fis-26 ta' Ottubru, b'qawwa ta' 5.5. u 6.1, u fit-30 ta' Ottubru, b'qawwa ta' 6.5;

B.  billi terremoti u theżżiżiet sekondarji komplew jolqtu l-Italja ċentrali matul ix-xhur li għaddew; billi t-theżżiża li regħdet l-Italja fit-30 ta' Ottubru kienet l-aktar terremot qawwi li laqat lill-pajjiż mill-1980;

C.  billi fit-terremoti ta' dan l-aħħar, huwa rrappurtat li korrew aktar minn 400 persuna u mietu 290;

D.  billi t-terremoti devastanti jistgħu jakkumulaw f'sensiela ta' riperkussjonijiet u jwasslu għall-ispostament ta' 100 000 resident;

E.  billi l-aħħar terremoti qerdu bliet, ikkawżaw ħsara serja lill-infrastruttura lokali u reġjonali, irvinaw il-wirt storiku u kulturali, ikkawżaw dammi għall-attivitajiet ekonomiċi, speċjalment dawk tal-SMEs, l-agrikoltura u l-ambjent, kif ukoll ir-riżorsi turistiċi u gastronomiċi;

F.  billi t-territorji kkonċernati jbatu minn deformazzjoni li testendi fuq żona ta' madwar 130 kilometru kwadru, bi spostament massimu ta' mill-inqas 70 ċentimetru;

G.  billi l-isforzi ta' rikostruzzjoni sostenibbli jeħtieġ li jkunu kkoordinati sew sabiex jingħata rimedju għat-telf ekonomiku u soċjali;

H.  billi diversi strumenti tal-Unjoni, bħalma huma l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jew il-mekkaniżmu għall-protezzjoni ċivili u l-istrument finanzjarju, jistgħu jintużaw sabiex jissaħħu l-miżuri preventivi li jindirizzaw it-terremoti u l-miżuri ta’ rijabilitazzjoni;

1.  Jesprimi l-ikbar solidarjetà u empatija tiegħu mal-individwi u l-familji fit-territorji milquta mit-terremoti, u mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali Taljani involuti fl-isforzi ta' sokkors wara d-diżastru;

2.  Japprezza l-isforzi bla waqfien tal-unitajiet tas-salvataġġ, il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili, il-voluntiera, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jiġu salvati l-ħajjiet u biex titrażżan il-ħsara fiż-żoni devastati;

3.  Jissottolinja l-effetti serji tat-terremoti suċċessivi u l-qerda li ħallew warajhom;

4.  Jinnota s-solidarjetà espressa mill-Istati Membri oħra, mir-reġjuni Ewropej u l-atturi internazzjonali, fil-forma ta' assistenza reċiproka f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

5.  Jissottolinja l-problemi ta' tbassir marbuta ma' sistemi sismiċi ta' previżjoni u mas-sismiċitá għolja tal-Ewropa tax-Xlokk; jinnota bi tħassib, li f'dawn l-aħħar 15-il sena, eluf ta' persuni mietu u mijiet ta' eluf spiċċaw mingħajr dar minħabba t-terremoti distruttivi li laqtu lill-Ewropa;

6.  Ifakkar fl-importanza li jkun hemm konformità ma’ rekwiżiti għall-kostruzzjoni ta’ bini reżistenti għat-terremoti, b’mod partikolari bini u infrastruttura pubbliċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jagħmlu l-bini konformi mal-istandards tat-terremoti fis-seħħ u biex jagħtuhom l-attenzjoni meħtieġa meta joħorġu l-permessi tal-bini;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda li l-istruzzjonijiet tal-"Eurocode8: Tfassil ta’ strutturi reżistenti għat-terremoti" jiġu inkorporati fir-regolamenti tal-ippjanar tal-Istati Membri vulnerabbli kollha, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti, kemm fil-livell tal-UE u kemm f’dak tal-Istati Membri, biex japplikaw b’mod rigoruż dawn l-istruzzjonijiet għal bini ġdid u bini qadim;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta' persuni spostati esposti għall-kundizzjonijiet klimatiċi ħarxa tal-istaġun xitwi li ġej; jappella lill-Kummissjoni toffri l-għajnuna kollha meħtieġa lill-awtoritajiet Taljani biex tippermettielhom li jiggarantixxu kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti għall-persuni mċaħħda minn djarhom;

9.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili fit-trawwim ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili fl-Ewropa f'sitwazzjonijiet diffiċli u fl-imminimizzar tal-effetti ta' avvenimenti eċċezzjonali; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissimplifikaw aktar il-proċeduri għall-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu sabiex ikun disponibbli immedjatament, b'mod rapidu u effettiv, wara li jseħħ diżastru;

10.   Jappella lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tawtorizza u tipprovdi għal finanzjament rapidu fl-ogħla livell possibbli mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea; jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-gvern Taljan diġà ressaq l-applikazzjoni tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tipprovdi l-valutazzjoni tagħha mill-aktar fis possibbli, filwaqt li titqies l-azzjoni li ttieħdet mill-awtoritajiet Taljani bil-ħsieb tal-prevenzjoni ta’ diżastri, il-limitazzjoni tal-ħsara u l-protezzjoni ta' ħajjet iċ-ċittadini, inkluż billi jiġu stabbiliti obbligi legali;

11.   Jappella lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrumenti kollha disponibbli taħt il-fondi ta' koeżjoni u l-fondi reġjonali jintużaw b'mod effikaċi għall-attivitajiet ta' rikostruzzjoni u għal azzjonijiet oħra meħtieġa f'kooperazzjoni sħiħa mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Taljani; jappella lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li jintuża l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex jiġu sostnuti żoni rurali u attivitajiet agrikoli li sfaw milquta mit-terremoti;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvern tal-Italja u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fiż-żoni milquta.

(1)

ĠU L 189, 27.6.2014, p. 143.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(3)

ĠU C 230 E, 26.8.2010, p. 13.

(4)

ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 269.

(5)

ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1.

(6)

ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1.

(7)

ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

(8)

ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 15.

Avviż legali