Proċedura : 2016/2988(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1288/2016

Testi mressqa :

B8-1288/2016

Dibattiti :

PV 30/11/2016 - 16
CRE 30/11/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0476

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 414kWORD 46k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1285/2016
23.11.2016
PE593.722v01-00
 
B8-1288/2016

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-1812/2016, B8-1813/2016 u B8-1814/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti  (2016/2988(RSP))


Mercedes Bresso, Simona Bonafè, Andrea Cozzolino, Silvia Costa, Nicola Danti, Elena Gentile, Michela Giuffrida, Roberto Gualtieri, Gianni Pittella, Enrico Gasbarra, Tonino Picula, Patrizia Toia, Jens Nilsson, David-Maria Sassoli, Louis-Joseph Manscour, Paolo De Castro, Derek Vaughan, Peter Simon, Victor Boştinaru, Demetris Papadakis, Iratxe García Pérez, Viorica Dăncilă, Damiano Zoffoli f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti  (2016/2988(RSP))  
B8-1288/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (“l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”)(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' April 2011 dwar "Aktar Żvilupp tal-Valutazzjoni tar-Riskju għall-Ġestjoni tad-Diżastri" fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 li jappellaw għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' protezzjoni ċivili b'sistema ta' assistenza reċiproka Ewropea li tibni fuq l-approċċ modulari tal-protezzjoni ċivili (16474/08),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar it-Titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Solidarjetà, implimentazzjoni u applikazzjoni(5),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' Novembru 2013 – Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (O-000139/2016 – B8-1812/2016, O-000140/2016 – B8-1813/2016 u O-000141/2016 – B8-1814/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi wara t-terremot devastanti li laqat l-Italja Ċentrali fl-24 ta' Awwissu 2016, tliet terremoti kbar oħra, flimkien ma' sensiela ta' theżżiżiet, laqtu r-reġjuni tal-Italja ċentrali, fis-26 ta' Ottubru b'qawwa ta' 5.5 u 6.1 u fit-30 ta' Ottubru b'qawwa ta' 6.5.

B.  billi terremoti u theżżiżiet sekondarji komplew jolqtu l-Italja ċentrali matul ix-xhur li għaddew; billi t-theżżiża li regħdet l-Italja fit-30 ta' Ottubru kienet l-aktar terremot qawwi li laqat lill-pajjiż mill-1980;

C.  billi fit-terremoti reċenti aktar minn 400 persuna huma rrappurtati li sfaw midruba u 290 mietu;

D.  billi t-terrimoti devastanti jistgħu jakkumulaw f'sensiela ta' riperkussjonijiet u jwasslu għall-ispostament ta' 100 000 resident;

E.  billi l-impatt tal-aħħar terremoti qered bliet, ikkawża ħsara serja lill-infrastruttura lokali u reġjonali, irvina l-wirt storiku u kulturali, u kkawża dannu għall-attivitajiet ekonomiċi, speċjalment għall-SMEs, għall-agrikoltura, kif ukoll għall-potenzjal turistiku u gastronomiku;

F.  billi t-territorji kkonċernati jbatu minn deformazzjoni li testendi fuq żona ta' madwar 130 kilometru kwadru, bi spostament massimu ta' mill-inqas 70 ċentimetru;

G.  billi l-isforzi ta' rikostruzzjoni sostenibbli jeħtieġ li jkunu kkoordinati sew sabiex jingħata rimedju għat-telf ekonomiku u soċjali;

1.  Jesprimi l-ikbar solidarjetà u empatija tiegħu mal-individwi u l-familji fit-territorji milquta mit-terremoti, u mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali Taljani involuti fl-sforzi ta' sokkors wara d-diżastru;

2.  Japprezza l-isforzi bla waqfien li saru mill-unitajiet tas-salvataġġ, il-forzi tal-protezzjoni ċivili, il-volontiera, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali fiż-żoni devastati sabiex isalvaw il-ħajjiet, jimminimizzaw id-danni u jiggarantixxu attivitajiet bażiċi komuni sabiex jinżamm standard ta' għajxien deċenti;

3.  Jissottolinja l-effetti ekonomiċi serji tat-terremoti suċċessivi u l-qerda li ħallew warajhom;

4.  Jissottolinja l-gravità tas-sitwazzjoni fuq il-post li qed tqiegħed pressjoni finanzjarja konsiderevoli u intensa fuq l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali pubbliċi;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-livell ogħla ta' flessibilità, fil-kalkolu tad-defiċit fuq l-infiq relatat mat-terremoti, li ġie mogħti lill-Italja skont it-Trattati, sabiex tlaħħaq mal-emerġenzi attwali b'mod effiċjenti u rapidu u mal-interventi futuri meħtieġa biex iż-żoni affettwati jkunu siguri;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-solidarjetà espressa mill-istituzzjonijiet tal-UE, Stati Membri oħra, reġjuni Ewropej u atturi internazzjonali, kif muri mill-assistenza reċiproka f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

7.  Jissottolinja l-problemi ta' tbassir marbuta ma' sistemi sismiċi u mas-sismiċitá għolja tal-Ewropa tax-Xlokk; jinnota bi tħassib, li f'dawn l-aħħar 15-il sena, eluf ta' persuni mietu u mijiet ta' eluf spiċċaw mingħajr dar minħabba t-terremoti distruttivi li laqtu lill-Ewropa;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta' persuni spostati esposti għall-kundizzjonijiet klimatiċi ħarxa tal-istaġun xitwi li ġej;

9.  Jisħaq l-importanza tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili fit-trawwim ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili fl-Ewropa f'sitwazzjonijiet diffiċli u fl-imminimizzar tal-effetti ta' avvenimenti eċċezzjonali; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissimplifikaw aktar il-proċeduri għall-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu sabiex ikun disponibbli immedjatament, b'mod rapidu u effettiv, wara li jseħħ diżastru;

10.  Jikkunsidra li l-"ibbaġitjar" parzjali tal-allokazzjoni finanzjarja annwali tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) previst fir-Regolament Omnibus propost, jista' jkun ta' għajnuna fil-futur biex titħaffef il-proċedura ta' mobilizzazzjoni bil-għan li tipprovdi rispons aktar malajr u aktar effettiv liċ-ċittadini milquta minn diżastru; barra min hekk, fil-kuntest ta' riformi futuri possibbli, jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-fattibbiltà ta' żieda fil-limitu ta' pagamenti bil-quddiem kif ukoll ta' tqassir tal-iskadenzi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet;

11.  Jisħaq l-importanza li jinħolqu sinerġiji fost l-istrumenti kollha disponibbli, inklużi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), u li jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw b'mod effettiv għal attivitajiet ta' rikostruzzjoni u għall-azzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa, f'kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Taljani; jappella għal dan l-għan lill-Kummissjoni biex kemm jista' jkun malajr tkun lesta tadotta emendi għal programmi u programmi operattivi wara s-sottomissjoni ta' talba għal emendi minn Stat Membru; jissottolinja wkoll il-possibilità li jintuża l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) biex jiġu sostnuti żoni rurali u attivitajiet agrikoli li sfaw milquta mit-terremoti;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvern tal-Italja u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fiż-żoni milquta.

(1)

ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1.

(2)

ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1.

(3)

ĠU L 163, 2.7.1996. p. 1.

(4)

ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 15.

(5)

ĠU C 440, 30.12.2015, p. 13.

(6)

ĠU C 114, 15.4.2014, p. 48.

Avviż legali