Proċedura : 2016/2988(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1289/2016

Testi mressqa :

B8-1289/2016

Dibattiti :

PV 30/11/2016 - 16
CRE 30/11/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0476

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 415kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1285/2016
23.11.2016
PE593.723v01-00
 
B8-1289/2016

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-1812/2016, B8-1813/2016 u B8-1814/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (2016/2988(RSP))


Rosa D’Amato, Laura Agea, Isabella Adinolfi, Daniela Aiuto, Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (2016/2988(RSP))  
B8-1289/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 174, 175(3) u 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(2) u r-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport Annwali tal-2014 tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea" (COM(2015)0502),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2007 dwar l-impatt reġjonali tat-terremoti(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi wara t-terremot devastanti li laqat lill-Italja Ċentrali fl-24 ta' Awwissu 2016, tliet terremoti kbar oħra – flimkien ma' sensiela ta' theżżiżiet – laqtu lir-reġjuni tal-Italja Ċentrali fis-26 ta' Ottubru, b'qawwa ta' 5.5. u 6.1, u fit-30 ta' Ottubru, b'qawwa ta' 6.5;

B.  billi l-aktar terremot reċenti – dak tat-30 ta' Ottubru – kien l-akbar terremot li laqat lill-pajjiż f'aktar minn tletin sena, qered villaġġi sħaħ, ġab għadd kbir ta' abitanti taż-żoni milquta f'xifer ta' disprament u kkawża diversi forom indiretti ta' ħsara fiż-żoni tal-madwar;

C.  billi fit-terremoti ta' dan l-aħħar, huwa rrappurtat li korrew aktar minn 400 persuna u mietu 290;

D.  billi dawn it-terremoti devastanti akkumulaw fuq xulxin f'"effett domino" u se jwasslu biex 100 000 abitant jisfaw spostati;

E.  billi l-impatt tal-aħħar terremoti qered bliet sħaħ, ikkawża ħsara serja fl-infrastuttura lokali u reġjonali, għamel ħerba mill-wirt storiku u kulturali, ħarbat l-attività ekonomika, u wassal għal telf kbir fis-setturi tal-agrikoltura u tat-turiżmu, speċjalment għall-mikrointrapriżi u l-SMEs;

F.  billi t-territorji kkonċernati jbatu minn deformazzjoni li testendi fuq żona ta' madwar 130 kilometru kwadru, bi spostament massimu ta' mill-inqas 70 ċentimetru;

G.  billi l-isforzi ta' rikostruzzjoni sostenibbli jeħtieġ ikunu kkoordinati sew biex jagħmlu tajjeb għat-telf ekonomiku u soċjali, u billi għandha tingħata wkoll attenzjoni partikolari lill-wirt kulturali imprezzabbli Taljan, filwaqt li jingħata stimolu lill-proġetti Ewropej u internazzjonali mmirati għall-protezzjoni tal-bini u s-siti storiċi;

H.  billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) kien inħoloq permezz tar-Regolament Nru 2012/2002 b'reazzjoni għall-għargħar diżastruż li laqat lill-Ewropa Ċentrali fis-sajf tal-2002;

I.  billi l-FSUE, li mhuwiex kopert mill-baġit tal-UE, jipprovdi sa massimu ta' EUR 500 miljun (fi prezzijiet tal-2011) li jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni kull sena biex jissupplimentaw in-nefqa pubblika f'operazzjonijiet ta' emerġenza mill-Istati Membri kkonċernati;

J.  billi r-riforma tal-FSUE li saret fl-2014 daħħlet il-possibbiltà li l-Istati Membri jitolbu ħlasijiet bil-quddiem, li l-għoti tagħhom jiġi deċiż mill-Kummissjoni, jekk ikun hemm riżorsi biżżejjed; billi, madankollu, l-ammont tal-ħlas bil-quddiem ma jistax jaqbeż l-10 % tal-ammont totali antiċipat tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE, u l-massimu huwa ta' EUR 30 miljun;

K.  billi l-Istat affettwat irid iressaq applikazzjoni għall-għajnuna mill-FSUE lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 12-il ġimgħa wara li jibdew jidhru ċari l-ewwel effetti tad-diżastru; billi l-Istat benefiċjarju huwa responsabbli mill-użu tal-għotja u mill-awditjar tal-mod kif tintefaq, iżda l-Kummissjoni tista' twettaq verifiki fuq il-post dwar l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FSUE;

L.  billi nstab li fl-Italja eluf ta' binjiet ma kinux inbnew skont l-istandards stipulati fil-liġi nazzjonali kontra l-attività sismika tal-1974, li tgħid li l-bini jrid jinbena jew jiġi rinovat b'tali mod li jkun reżistenti għat-terremoti; billi, barra minn hekk, nofs il-bini residenzjali nbena mill-ġdid minn dak iż-żmien 'l hawn, u, peress li l-istandards inbidlu matul iż-żminijiet, huwa stmat li madwar 70 % tal-bini residenzjali eżistenti f'żoni sismiċi mhuwiex reżistenti għat-terremoti;

M.  billi, skont is-servizzi tal-protezzjoni ċivili Taljani, iż-żoni fl-Italja meqjusa bħala "f'riskju sismiku għoli" jilqgħu fihom 3 miljun abitant, filwaqt li ż-żona "f'riskju" hija ħafna aktar estiża u tgħodd kważi 20 miljun abitant;

1.  Jesprimi l-akbar solidarjetà u empatija mal-individwi u l-familji kollha fit-territorji milquta mit-terremoti, kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali Taljani involuti fl-isforzi ta' sokkors wara d-diżastru;

2.  Jenfasizza li l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħorox tal-istaġun imminenti tax-xitwa jirrappreżentaw sors ta' tħassib profond għall-għadd kbir ta' persuni spostati, li hemm bżonn jiġi indirizzat malajr u b'mod effikaċi sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti għal dawk li sfaw bla dar;

3.  Japprezza l-isforzi kontinwi magħmula mill-unitajiet tas-salvataġġ, is-servizzi tal-protezzjoni ċivili, il-voluntiera u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fiż-żoni devastati sabiex jiġu salvati l-ħajjiet u tkun limitata l-ħsara;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta' persuni spostati esposti għall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħorox tal-istaġun imminenti tax-xitwa; jistieden lill-Kummissjoni toffri l-għajnuna kollha meħtieġa biex l-awtoritajiet Taljani jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti għan-nies li sfaw bla dar;

5.  Jirrikonoxxi n-natura speċjali taż-żona tal-Mediterran, u jistieden lill-Istati Membri jżidu r-riċerka favur il-prevenzjoni tal-ħsara, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-minimizzazzjoni tal-iskala tal-impatt tad-diżastri, flimkien ma' azzjonijiet fil-qafas ta' Orizzont 2020;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell internazzjonali bil-għan li jiġu promossi azzjonijiet ta' prevenzjoni diretta, li jikkonsistu fit-titjib sismiku tal-istrutturi, sabiex jinkiseb tnaqqis immedjat fir-riskju sismiku ta' bini u infrastruttura vulnerabbli f'żoni fejn hemm periklu sismiku kbir, kif ukoll azzjonijiet indiretti, billi jitjieb l-għarfien dwar il-perikli sismiċi lokali u r-reżistenza sismika tas-sistemi urbani;

7.  Jieħu nota tal-applikazzjoni ppreżentata mill-gvern Taljan fil-qafas tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, u jitlob lill-Kummissjoni tivvalutaha fil-pront u timmobilizza l-appoġġ bil-għan li tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Taljani involuti fl-isforzi ta' sokkors wara d-diżastru;

8.  Jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li l-FSUE hu ffinanzjat barra l-baġit tal-UE, b'allokazzjoni massima ta' EUR 500 miljun (fi prezzijiet tal-2011), u għalhekk, minkejja xi titjib fl-aħħar riforma tal-2014, mhuwiex strument b'saħħtu u flessibbli bħala mezz biex tintwera solidarjetà u tingħata assistenza xierqa u rapida lin-nies li jkunu affettwati minn diżastri naturali kbar;

9.  Jemmen li t-titjib meħtieġ fir-regolament dwar il-FSUE jista' jinkludi appell għal pjanijiet nazzjonali aġġornati obbligatorji għall-ġestjoni tad-diżastri, l-introduzzjoni ta' pjan ta' azzjoni konkret u t-tħejjija ta' ftehimiet dwar kuntratti ta' emerġenza; jenfasizza l-importanza li jinħolqu indikaturi ġodda li jmorru lil hinn mill-PDG, pereżempju Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem jew Indiċi tal-Progress Soċjali Reġjonali, għal-limitu tal-eliġibbiltà f'każijiet ta' diżastri naturali reġjonali;

10.  Jenfasizza l-importanza tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku segwiti mill-Istati Membri b'reazzjoni għad-diżastri naturali, bil-għan li jiġu identifikati u jixterdu l-aħjar prattika u t-tagħlimiet meħuda fir-rigward ta' kuntratti f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li teskludi r-rikostruzzjoni sostenibbli u kwalunkwe investiment anti-sismiku, inkluż dak kofinanzjat mill-fondi SIE u allokat għall-Objettiv Tematiku 5 ("il-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji"), mill-kalkolu tad-defiċits nazzjonali fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili biex titrawwem il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili fl-Ewropa kollha f'sitwazzjonijiet sfavorevoli u jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti ta' avvenimenti straordinarji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jissimplifikaw il-proċeduri għall-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu sabiex dan jitqiegħed għad-dispożizzjoni malajr u b'mod effikaċi immedjatament wara li jseħħ diżastru;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrumenti kollha disponibbli fil-qafas tal-fondi reġjonali u ta' koeżjoni jintużaw b'mod effikaċi għall-attivitajiet ta' rikostruzzjoni u l-azzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa f'kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Taljani; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li jintuża l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex jingħata sostenn liż-żoni rurali u l-attivitajiet agrikoli li ntlaqtu mit-terremoti;

14.  Jistieden lill-gvern Taljan u lill-Kummissjoni jikkunsidraw il-possibbiltà li jemendaw il-programmi operattivi nazzjonali u reġjonali sabiex jindirizzaw aħjar il-kwistjonijiet tal-Objettiv Tematiku 5 ("il-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji"), f'konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

15.  Jieħu nota tal-attivazzjoni tas-Servizz ta' Ġestjoni tal-Emerġenzi "Copernicus" tal-UE, fuq talba tal-gvern Taljan, bil-għan li tingħata valutazzjoni tal-ħsara permezz tas-satellita għaż-żoni milquta; jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fost iċ-ċentri ta' riċerka internazzjonali, u jilqa' l-użu tar-radar b'apertura sintetika (SAR), li jkun jista' jevalwa u jkejjel il-movimenti tal-art fil-livell ta' ċentimetri permezz tas-sħab lejl u nhar, anki għal skopijiet ta' prevenzjoni u ġestjoni tar-riskji;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvern tal-Italja u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali taż-żoni milquta.

(1)

ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1.

(2)

ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(3)

ĠU L 189, 27.6.2014, p. 143.

(4)

ĠU C 282E, 6.11.2008, p. 269.

Avviż legali