Proċedura : 2016/2988(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1296/2016

Testi mressqa :

B8-1296/2016

Dibattiti :

PV 30/11/2016 - 16
CRE 30/11/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0476

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 423kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1285/2016
23.11.2016
PE593.733v01-00
 
B8-1296/2016

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-1812/2016, B8-1813/2016 u B8-14/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti  (2016/2988(RSP))


Curzio Maltese, Eleonora Forenza, Barbara Spinelli, Sofia Sakorafa, Marie-Christine Vergiat, Marisa Matias, João Ferreira, João Pimenta Lopes, Miguel Viegas, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Patrick Le Hyaric, Lola Sánchez Caldentey, Miguel Urbán Crespo, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga

f'isem il-Grupp GUE/NGL

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti  (2016/2988(RSP))  
B8-1296/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' April 2011 dwar aktar żvilupp tal-valutazzjoni tar-riskju għall-ġestjoni tad-diżastri fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 li jappellaw għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' protezzjoni ċivili b'sistema ta' assistenza reċiproka Ewropea li tibni fuq l-approċċ modulari tal-protezzjoni ċivili,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri(5),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (O-000139/2016 – B8-1812/2016, O-000140/2016 – B8-1813/2016 u O-000141/2016 – B8-1814/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi wara t-terremot devastanti li laqat l-Italja ċentrali fl-24 ta' Awwissu 2016, tliet terremoti kbar oħra, flimkien ma' sensiela ta' theżżiżiet, laqtu r-reġjuni tal-Italja ċentrali, fis-26 ta' Ottubru b'qawwa ta' 5.5 u 6.1 u fit-30 ta' Ottubru b'qawwa ta' 6.5.

B.  billi t-terremoti u t-theżżiżiet sekondarji komplew jolqtu l-Italja ċentrali matul ix-xhur li għaddew; billi t-theżżiża li regħdet l-Italja fit-30 ta' Ottubru kienet l-iktar terremot qawwi li laqat lill-pajjiż mill-1980;

C.  billi fit-terremoti reċenti aktar minn 400 persuna huma rrappurtati li sfaw midruba u 290 mietu;

D.  billi t-terrimoti devastanti jistgħu jakkumulaw f'sensiela ta' riperkussjonijiet u jwasslu għall-ispostament ta' 100 000 resident;

E.  billi l-impatt tal-aħħar terremoti qered bliet, ikkawża ħsara serja lill-infrastruttura lokali u reġjonali, irvina l-wirt storiku u kulturali, u kkawża dannu għall-attivitajiet ekonomiċi, speċjalment għall-SMEs, għall-agrikoltura, kif ukoll għall-potenzjal turistiku u gastronomiku;

F.  billi t-territorji kkonċernati jbatu minn deformazzjoni li testendi fuq żona ta' madwar 130 kilometru kwadru, bi spostament massimu ta' mill-inqas 70 ċentimetru, u l-effetti idroġeoloġiku mhux prevedibbli jistgħu jwasslu, f'kundizzjonijiet xitwin ħorox, għal katastrofi naturali ulterjuri bħal għargħar u valangi u ħsara kumulattiva;

G.  billi l-isforzi ta' rikostruzzjoni sostenibbli jeħtieġ li jkunu kkoordinati sew sabiex jingħata rimedju għat-telf ekonomiku u soċjali;

H.  billi ċerti territorji fl-Unjoni Ewropea huma iktar vulnerabbli u jisnabu f'riskju sismiku għoli; billi jistgħu jkunu esposti wkoll għal katastrofi naturali ripetuti ta' tipi differenti, li wħud minnhom ikunu inqas minn sena 'l bogħod minn xulxin, bħalma ġara fil-każijiet reċenti li seħħew fl-Italja, fil-Portugall, fil-Greċja u f'Ċipru;

I.  billi l-prevenzjoni għandha tkun fażi dejjem iktar importanti fiċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri u għandha tingħata importanza soċjali dejjem ikbar;

J.  billi l-miżuri ta' prevenzjoni tad-diżastri fis-seħħ dehru li huma difettużi, u l-proposti preċedenti tal-Parlament għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ, u dan qiegħed ifixkel l-implimentazzjoni ta' strateġija kkonsolidata għall-prevenzjoni ta' diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem fil-livell tal-UE;

K.  billi, b'mod ġenerali, il-ħsara kkawżata minn diżastri naturali u minn diżastri kkawżati mill-bniedem ħafna drabi tista' tiġi evitata; billi l-politiki tal-UE, barra minn hekk, għandhom jiżguraw inċentivi konsistenti sabiex l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jiżviluppaw, jiffinanzjaw u jimplimentaw politiki ta' prevenzjoni u konservazzjoni iktar effiċjenti;

1.  Jesprimi l-ikbar solidarjetà u empatija tiegħu mal-individwi kollha milquta mit-terremoti u l-familji tagħhom, u mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali Taljani involuti fl-isforzi ta' sokkors wara d-diżastru;

2.  Japprezza l-isforzi bla waqfien tal-unitajiet tas-salvataġġ, tal-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili, tal-voluntiera, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jiġu salvati l-ħajjiet u biex titrażżan il-ħsara fiż-żoni devastati;

3.  Jissottolinja l-effetti ekonomiċi serji tat-terremoti suċċessivi u l-qerda li ħallew warajhom;

4.  Jinnota s-solidarjetà espressa minn atturi internazzjonali, reġjuni Ewropej u Stati Membri oħra, fil-forma ta' assistenza reċiproka f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

5.  Jissottolinja l-problemi ta' tbassir assoċjati mas-sistemi sismiċi u mas-sismiċitá għolja tax-Xlokk tal-Ewropa; jinnota bi tħassib, li f'dawn l-aħħar 15-il sena, eluf ta' persuni mietu u mijiet ta' eluf sfaw mingħajr dar minħabba t-terremoti distruttivi li laqtu lill-Ewropa;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta' persuni spostati esposti għal-kundizzjonijiet tat-temp ħorox tal-istaġun xitwi li ġej; jitlob lill-Kummissjoni toffri l-għajnuna meħtieġa kollha lill-awtoritajiet Taljani sabiex ikunu jistgħu jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti lill-persuni mċaħħda minn djarhom;

7.  Jisħaq dwar l-importanza tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili fit-trawwim ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili madwar l-Ewropa f'sitwazzjonijiet diffiċli u fl-imminimizzar tal-effetti ta' avvenimenti eċċezzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissimplifikaw iktar il-proċeduri għall-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu sabiex ikun disponibbli b'mod rapidu u effettiv, immedjatament wara li jseħħ diżastru;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tippermetti u tipprovdi finanzjament rapidu f'livell kemm jista' jkun għoli mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza r-rwol u r-responsabbiltà ikbar tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-ġestjoni u d-distribuzzjoni tal-fondi, filwaqt li jappoġġaw it-tkabbir ekonomiku sostenibbli mġedded u l-koeżjoni soċjali fit-territorji tagħhom;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra li testendi l-kalkolu eżistenti tal-Fond ta' Solidarjetà, li attwalment huwa bbażat fuq l-effetti ta' ħsara kkawżata minn avveniment katastrofiku wieħed, għal komputazzjoni kumulattiva tal-ħsara kkawżata minn bosta diżastri naturali li jseħħu fl-istess reġjun f'sena;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrumenti kollha disponibbli fi ħdan il-fondi reġjonali u ta' koeżjoni jintużaw b'mod effikaċi għal attivitajiet ta' rikostruzzjoni u għall-azzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa f'kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Taljani; Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali jintuża biex jingħata sostenn liż-żoni rurali u lill-attivitajiet agrikoli milquta mit-terremoti;

11.  Jirrimarka li l-politika ta' koeżjoni hija għodda essenzjali fil-prevenzjoni tar-riskju tad-diżastri naturali; iqis li għandu jkun possibbli li l-fondi u l-istrumenti varji joperaw b'mod flessibbli u b'mod ikkoordinat sabiex jitjiebu l-funzjonament u l-effikaċja ta' dik il-politika; jenfasizza li l-prevenzjoni tar-riskju għandha tkun f'sintonija ma' politiki oħra segwiti fil-qasam tal-prevenzjoni, sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-miżuri u jiżdiedu l-effikaċja u l-valur miżjud tagħhom;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' pjan ta' investiment pubbliku f'politiki ta' prevenzjoni u ta' pjan ta' modifiċi antisismiċi fiż-żoni bl-ogħla livell ta' riskji sismiċi u idroġeoloġiċi; iqis li tali spejjeż għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-limitu tal-iżbilanċ tal-Istat Membru kkonċernat;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-iskambju ta' prattiki tajbin bejn l-Istati Membri sabiex jiġu evitati d-diżastri, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet reġjonali jitħarrġu fil-ġestjoni tad-diżastri;

14.  Jenfasizza l-importanza li l-prevenzjoni tiġi kkunsidrata minn perspettiva trażversali, billi tiġi inkorporata fil-politiki settorjali relevanti għall-promozzjoni tal-okkupazzjoni bbilanċjata tal-art u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali koeżiv li jkun f'armonija man-natura;

15.  Jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) pubbliċi fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri, u jitlob koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet tar-R&Ż tal-Istati Membri, speċjalment dawk li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' riskji simili; jitlob sistemi ta' twissija mtejba fl-Istati Membri u l-ħolqien u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-sistemi differenti ta' twissija bikrija; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis kif jixraq dawn il-ħtiġijiet u tiżgura finanzjament adegwat;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-sistemi għall-kura tas-saħħa tal-Istati Membri jitħejjew f'termini ta' struttura tar-riżorsi umani, prattika tajba u sensibilizzazzjoni għar-riskji, sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu ma' sitwazzjonijiet ta' diżastru;

17.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm ġbir komprensiv ta' data u informazzjoni dwar ir-riskji u l-ispejjeż tad-diżastri u li dawn jiġu kondiviżi fil-livell tal-UE, bil-ħsieb li jitwettqu studji komparattivi u jiġi ddeterminat l-impatt transkonfinali probabbli tad-diżastri, biex b'hekk l-Istati Membri jkollhom il-possibilità li jakkomunaw l-informazzjoni dwar ir-riżorsi mediċi u l-kapaċitajiet ċivili nazzjonali, u jisħaq li għandna nużaw u niżviluppaw strutturi eżistenti, bħaċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) iżjed milli nibnu oħrajn ġodda;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvern tal-Italja u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fiż-żoni milquta.

 

(1)

ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1.

(2)

ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

(3)

ĠU L 189, 27.6.2014, p. 143.

(4)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.

(5)

ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 15.

Avviż legali