Proċedura : 2016/3004(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1304/2016

Testi mressqa :

B8-1304/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 522kWORD 44k
24.11.2016
PE593.741v01-00
 
B8-1304/2016

imressqa skont l-Artikolu 108(6) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-talba għal opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-ftehim propost bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali (2016/3004(RSP))


Cornelia Ernst, Marina Albiol Guzmán, Kateřina Konečná, Stelios Kouloglou f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-talba għal opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-ftehim propost bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali (2016/3004(RSP))  
B8-1304/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 218(11) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni legali tiegħu tal-14 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 1/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka ta' Ottubru 2016(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-TFUE u l-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Schrems vs il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data tas-6 ta' Ottubru 2015 li tannulla d-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-Ftehim dwar id-Data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) bejn l-UE u l-Kanada tat-8 ta' Settembru 2016(4),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tad-9 ta' Marzu 2010(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fit-3 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-protezzjoni ta' data personali meta din tkun trasferita u proċessata għall-iskop ta' prevenzjoni, investigazzjoni, identifikazzjoni jew prosekuzzjoni ta' reati, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (minn hawn 'il quddiem il-"Ftehim Komprensiv");

B.  billi t-test tal-ftehim ġie inizjalat fit-8 ta' Settembru 2015;

C.  billi l-KEPD u l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 qajmu mistoqsijiet dwar il-kompatibilità tal-Ftehim Komprensiv mal-Karta u mal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, speċjalment fir-rigward tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju, tal-aċċess mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, il-limitazzjoni tad-drittijiet ta' aċċess għas-suġġett tad-data u l-perjodi taż-żamma tad-data;

D.  billi, skont il-KEPD, hemm tħassib li l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data (DPAs) fl-Istati Uniti ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġu kkunsidrati indipendenti b'mod sħiħ u b'setgħat effettivi ta' intervent, peress li hemm tħassib dwar jekk id-DPAs ikunux jistgħu jimblokkaw it-trasferimenti ta' data personali jekk dawn ma jkunux jirrispettaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

E.  billi il-Judicial Redress Act (l-Att dwar ir-Rimedju Ġudizzjarju) tal-Istati Uniti ma tannullax l-eżenzjonijiet eżistenti għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data li ċerti sistemi ta' reġistri fl-Istati Uniti jistgħu jipprovdu skont il-US Privacy Act (l-Att dwar il-Privatezza tal-Istati Uniti), bħad-data tal-PNR;

F.  billi s-Servizz Legali tal-Parlament ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti (speċifikament l-Artikolu 5(3)) se jservi bħala forma ta' deċiżjoni ta' adegwatezza, u joħloq preżunzjoni legali ta' konformità "de iure" mill-Istati Uniti mal-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE u potenzjalment idgħajjef il-konformità reali mal-liġi tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data;

1.  Huwa tal-fehma li hemm inċertezza tad-dritt dwar jekk l-abbozz ta' ftehim huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati (l-Artikolu 16 tat-TFUE) u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 7, 8 u 52(1) fir-rigward tad-dritt tal-individiwi għall-protezzjoni tad-data personali u l-Artikolu 47 fir-rigward tad-disponibilità ta' rimedju ġudizzjarju effettiv);

2.  Jiddeċiedi li jitlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità tal-ftehim propost mat-Trattati;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2016/16-02-12_EU-US_Umbrella_Agreement_EN.pdf

(2)

http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/press-material/press-release/art29_press_material/2016/20161026_statement_of_the_wp29_on_the_eu_umbrella_agreement_en.pdf

(3)

http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?docid=169195&doclang=mt

(4)

http://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2016-09/cp160089mt.pdf

(5)

http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?text=&docid=79752&pageIndex=0&doclang=mt&mode=lst&dir=&occ=first&part=1&cid=1878268

Avviż legali