Proċedura : 2016/3001(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1310/2016

Testi mressqa :

B8-1310/2016

Dibattiti :

PV 01/12/2016 - 3
CRE 01/12/2016 - 3

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0479

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 428kWORD 49k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1310/2016
28.11.2016
PE593.747v01-00
 
B8-1310/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo  (2016/3001(RSP))


Michèle Rivasi, Maria Heubuch, Barbara Lochbihler, Bart Staes, Igor Šoltes, Josep-Maria Terricabras, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo  (2016/3001(RSP))  
B8-1310/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-RDK,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa min-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana, l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' "La Francophonie" tas-16 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u tal-kelliem tagħha, dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, il-proċess elettorali u l-hekk imsejjaħ djalogu nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 u tat-23 ta' Mejju 2016 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Settembru 2015 tal-Tim ta' Mibgħuta u Rappreżentanti Internazzjonali għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar tal-Afrika dwar l-elezzjonijiet fir-Reppubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-2 ta' Novembru 2016 u tal-15 ta' Awwissu 2016 tal-Mibgħut Internazzjonali għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun u fil-Kongo tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tat-12 ta' Frar 2015 mir-Rapporteur Speċjali tal-Unjoni Afrikana dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rapporteur Speċjali tal-Unjoni Afrikana dwar il-Ħabsijiet u l-Kundizzjonijiet ta' Detenzjoni fl-Afrika dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem wara l-avvenimenti marbuta mal-emenda għal-Liġi Elettorali fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-investigazzjoni preliminari mill-Uffiċċju Konġunt tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem MONUSCO-OHCHR dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza mwettqa matul id-dimostrazzjonijiet f'Kinshasa bejn id-19 u l-21 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa mill-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2016 dwar l-arrest ta' attivisti żgħażagħ fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, tas-27 ta' Lulju 2015, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-12 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-RDK u r-Reġjun, li ġie ffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Marzu 2016 dwar l-Oranizzazzjoni tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-RDK u dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-RDK u r-Reġjun,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou, iffirmat fit-23 ta' Ġunju 2000 u rivedut fil-25 ta' Ġunju 2005 u fit-22 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet ta' Nairobi ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont il-Kostituzzjoni tal-Kongo, l-elezzjonijiet huma skedati li jsiru fl-2016;

B.  billi l-Kostituzzjoni tistipula li l-President ma jistax iservi aktar minn żewġ mandati; billi, għaldaqstant, il-President attwali, Joseph Kabila, ma jistax jingħata t-tielet mandat;

C.  billi l-President Kabila għamel kull sforz possibbli biex jipposponi dawn l-elezzjonijiet, u billi għad irid jiddikjara pubblikament l-intenzjoni li f'xi mument se jirriżenja;

D.  billi l-President Kabila argumenta li t-triq lejn l-elezzjonijiet hi permezz ta' djalogu nazzjonali inklużiv; billi parti sostanzjali tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika rrifjutaw dan id-djalogu meqjus bħala tattika ta' telf ta' ħin;

E.  billi l-Gvern Kongoliż qal li l-elezzjonijiet presidenzjali li kellhom isiru f'Novembru 2016 se jiddewmu sa erba' snin, filwaqt li sostna li l-pajjiż għadu mhux ippreparat biex jgħaddi minn elezzjoni;

F.  billi l-Organizzazzjoni Internazzjonali "La Francophonie" ddikkjarat, għall-kuntrarju, li l-lista elettorali tista' tiġi aġġornata fi żmien tliet xhur;

G.  billi fir-Riżoluzzjoni 2277 (2016) il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU stieden lill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Kongoliża, magħrufa bl-akronimu Franċiż tagħha CENI, tippubblika kalendarju komprensiv rivedut li jkopri ċ-ċiklu elettorali kollu, u talbet lill-Gvern Kongoliż jistabbilixxi b'mod rapidu baġit u kodiċi ta' kondotta għall-elezzjonijiet u jaġġorna l-listi elettorali sabiex jippermetti li l-elezzjonijiet inkwistjoni jsiru f'perjodi ta' żmien maqbula b'mod kostituzzjonali;

H.  billi l-parteċipanti fl-hekk imsejjaħ djalogu nazzjonali qablu li jipposponu l-elezzjonijiet sa mill-inqas għal April 2018; billi l-partiti tal-oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ma aċċettawx din il-konklużjoni u qed jinsistu li hu fattibbli li l-votanti jkunu reġistrati kmienu fl-2017 u li l-elezzjonijiet isiru dik l-istess sena;

I.  billi l-Unjoni Ewropea aċċettat il-posponiment tal-elezzjonijiet sal-2017, dment li din id-deċiżjoni tittieħed f'qafas ta' djalogu politiku inklużiv, imparzjali u trasparenti fost il-partijiet interessati Kongoliżi qabel ma' jispiċċa t-terminu tal-President Kabila f'Diċembru 2016;

J.  billi l-protesti f'Settembru kontra l-fatt li l-President Kabila jibqa' fil-poter wasslu għal ripressjoni brutali fuq dimostranti u forzi tal-oppożizzjoni; billi n-NU rrapurtat 422 vittma ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Kinshasa minn aġenti tal-Istat, inklużi 48 persuna maqtula u 143 midruba, 8 ġurnalisti u 288 persuni oħra arrestati u detenuti illegalment, u binjiet ta' partiti tal-oppożizzjoni meqruda;

K.  billi diġà fl-2015 kien hemm tentattiv biex tiġi modifikata l-liġi elettorali bl-elezzjonijiet jintrabtu ma' ċensiment nazzjonali, ċirkustanza li setgħet twassal biex jiġu pposposti l-elezzjonijiet, u billi t-tentattiv falla wara protesti li seħħew fil-kapitali, Kinshasa, u fi bliet oħra;

L.  billi, skont l-awtoritajiet Kongoliżi, 27 persuna mietu fil-protesti ta' Jannar 2015, inklużi żewġ uffiċjali tal-pulizija, u billi 350 persuna ġew arrestati, wara ġlied bejn id-dimostranti, il-pulizija u suldati tal-Gwardja Repubblikana;

M.  billi fis-26 ta' Jannar 2016 żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni fil-provinċja ta' Haut-Katanga, Nyota TV u Mapendo, stazzjon tar-radju u t-televiżjoni, ġew magħluqa minħabba li allegatament naqsu milli jħallsu t-taxxi; billi l-gvernatur preċedenti ta' Katanga, Moïse Katumbi, li qabel kien jappoġġja lill-President Kabila imma li kien irriżenja mill-partit fit-tmexxija f'Settembru 2015 u issa qed jopponi t-tielet mandat għall-president, hu s-sid taż-żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni

N.  billi d-dewmien fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet wassal għal strajk nazzjonali ("Ville Morte") fis-16 ta' Frar 2016;

O.  billi fis-sigħat bikrin tas-16 ta' Frar, jum il-"ville Morte", is-sinjal ta' Radio France Internationale, wieħed mill-aktar stazzjonijiet tar-radju segwit fir-RDK, ġie maqtugħ f'tentattiv evidenti li jħarbat l-istrajk; billi għadd kbir ta' attivisti tal-oppożizzjoni kienu arrestati u detenuti b'mod arbitrarju qabel l-istrajk, inkluż membru tal-Parlament, li allegatament ġie msawwat waqt id-detenzjoni tiegħu;

P.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK marret ferm għall-agħar fl-aħħar sentejn; billi l-mexxejja u l-attivisti tal-oppożizzjoni jiffaċċjaw fastidju kostanti mill-forzi tas-sigurtà Kongoliżi, inklużi detenzjonijiet arbitrarji u f'iżolament, swat, tfixkil tal-laqgħat u proċessi motivati politikament;

Q.  billi l-libertà tal-espressjoni u ta' assemblea fil-pajjiż ġiet ferm limitata, inkluż bl-użu eċċessiv tal-forza kontra dimostranti paċifiċi, ġurnalisti, mexxejja politiċi u persuni oħra li jopponu t-tentattivi tal-President Kabila li jibqa' fil-poter lil hinn mil-limitu ta' żewġ termini;

R.  billi l-istazzjon tar-radju appoġġjat min-NU, Radio Okapi u l-istazzjon tar-Radju u tat-Televiżjoni tal-komunità Franċiża (RTBF) temporanjament ġew imblukkati; billi r-"Radio France Internationale" (RFI) f'Kinshasa ġie magħluq;

S.  billi, wara l-protesti ta' Settembru, daħlet fis-seħħ probizzjoni fuq id-dimostrazzjonijiet politiċi kollha f'Kinshasa, Kalemie u Lubumbashi;

T.  billi n-NU u għadd ta' organizzazzjonijiet oħrajn li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem iddikjaraw li saru għadd kbir ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn uffiċjali tal-Istat u li kien hemm biss progress limitat fit-tressiq tal-awturi ewlenin ta' dawn l-abbużi quddiem il-qrati tal-ġustizzja;

1.  Jiddispjaċih bil-qawwi għad-dewmien fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali u leġislattivi li jmiss fir-RDK, li jikkostitwixxi ksur gravi tal-Kostituzzjoni tal-Kongo;

2.  Iqis lill-President Kabila u lill-Gvern Kongoliż kompletament responsabbli għal din is-sitwazzjoni, minħabba t-tentattivi tagħhom li jittardjaw l-elezzjonijiet; iqis l-azzjoni tal-President Kabila u l-gvern tiegħu bħala li tikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà fir-RDK;

3.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kongoliż jindirizza immedjatament kwistjonijiet miftuħa relatati mas-sekwenza tal-kalendarju elettorali, il-baġit tiegħu u l-aġġornament tar-reġistru elettorali sabiex jippermetti li jseħħu elezzjonijiet liberi, ġusti u trasparenti fix-xhur li ġejjin;

4.  Ifakkar li l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti għandha tkun istituzzjoni imparzjali u inklużiva b'riżorsi suffiċjenti li jippermettu proċess trasparenti u komprensiv;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jirratifikaw il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza malajr kemm jista' jkun;

6.  Jiddispjaċih dwar id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni fir-RDK fl-aħħar sentejn f'termini ta' libertà tal-espressjoni, ta' libertà tal-midja u d-dritt ta' assoċjazzjoni; iqis li din ix-xejra hi relatata mill-qrib mat-tentattivi tal-gvern li jdewwem l-elezzjonijiet u jestendi l-mandat tal-President;

7.  Ifakkar fl-impenn li ħadet ir-RDK taħt il-Ftehim ta' Cotonou li tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà tal-espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni, il-governanza t-tajba u t-trasparenza fil-karigi politiċi; iħeġġeġ lill-gvern Kongoliż jirrispetta dawn id-dispożizzjonijiet bi qbil mal-Artikoli 11b, 96 u 97 tal-Ftehim ta' Cotonou;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kongoliżi jerġgħu jġibu lura ambjent li jwassal għall-eżerċizzju liberu u paċifiku tal-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjonu u ta' assemblea u l-libertà tal-istampa;

9.  Iqis dan il-pass ta' importanza assoluta sabiex l-elezzjonijiet skedati jkunu ħielsa u ġusti, jekk finalment iseħħu;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kongoliżi jneħħu l-projbizzjoni imposta f'Settembru 2016 fuq dimostrazzjonijiet paċifiċi f'Kinshasa, Kalemie u Lubumbashi;

11.  Jitlob li r-Radio France Internationale (RFI) f'Kinshasa jerġa' jibda jxandar u biex is-sinjali tar-radju ta' midja indipendenti ma jibqgħux imblukkati;

12.  Jistieden lill-Gvern Kongoliż biex b'mod immedjat ineħħi l-Ordni Ministerjali Nru 010 CAB/M-CM/LMO/010/2016 tat-12 ta' Novembru 2016 dwar ir-regolament ta' servizzi ta' xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni minn entitajiet barranin, għaliex din tqiegħed restrizzjonijiet bla ħtieġa fuq id-dritt ta' informazzjoni kif previst fl-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni tal-Kongo;

13.  Jitlob lill-awtoritajiet Kongoliżi jiggarantixxu l-indipendenza u d-dover ta' rendikont tas-servizzi tas-sigurtà Kongoliżi, inklużi dawk tal-pulizija u tal-aġenzija tal-intelligence nazzjonali; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-UE tuża l-programmi eżistenti ta' ġustizzja u sigurtà fir-RDK bħala lieva għal djalogu mal-awtoritajiet Kongoliżi dwar ir-ripressjoni li qed issir mill-forzi tas-sigurtà u biex tikkunsidra li ttemm dawn il-programmi jekk ma jsir l-ebda progress;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jinvestigaw, jipproċessaw u jissanzjonaw b'mod xieraq l-uffiċjali tal-forza tas-sigurtà u uffiċjali tal-intelligence u persuni oħra responsabbli għar-rispressjoni vjolenti u illegali kontra l-attivisti, il-mexxejja tal-oppożizzjoni u dawk li opponew it-tentattivi mill-President Kabila li jestendi ż-żmien tiegħu fil-poter;

15.  Jitlob il-ħelsien immedjat u bla ebda kundizzjoni tal-persuni kollha arrestati għal raġunijiet politiċi, partikolarment lil Jean-Claude Muyambo, Norbert Luyeye, Nsiala Bukaka, Paul Yoka, Nathan Lusela, Totoro Mukenge, Yannick Kibinga, Franck Mwashila, Sefu Idi, Gédeon Butandu, Fiston Malanga, Aaron Ngwashi, Augustin Kabamba, Bruno Vumbi, Ndol Tshamundj, Gabriel Tambwe, Philippe Namputu, Lwembe Munika, Mukonde Kapenda, Moïse Moni Della, Bruno Tshibala, Huit Mulongo, Ngongo Kasongo, Glody Ntambwe, Faustin Dunia u Jacques Muhindo u biex jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontriehom;

16.  Jirrifjuta bil-qawwa l-kundanna ta' Rebecca Kavugho, Serge Sivya, Justin Kambale, John Anipenda, Ghislain Muhiwa u Melka Kamundu, li ma għamlux ħlief paċifikament eżerċitaw id-dritt garantit tagħhom ta' espressjoni;

17.  Jiddispjaċih mill-approċċ ferm indulġenti għall-kriżi fir-RDK tal-UE, tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tal-Unjoni Afrikana, li esprimew appoġġ għall-hekk imsejjaħ djalogu nazzjonali li hu strument li l-uniku għan tiegħu kien li jipposponi l-elezzjonijiet skedati b'mod kostituzzjonali; jiddispjaċih bl-istess mod li, minkejja r-ripressjoni mifruxa fuq mexxejja u attivisti tal-oppożizzjoni u ripressjoni fuq il-midja indipendenti, l-UE għada s'issa ma fetħitx konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

18.  Jitlob lill-UE tikkomunika b'mod ċar u mingħajr ambigwità li hi tqis il-fatt li l-President Kabila jibqa' fil-poter lil hinn mill-2016 bħala ksur gravi tal-Kostituzzjoni tal-Kongo u theddida għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-RDK;

19.  Jitlob lill-UE timponi sanzjonijiet immirati mingħajr dewmien fuq dawk responsabbli mir-ripressjoni, inkluż projbizzjoni tal-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, bil-ħsieb li tiġi evitata aktar vjolenza; ifakkar li l-Istati Uniti diġà rrikorrew għal tali miżuri;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-ACP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Avviż legali