Proċedura : 2016/2961(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1339/2016

Testi mressqa :

B8-1339/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2016 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 406kWORD 51k
7.12.2016
PE596.601v01-00
 
B8-1339/2016

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-1807/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali (2016/2961(RSP))


Marie-Christine Arnautu f'isem il-Grupp ENF

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali (2016/2961(RSP))  
B8-1339/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali (O-000128/2016 – B8-1807/2016),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar l-avjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għall-Avjazzjoni mressqa mill-Kummissjoni fis-7 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2016 li tawtorizza lill-Kummissjoni tibda negozjati dwar ftehimiet ta' sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni maċ-Ċina u l-Ġappun,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2016 li tawtorizza lill-Kummissjoni tibda negozjati dwar ftehimiet relatati mas-servizzi bl-ajru fil-livell tal-UE mal-ASEAN, it-Turkija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2016 li tawtorizza lill-Kummissjoni tibda negozjati dwar ftehimiet relatati mas-servizzi bl-ajru fil-livell tal-Unjoni mal-Armenja,

–  wara li kkunsidra t-tliet ftehimiet dwar l-avjazzjoni, imsejħa ftehimiet "Sema Miftuħ", iffirmati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Brażil, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sovranità tal-Istati fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom hija stabbilita mid-dritt internazzjonali skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' Chicago tal-1944;

B.  billi l-ftehim dwar it-trasport bl-ajru ffirmat f'April 2007 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerka, min-naħa l-oħra, huwa żbilanċjat u insodisfaċenti fir-rigward tal-interessi Ewropej, peress li r-regolamentazzjoni Amerikana żżomm il-projbizzjoni tal-kabotaġġ fl-ispazju tal-ajru tagħha u timponi restrizzjonijiet fuq l-investiment Ewropew fil-linji tal-ajru Amerikani;

C.  billi l-protokoll tal-24 ta' Ġunju 2010 li jemenda l-ftehim "Sema Miftuħ" ("Open Skies") iffirmat fl-2007 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ma ġab l-ebda progress sinifikanti fil-kwistjonijiet pendenti fil-qafas ta' dak il-ftehim;

D.  billi l-previżjonijiet tal-Kummissjoni kemm-il darba rriżultaw ottimisti żżejjed dwar il-benefiċċji ta' dan it-tip ta' ftehimiet dwar l-avjazzjoni;

E.  billi jeżisti riskju konkret li ċerti negozjati jwasslu għal ftehimiet żbilanċjati li jkunu sfavorevoli għat-trasportaturi tal-ajru Ewropej;

F.  billi bosta linji tal-ajru Ewropej u tal-Istati Uniti lmentaw mal-awtoritajiet pubbliċi rispettivi tagħhom dwar tgħawwiġ tal-kompetizzjoni minħabba l-għajnuna mill-Istat li bbenefikaw minnha ċerti linji tal-arju ta' pajjiżi terzi;

G.  billi, f'dawn l-aħħar snin, diversi linji tal-ajru minn pajjiżi terzi akkwistaw ishma fi ħdan linji tal-ajru Ewropej, u dan wassal għal ħafna diskussjoni u kontroversja fl-opinjoni pubblika;

H.  billi l-isfidi marbutin ma' dawn il-ftehimiet għandhom implikazzjonijiet għas-sikurezza, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizzi mogħtija lill-passiġġieri kif ukoll għall-futur tal-linji tal-ajru u tal-industrija tal-avjazzjoni Ewropej;

I.  billi r-riżultat tan-negozjati m'għandux iwassal għal tnaqqis fl-istandards, jew saħansitra l-abbandun tagħhom, li inevitabbilment ikollu konsegwenzi negattivi kemm fuq is-sikurezza u s-sigurtà kif ukoll mil-lat tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati fis-settur;

J.  billi s-segretezza li l-Kummissjoni qed iddawwar dawn in-negozjati biha, bħalma ġara fil-każ tas-CETA, it-TTIP u t-TiSA, iddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet li suppost jirrappreżentaw u jiddefendu l-interessi tagħhom;

K.  billi, fl-istadju tal-eżami tal-mistoqsija orali tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu dwar il-ftehimiet dwar l-avjazzjoni internazzjonali waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament tat-23 ta' Novembru 2016, it-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni ma ssodisfawx it-tħassib li esprimew diversi Membri tal-Parlament;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Kummissjoni jista' jkun li tixtieq tiftaħ aktar is-sema Ewropew għal linji tal-ajru minn pajjiżi terzi li għaddejjin minn espansjoni kbira, filwaqt li bosta linji tal-ajru Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet finanzjarji notevoli;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti rendikont eżawrjenti tal-ftehimiet "Sema Miftuħ" li daħlu fis-seħħ fil-qasam tal-avjazzjoni, filwaqt li tqis l-osservazzjonijiet kollha fformulati mill-partijiet interessati;

3.  Jiddeplora n-nuqqas ta' trasparenza min-naħa tal-Kummissjoni dwar in-negozjati li għaddejjin;

4.  Jesiġi, f'dan ir-rigward, li l-proċedura ta' konsultazzjoni ta' dokumenti kunfidenzjali tkun trasparenti għalkollox sabiex il-Membri Parlamentari jkunu jistgħu jiksbu aċċess għalihom faċilment u jistudjawhom f'kundizzjonijiet ta' xogħol tajbin;

5.  Jistenna li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat qabel u wara kull ċiklu ta' negozjati;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreċiża l-kontenut tal-klawżoli ta' kompetizzjoni li beħsiebha tintroduċi biex tiżgura kompetizzjoni ġusta u ugwali fost it-trasportaturi Ewropej u t-trasportaturi barranin, b'mod partikolari billi tingħata assigurazzjoni min-naħa tal-pajjiżi terzi dwar trasparenza ġenwina f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontijiet;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli dwar il-proprjetà u l-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru jkunu reċiproċi;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw pożizzjoni ferma waqt in-negozjati, b'mod partikolari billi jagħtu l-akbar attenzjoni lill-effetti negattivi li l-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru jistgħu jiġġeneraw fil-qasam soċjali, u, fejn xieraq, jawtorizzaw – fit-territorju rispettiv tagħhom – l-iffriżar, ir-restrizzjoni, jew saħansitra t-tneħħija tad-drittijiet tat-traffiku mogħtija lit-trasportaturi tal-ajru tal-pajjiżi terzi kkonċernati;

9.  Jesiġi li l-ftehimiet, ladarba jkunu konklużi, ma jiġux applikati b'mod provviżorju mingħajr l-approvazzjoni tal-Istati Membri;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali