Proċedura : 2016/3029(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1343/2016

Testi mressqa :

B8-1343/2016

Dibattiti :

PV 14/12/2016 - 23
CRE 14/12/2016 - 23

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 497kWORD 51k
9.12.2016
PE596.612v01-00
 
B8-1343/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-appoġġ għall-vittmi tat-thalidomide (2016/3029(RSP))


Matteo Salvini, Mara Bizzotto, Mario Borghezio, Angelo Ciocca, Lorenzo Fontana f'isem il-Grupp ENF

B8-xxxx/2016 Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-appoġġ għall-vittmi tat-thalidomide (2016/3029(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

 

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 3, 26 u 35 tagħha,

 

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni E-009231/2014, E-000540-15, E-006141-15, E-010259-15 u E-005523-16 dwar is-sitwazzjoni tal-vittmi tat-thalidomide,

 

–  wara li kkunsidra l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni B8-0006/2014, B8-0257/2014 u B8-0090/2015 dwar is-sitwazzjoni tal-vittmi tat-thalidomide,

 

–  wara li kkunsidra d-Digriet Irjali Spanjol 1006 tal-5 ta' Awwissu 2010, li jistabbilixxi l-prinċipji ta' kumpens u appoġġ solidali għall-vittmi tat-thalidomide fi Spanja fil-perjodu 1960-1965,

 

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-appoġġ għall-vittmi tat-thalidomide,

 

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.billi, wara li t-thalidomide, prodott mediċinali antiemetiku maħsub anke għan-nisa tqal, tqiegħed fis-suq Ewropew min-naħa tal-kumpanija farmaċewtika Ġermaniża Chemie Grünenthal fl-1957, twieldu mill-inqas 20 000 tifel u tifla b'deformazzjonijiet fiżiċi gravi;

 

B.billi dak tat-thalidomide jirrappreżenta l-aktar diżastru kollettiv gravi li qatt ġie kkawżat minn prodott mediċinali;

 

C.billi fl-Ewropa hemm aktar minn 4 000 superstiti tat-thalidomide, li minnhom: 2 800 fil-Ġermanja, 450 fl-Italja, 400 fir-Renju Unit, 400 fi Spanja, 103 fl-Iżvezja u madwar 90 fl-Awstrija;

 

D.billi l-konklużjonijiet tal-istudju tal-Università ta' Heidelberg "Thalidomide: Enquiries to be carried out repeatedly with regard to problems,specific needs and support deficits of thalidomide victims – Summarising report of the first survey results and derivation of first action recommendations" (It-thalidomide. Stħarriġ li għandu jsir ripetutament dwar il-problemi, il-ħtiġijiet speċifiċi u d-defiċjenzi tas-sostenn tal-vittmi tat-thalidomide. Rapport sommarju tal-ewwel riżultati tal-istħarriġ u l-ewwel rakkomandazzjonijiet għall-azzjoni) tal-2012(1) u tal-istudju tad-ditta ta' konsulenza Firefly Research "Health, Quality of Life and Employment amongst Thalidomide-affected People – Evidence from the UK" (Is-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u l-impjiegi fost il-persuni milquta mit-thalidomide – evidenza mir-Renju Unit) tal-2015(2), jixħtu dawl ċar fuq il-problemi fiżiċi u psikoloġiċi dejjem akbar li, aktar ma jgħaddi żmien, iħabbtu wiċċhom magħhom il-vittmi tat-thalidomide, u dwar il-bżonnijiet mediċi, finanzjarji u soċjali speċifiċi tagħhom bħala konsegwenza ta' dan;

 

E. billi l-inkjesta indipendenti li saret fl-2014 mid-ditta legali internazzjonali Ince & Co. ħarġet fil-beraħ b'mod ċar l-irregolaritajiet li seħħew fl-1970 matul il-proċedimenti kriminali kontra l-kumpanija farmaċewtika Grünenthal, li kkompromettew l-iżvolġiment korrett tal-kawża u ċaħħdu lill-vittmi mill-possibbiltà li jiksbu kumpens ġust fil-qrati ċivili;

 

F. billi l-inkjesti indipendenti tad-ditta legali internazzjonali Ince & Co. xeħtu dawl ukoll fuq il-fatt li l-kumpanija ħbiet kolpevolment mill-pubbliku l-effetti kollaterali ta' dan il-prodott mediċinali fuq in-nisa tqal u fuq in-nuqqasijiet f'termini ta' farmakoviġilanza min-naħa tal-Istati li qegħduh fis-suq tagħhom;

 

G.billi, fis-27 ta' Mejju 2015, għadd ta' Membri tal-Parlament Ewropew mill-gruppi politiċi kollha organizzaw konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament Ewropew li fiha tennew, b'mod trażversali, ir-rieda politika u l-impenn li tingħata garanzija li l-vittmi tat-thalidomide jingħataw aċċess għal fondi u riżorsi adegwati biex jaffrontaw il-bżonnijiet dejjem akbar li għandhom rigward saħħithom(3);

 

H. billi, matul id-dibattitu li sar fis-seduta tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2016, il-Kummissarju Andriukaitis saħaq fermament fuq l-importanza li s-superstiti tat-thalidomide jingħataw appoġġ finanzjarju biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ispejjeż mediċi dejjem ogħla tagħhom, filwaqt li rrikonoxxa l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni xierqa għas-superstiti kollha, biex jiġi żgurat li titħares il-kwalità ta' ħajjithom;

 

I.billi, wara kważi sittin sena, is-superstiti għadhom qed ifittxu ġustizzja u soluzzjoni kumpensatorja li tippermettilhom iħallsu għall-kura meħtieġa u għalja marbuta mal-kundizzjoni fiżika tagħhom;

 

J.billi l-assoċjazzjonijiet tal-vittmi tat-thalidomide kellhom rwol fundamentali fil-kundanna ta' din it-traġedja kolpevoli u fid-difiża tad-drittijiet tal-vittmi tagħha;

 

1.Isostni li huwa indispensabbli li t-talbiet tas-superstiti tat-thalidomide fl-Ewropa jiġu rikonoxxuti, b'tali mod li jkunulhom garantiti awtonomija, aċċess għall-kura medika u kwalità tal-ħajja xierqa;

 

2.Jitlob lill-Kummissjoni tikkonkretizza l-impenji meħuda mill-Kummissarju Andriukaitis matul is-seduta plenarja tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2016 billi tfassal programm ta' assistenza li jikkomplementa l-azzjoni tal-Istati Membri biex tingħata għajnuna finanzjarja lill-vittmi tat-thalidomide u lill-familji tagħhom;

 

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

http://www.fiftyyearfight.org/images/Heidelberg_study_ENGLISH.pdf

(2)

http://www.thalidomidetrust.org/wp-content/uploads/2014/01/Firefly-report-March-2015.pdf

 

(3)

http://www.fiftyyearfight.org/latest/europe-speaks-loudly-with-one-voice:-press-conference

Avviż legali