Proċedura : 2017/2593(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0243/2017

Testi mressqa :

B8-0243/2017

Dibattiti :

PV 05/04/2017 - 6
CRE 05/04/2017 - 6

Votazzjonijiet :

PV 05/04/2017 - 7.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 570kWORD 51k
31.3.2017
PE598.584v01-00
 
B8-0243/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea (2017/2593(RSP))


David Coburn, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea (2017/2593(RSP))  
B8-0243/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3(5), 4(3) u 8 tat-TUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 217 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra n-notifika mogħtija mill-Prim Ministru tar-Renju Unit lill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' Marzu 2017 skont l-Artikolu 50(2) tat-TUE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar id-deċiżjoni ta' ħruġ mill-UE bħala konsegwenza tar-referendum fir-Renju Unit(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fit-23 ta' Ġunju 2016, 51,8 % tal-votanti tar-Renju Unit (17,4 miljun ruħ) ivvutaw li jitilqu mill-Unjoni Ewropea; jinnota li l-ammont ta' votanti għal dan ir-referendum kien akbar minn dak tal-aħħar elezzjoni ġenerali;

B.  billi n-notifika mill-Gvern tar-Renju Unit lill-Kunsill Ewropew tibda l-proċess irrevokabbli li permezz tiegħu r-Renju Unit mhuwiex se jibqa' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għalih;

C.  billi l-ħruġ irid isir b'mod ordinat;

D.  billi huwa d-dritt sovran ta' Stat Membru li joħroġ mill-Unjoni Ewropea;

E.  billi r-Renju Unit, fin-notifika tiegħu tad-29 ta' Marzu 2017, iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jkun barra l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

F.  billi l-Gvern tar-Renju Unit fl-istess notifika indika li r-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni Ewropea mhuma se jkunu qed jinkludu la sħubija fis-suq intern u lanqas sħubija fl-unjoni doganali;

G.  billi Greenland ħarġet mill-Komunità Ekonomika Ewropea fl-1985 u l-Alġerija fl-1962;

H.  billi parti kbira mir-reħba tal-kampanja "Leave" kienet dovuta għal kwistjonijiet dwar il-kontroll tal-immigrazzjoni, l-għoti lura tal-poteri u t-tmiem tal-kontribuzzjonijiet baġitarji lill-Unjoni Ewropea;

It-tmexxija tan-negozjati

1.  Jirrispetta r-rieda demokratika tal-poplu Brittaniku li vvota li jitlaq mill-Unjoni Ewropea u jieħu lura l-kontroll ta' pajjiżu;

2.  Jilqa' n-notifika tal-Gvern tar-Renju Unit lill-Kunsill Ewropew li tifformalizza d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea;

3.  Jitlob li n-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, kif provdut fl-Artikolu 50(2) tat-TUE, jibdew mill-aktar fis possibbli u b'mod amikevoli;

4.  Jinnota li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma obbligati li:

a) jiżviluppaw "relazzjoni privileġġjata mal-pajjiżi ġirien" li sserraħ "fuq il-koperazzjoni" skont l-Artikolu 8 tat-TUE;

b) progressivament jabolixxu r-"restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali" skont l-Artikolu 21(2)(e) tat-TUE;

c) jassistu lill-Istati Membri "skont il-prinċipju tal-koperazzjoni leali […] f'rispett reċiproku sħiħ […] fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati", f'konformità mal-Artikolu 4(3) tat-TUE, li għalhekk irid jinkludi l-proċess tal-Artikolu 50 innifsu;

d) jipprojbixxu "kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri […] u pajjiżi terzi" skont l-Artikolu 63(1) tat-TFUE;

5.  Jindika li huwa fl-interessi tal-partijiet kollha li n-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE jitwettqu f'konformità mal-istat tad-dritt, bl-inqas tfixkil ekonomiku, kemm waqt in-negozjati kif ukoll wara;

6.  Jemmen li, skont dan ta' hawn fuq u f'konformità miegħu, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u r-Renju Unit għandhom id-dmir li jidħlu fin-negozjati bona fide;

Prijoritajiet tematiċi

Il-moviment liberu

7.  Jinnota li l-moviment liberu tal-persuni kkontribwixxa għal kompressjoni tal-pagi, pressjoni mhux sostenibbli fuq is-servizzi pubbliċi u l-akkomodazzjoni, faċilitazzjoni tal-kriminalità transfruntiera u sitwazzjoni tas-sigurtà aggravata kemm fir-Renju Unit kif ukoll fl-Ewropa;

8.  Iqis li kwalunkwe ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit ma jridx jinkludi l-kontinwazzjoni tal-moviment liberu tal-persuni; iqis li l-kontinwazzjoni tal-moviment liberu tal-persuni jkun tradiment tar-rieda tal-poplu Brittaniku;

Id-drittijiet reċiproċi

9.   Jinnota li huwa stmat li madwar 2,9 miljun ċittadin tal-UE jirrisjedu fir-Renju Unit u madwar 1,2 miljun ċittadin tar-Renju Unit jirrisjedu fi Stat Membru ieħor;

10.  Jemmen, għalhekk, li għandha tiġi riżolta malajr il-kwistjoni tad-drittijiet reċiproċi ta' residenza kemm jista' jkun kmieni biex dawn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jserrħu moħħhom u ma jinħolqux tfixkil jew diffikultà bla bżonn; jenfasizza li din il-kwistjoni ma tridx issir pedina ewlenija fin-negozjati;

11.  Jenfasizza li ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu rrisjedew legalment fi Stat Membru ieħor għal ħames snin jew aktar huma intitolati għal status ta' residenti għat-tul kif deskritt fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE;

Il-baġit

12.  Jissottolinja li r-Renju Unit jikkontribwixxi għall-baġit tal-UE aktar milli jirċievi lura; jinnota li d-daqs tal-baġit attwali tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali (QFP) fi prezzijiet kurrenti huwa ta' iktar minn EUR 1 triljun; jirrimarka li rapport tal-2015 tal-Qorti tal-Awdituri stima rata ta' żball ta' 3,8 %;

13.  Jissottolinja li, skont ir-Regolament dwar il-QFP, il-Kummissjoni jeħtiġilha, sa tmiem l-2017, tressaq il-proposti tagħha għall-QFP ta' wara l-2020, li għandhom iqisu d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE; jenfasizza li din il-proposta futura tal-QFP m'għandhiex tinkludi l-kontribuzzjoni tar-Renju Unit u m'għandha timplika l-ebda obbligu ġuridiku fuq ir-Renju Unit dwar l-obbligazzjonijiet tiegħu;

14.  Jenfasizza, barra minn hekk, li jekk it-Trattati ma jibqgħux japplikaw, kif iddikjarat fl-Artikolu 50(3) tat-TUE, jirriżulta li l-liġijiet li jkunu saru skont dawk it-Trattati, inkluż ir-Regolament dwar il-QFP, u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), iridu wkoll jieqfu japplikaw; jissottolinja, għalhekk, li ladarba r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni, ma jista' jkun hemm l-ebda obbligu ġuridiku fuq ir-Renju Unit biex jissokta l-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-QFP preżenti jew futur;

15.  Iqis li d-diversi suġġerimenti għal soluzzjonijiet finanzjarji, inkluża n-nota dwar l-obbligazzjonijiet għall-Kumitat għall-Baġits, jidhru mfassla biex ikabbru dawn iċ-ċifri b'tali mod li joħolqu pedina ineżistenti fin-negozjati; jiċħad, għaldaqstant, il-kunċett ta' xi "kont tad-divorzju mill-UE" jew soluzzjoni finanzjarja oħra, li ġie diskuss b'mod estensiv fl-istampa;

16.  Jenfasizza li jekk ir-Renju Unit jixtieq jibqa' parti minn kwalunkwe programm tal-UE, din hija deċiżjoni tal-gvern tal-ġurnata u kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja għandha tiġi deċiża fuq bażi ta' każ b'każ u applikata bl-istess mod bħal negozjati ma' pajjiżi terzi; jinnota, pereżempju, li Iżrael għandu aċċess għall-programmi tal-UE bħala pajjiż terz mingħajr ma hu kontributur għall-QFP;

Il-kummerċ u s-suq uniku

17.  Jenfasizza li matul il-kampanja tar-referendum tar-Renju Unit, il-Prim Ministru tar-Renju, il-Ministru tal-Finanzi (Chancellor of the Exchequer) u attivisti prominenti tal-kampanja "Leave" għamluha ċara li t-tluq mill-Unjoni Ewropea jfisser tluq mis-suq uniku;

18.  Jenfasizza li pajjiż ma għandux għalfejn ikun membru tal-UE u lanqas ma għandu jkollu xi ftehim kummerċjali mal-UE sabiex ikollu "aċċess" għas-suq uniku tal-UE; jirrimarka li fl-2015 iċ-Ċina, l-Istati Uniti, ir-Russja, il-Ġappun, l-Indja u l-Brażil esportaw merkanzija għal valur ta' madwar EUR 864 biljun lejn l-UE; jinnota li l-ebda wieħed minn dawn il-pajjiżi m'għandu "libertà ta' moviment" mal-Unjoni u lanqas ftehim kummerċjali magħha;

19.  Jenfasizza li l-Artikolu 50(2) tat-TUE jiddikjara li "l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma' dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni"; jemmen, għalhekk, li peress li l-kummerċ se jkun parti kruċjali ta' dik ir-relazzjoni futura, għall-iskopijiet prattiċi kollha jrid ikun hemm qbil dwar arranġament kummerċjali bħala parti min-negozjati;

20.  Jilqa' l-fatt li r-Renju Unit qed jerġa' jsemma' leħnu u jafferma mill-ġdid id-drittijiet kollha tiegħu fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

21.  Jilqa' l-fatt li r-Renju Unit qed jerġa' jikseb lura d-drittijiet kollha tiegħu biex jinnegozja fehimiet kummerċjali u jsegwi l-politika kummerċjali u barranija tiegħu stess;

22.  Jinnota li r-Renju Unit għandu defiċit kummerċjali mal-Unjoni Ewropea; jinnota li s-suq tar-Renju Unit huwa l-akbar importatur ta' merkanzija tal-UE; jappella, għalhekk, għal ftehim ta' kummerċ ħieles li jkun sensibbli u rapidu bejn l-UE u r-Renju Unit;

23.  Jemmen li ma hemm l-ebda ostaklu sabiex ir-Renju Unit jibda negozjati kummerċjali ma' pajjiżi terzi u li bħala kwistjoni ta' liġi dawk in-negozjati jistgħu jiġu konklużi bi ftehim, dment li dan ikun sottopost għall-kundizzjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

Dispożizzjonijiet finali

24.  Jenfasizza li n-negozjati jridu jġibu fit-tmiem il-ġurisdizzjoni tal-QtĠ-UE fir-Renju Unit;

25.   Jikkunsidra li soluzzjoni finali dwar id-drittijiet tas-sajd se tkun aċċettabbli biss jekk ikun hemm ripatrijazzjoni sħiħa tal-politika tas-sajd lejn ir-Renju Unit; jenfasizza li l-UE jeħtiġilha tippermetti lir-Renju Unit jasserixxi d-drittijiet tiegħu għalkollox indipendenti għall-ġestjoni u l-konservazzjoni tal-ilmijiet tiegħu u taż-żona ekonomika esklużiva tiegħu kif deskritt fil-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar;

26.   Jinnota li hemm tħassib ġenwin fost iċ-ċittadini tal-Irlanda ta' Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda rigward il-possibbiltà li tittella' fruntiera fiżika; jenfasizza, madankollu, li ż-Żona Komuni għall-Ivjaġġar ma tiddependix mis-sħubija fl-UE;

27.   Jinnota li hemm tħassib ġenwin fost iċ-ċittadini ta' Ġibiltà rigward il-fruntiera bejn Ġibiltà u Spanja; jenfasizza, għalhekk, li dawn in-negozjati dwar il-ħruġ ma jridux jintużaw bħala mandat biex jitqajjem dubju dwar is-sovranità ta' Ġibiltà u biex jintroduċu xi ostaklu tul il-fruntiera bejn Ġibiltà u Spanja;

28.  Jemmen li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE għandu mnejn jinkoraġġixxi lil nazzjonijiet oħra biex joħorġu huma wkoll; jirrikonoxxi li t-tluq mill-UE għandu potenzjal ekonomiku u demokratiku kbir;

o

o    o

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0294.

Avviż legali