Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0272/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0272/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI on the situation in Venezuela

20.4.2017 - (2017/2651(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ernest Urtasun f'isem il-Grupp Verts/ALE

Proċedura : 2017/2651(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0272/2017
Testi mressqa :
B8-0272/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0272/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

(2017/2651(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-aħħar Dikjarazzjoni tal-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar l-avvenimenti li seħħew fil-Venezwela fit-30 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-30 ta' Marzu 2017, il-Qorti Suprema tal-Venezwela ddeċidiet, fid-deċiżjonijiet tagħha 155 u 156, tieħu f'idejha l-kompetenzi tal-Assemblea Nazzjonali u tillimita l-immunità tal-membri tal-Assemblea, li huwa ġġustifikat bħala mezz li jiġi ppreżervat il-bilanċ bejn il-ħames setgħat tal-Istat tal-Venezwela;

B.  billi fil-31 ta' Marzu 2017, il-Kunsill għad-Difiża Nazzjonali talab b'suċċess lill-Qorti Suprema tal-Venezwela biex tirrevedi dawn id-deċiżjonijiet u terġa tagħti lura l-kompetenzi u d-drittijiet kostituzzjonali tal-Assemblea;

C.  billi żdiedet il-vjolenza fit-toroq tal-Venezwela, bi skontri li faqqgħu f'manifestazzjonijiet favur il-gvern u l-oppożizzjoni li wasslu biex jindarbu n-nies;

D.  billi d-dinamika ta' konfrontazzjoni permanenti miż-żewġ naħat ma tippermettix soluzzjoni li tistabbilizza li hija demokratikament leġitimizzata mill-pajjiż;

1.  Huwa ferm kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti Suprema tal-Venezwela fit-30 ta' Marzu 2017 u jappoġġja r-reviżjoni tagħhom, skont l-impenn meħud l-għada mill-Kunsill tad-Difiża Nazzjonali; jistieden lill-Assemblea Nazzjonali terġa' tikseb u teżerċita bis-sħiħ id-drittijiet kostituzzjonali u l-kompetenzi kollha tagħha;

2.  Jistieden lill-partijiet kollha biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv sabiex ikun jista' jerġa' jkun hemm funzjonament normali u bilanċ tas-setgħat tal-istituzzjonijiet Kostituzzjonali; jistieden lill-Assemblea Nazzjonali issib soluzzjoni għat-tliet membri eletti kkontestati tal-Assemblea;

3.  Iħeġġeġ il-promozzjoni u l-istabbiliment ta' djalogu nazzjonali bil-mezzi paċifiċi kollha, inkluż bl-involviment tal-forzi kollha rilevanti, sabiex tinstab soluzzjoni konsenswali għall-interessi konfliġġenti fil-Venezwela u biex issolvi kwalunkwe tilwim bejn id-diversi fergħat tas-setgħa pubblika fi spirtu ta' fiduċja;

4.  Jistieden lill-atturi kollha ġewwa u barra l-pajjiż, biex josservaw prudenza u paċenzja u joqogħdu lura minn kwalunkwe att jew sejħa ta' vjolenza, li tkompli tiddestabbilizza u finalment twaqqaf ħesrem il-pajjiż;

5.  Jistieden lill-atturi politiċi barra l-Venezwela sabiex jevitaw li jużaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż għal skopijiet politiċi nazzjonali;

6.  Huwa tal-fehma li l-istabbiltà politika u soċjali tal-Venezwela hija fattur deċiżiv għas-salvagwarda tal-paċi fir-reġjun kollu;

7.  Huwa konvint li l-medjazzjoni paċifika internazzjonali hija l-unika triq kostruttiva 'il quddiem; jappoġġja bis-sħiħ, f'dan ir-rigward, l-inizjattiva meħuda minn żewġ ex Presidenti tar-Repubblika Dominikana u tal-Panama, Leonel Fernández u Martín Torrijos, u l-ex Prim Ministru ta' Spanja, José Luis Rodríguez Zapatero, kif ukoll mill-Papa Franġisku, bi qbil mal-UNASUR;

8.  Jappoġġa l-isforzi tal-VP/RGħ Federica Mogherini, li talbet eżitu paċifiku għas-sitwazzjoni diffiċli attwali u sabiex jerġa' jkun hemm stabbiltà politika, filwaqt li jħeġġeġ rispett sħiħ lejn il-Kostituzzjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-Venezwela u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana.