Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0277/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0277/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

24.4.2017 - (2017/2651(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Javier Couso Permuy, João Ferreira, João Pimenta Lopes, Miguel Viegas, Eleonora Forenza, Neoklis Sylikiotis, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Ángela Vallina, Nikolaos Chountis f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2017/2651(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0277/2017
Testi mressqa :
B8-0277/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0277/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

(2017/2651(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1(2) tal-Kapitolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1945, li jelenka bħala wieħed mill-iskopijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dak li jkun żviluppati relazzjonijiet ta' ħbiberija fost in-nazzjonijiet fuq il-bażi tar-rispett tal-prinċipju tal-ugwaljanza tad-drittijiet u tal-awtodeterminazzjoni tal-popli, u li jittieħdu miżuri xierqa oħra biex tissaħħaħ il-paċi universali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), li t-tnejn li huma jiddikjaraw li l-popli kollha għandhom id-dritt għall-awtodeterminazzjoni u li bis-saħħa ta' dak id-dritt, huma jiddeterminaw liberament l-istatus politiku tagħhom u jsegwu liberament l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u l-Karibew (CELAC) u l-UE tas-27 ta' Jannar 2013, li fiha l-firmatarji tennew mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn il-finijiet u l-prinċipji kollha mnaqqxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-appoġġ tagħhom għall-isforzi kollha biex titħares l-ugwaljanza sovrana tal-Istati kollha u biex jiġu rispettati l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni tal-Amerika Latina u tal-Karibew bħala żona ta' paċi, li ġie maqbul fis-Summits CELAC preċedenti,

–  wara li kkunsidra l-prinċipju tan-nonintervent stabbilita fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tal-1961,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela tal-Mercosur, tal-Unasur u tas-CELAC, partikolarment dawk li jirrespinġu l-miżuri unilaterali koerċittivi kontra r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-11-il riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazjoni tas-6 ta' April 2017 tal-Ammirall Kurt Tidd, Kap tal-United States Southern Command (Kmand tan-Nofsinhar tal-Istati Uniti),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ripetutament iddeplora l-indħil estern, il-kampanji ta' destabbilizzazzjoni u diżinformazzjoni fil-pajjiż, il-manipulazzjoni tal-opinjoni pubblika u l-vjolenza promossa minn ċerti setturi tal-oppożizzjoni kontra s-sovranità, l-indipendenza, il-paċi u l-istabbiltà demokratika tal-pajjiż kif ukoll kontra l-poplu Venezwelan;

B.  billi r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela qiegħda tħabbat wiċċha ma' theddid estern u intern għas-sovranità u għall-paċi tagħha f'mument meta l-pajjiż qiegħed ukoll jaffronta gwerra ekonomika straordinarja, li f'dawn l-aħħar xhur ħraxet, bħala konsegwenza taż-żieda fil-prezzijiet, tal-kuntrabandu tal-oġġetti u tal-attivitajiet ta' akkumulazzjoni; billi din is-sitwazzjoni straordinarja kkawżat problemi soċjali, ekonomiċi, politiċi, naturalistiċi u ambjentali;

C.  billi f'Diċembru 2014 il-President tal-Istati Uniti ta' dak iż-żmien, Barack Obama, ħabbar abbozz, li ġie adottat mis-Senat tal-Istati Uniti, li jimponi sanzjonijiet unilaterali u extraterritorjali kontra l-poplu u l-Gvern tal-Venezwela sal-2019; billi t-33 nazzjon tal-Amerika Latina u tal-Karibew ilkoll kkundannaw u rrespinġu dawn is-sanzjonijiet unilaterali imposti mill-Istati Uniti fuq il-Venezwela, u billi l-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-UE ħadu nota, fid-Dikjarazzjoni ta' Brussell tat-tieni Summit UE-CELAC, tar-respinġiment min-naħa tas-CELAC tas-sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti fil-konfront tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela; billi l-Gvern tal-Venezwela rreaġixxa għas-sanzjonijiet billi ħabbar sensiela ta' provvedimenti previsti mill-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi;

D.  billi fid-9 ta' Marzu 2015, il-President tal-Istati Uniti ta' dak iż-żmien, Barack Obama, iffirma digriet li jiddikjara lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela theddida insolita u straordinarja għas-sigurtà nazzjonali u għall-politika estera tal-Istati Uniti; billi d-digriet jippermetti lill-Istati Uniti jużaw riżorsi ta' emerġenza nazzjonali biex tkun indirizzata t-theddida, bħall-infurzar ta' sanzjonijiet fil-konfront tal-pajjiż;

E.  billi d-dikjarazzjoni tas-6 ta' April 2017 tal-Ammirall Kurt Tidd, Kap tal-Kmand tan-Nofsinhar tal-Istati Uniti, ġiet interpretata bħala att ta' aggressjoni kontra l-Venezwela kuntrarju għat-teorija tas-sigurtà kollettiva tar-reġjun; billi d-dikjarazzjoni kienet immirata li toħloq inċertezza u instabbiltà fil-pajjiż u tagħmel parti mill-istrateġija ta' intervent fir-reġjun kontra l-gvernijiet progressisti;

F.  billi wieħed mill-komponenti tad-destabbilizzazzjoni għaddejja tal-Venezwela kien, u jibqa' jkun, il-finanzjament ta' miljuni kbar ta' dollari tal-organizzazzjonijiet u tal-partiti politiċi antigovernattivi, li ilu għaddej għal aktar minn 12-il sena min-naħa tal-aġenziji tal-Istati Uniti bħall-USAID u l-Fondazzjoni Nazzjonali għad-Demokrazija; billi l-President Obama awtorizza fond speċjali ta' USD 5,5 miljuni biex jiffinanzja l-gruppi antigovernattivi fil-Venezwela permezz tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istat Uniti;

G.  billi l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) u, b'mod partikolari, is-Segretarju Ġenerali tagħha, ippruvaw ripetutament jintervjenu fis-sitwazzjoni interna fil-Venezwela u jilleġittimaw b'kull mezz l-attivazzjoni tal-Karta Demokratika Inter-Amerikana, li tipprevedi l-possibbiltà ta' intervent estern fil-pajjiż;

H.  billi l-azzjoni tal-OAS tmur kontra d-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni kif ukoll li jiddeċiedu liberament l-istatus politiku tagħhom u jsegwu liberament l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom; billi aktar reċentement l-OAS ħadet deċiżjonijiet illeġittimi fil-konfront tal-Venezwela f'sessjoni illeċita li saret mingħajr ir-rieda tal-Bolivja u ta' Haiti, li r-rappreżentanti rispettivi tagħhom attwalment huma l-President u l-Viċi President tal-OAS;

I.  billi lill-Venezwela kinilha impedit li tassumi l-presidenza pro tempore tal-Mercosur, bil-għan li l-pajjiż ikun iżolat u mkeċċi minn din l-organizzazzjoni; josserva li bħalissa għaddejjin negozjati bejn l-UE u l-Mercosur dwar il-konklużjoni ta' ftehim ta' kummerċ ħieles;

J.  billi l-UE għamlet diversi dikjarazzjonijiet immirati li tindaħal fis-sitwazzjoni interna fil-Venezwela u li tikkundizzjonaha;

K.  billi s-sitwazzjoni fil-Venezwela hija rrapportata minn prospettiva unilaterali mill-gruppi medjatiċi internazzjonali l-kbar; billi l-informazzjoni qiegħda tiġi manipulata u qegħdin jinxterdu xnigħat u aħbarijiet foloz dwar il-Venezwela bl-uniku skop li jiġi ġustifikat intervent fil-pajjiż;

L.  billi l-"Comité de Víctimas de la Guarimba y el Golpe Continuado (Kumitat tal-Vittmi tal-Guarimba u tal-Kolp ta' Stat Kontinwu), li hu magħmul mill-vittmi tal-vjolenza u qrabathom, appella lill-komunità internazzjonali biex tastjeni mill-istrumentalizzazzjoni politika tad-drittijiet tal-bniedem u biex ma tikkooperax mal-atturi politiċi Venezwelani li qed jippruvaw isikktu jew jimmanipulaw l-azzjonijiet ta' vjolenza u mibegħda li l-Venezwela ġarrbet sa minn Frar 2014; billi l-qraba tal-vittmi talbu biex dawk responsabbli jiġu mħarrka u appellaw biex tintemm l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kommessi fil-pajjiż;

M.  billi fl-aħħar 15-il sena fil-Venezwela saru 20 elezzjoni; billi l-oppożizzjoni rebħet l-aħħar elezzjonijiet parlamentari, bid-dimostrazzjoni tal-falsità tal-argument skont liema d-demokrazija hija ineżistenti fil-Venezwela; billi, minkejja li saru elezzjonijiet demokratiċi, parti mill-oppożizzjoni għadha tirrifjuta li tirrikonoxxi l-leġittimità tal-gvern; billi fl-aħħar elezzjonijiet l-oppożizzjoni rrikonoxxiet opportunistikament ir-riżultati u appellat għar-rispett tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, li minn dejjem kienet kontriha;

N.  billi mill-aħħar elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali, ċerti setturi tal-oppożizzjoni żvolġew rwol fid-destabbilizzazzjoni tal-pajjiż, u rrikorrew għall-poter leġiżlattiv għad-dispożizzjoni tagħhom għall-finijiet proprji; billi fi Frar 2016, maġġoranza fl-Assemblea Nazzjonali approva l-Liġi dwar l-Amnestija, liġi inkostituzzjonali mmirata lejn il-ħelsien tal-individwi responwsabbli minn delitti kontra l-poplu Venezwelan u l-gvern leġittimu tal-pajjiż, pereżempju dawk responsabbli mill-qtil ta' 43 persuni komuni matul il-Guarimbas;

O.  billi fid-9 ta' Jannar 2017 l-Assemblea Nazzjonali ħadet deċiżjoni inkostituzzjonali mressqa mill-oppożizzjoni parlamentari bil-għan li tiddeleġittimizza lill-President Nicolás Maduro u lill-gvern tiegħu;

P.  billi f'Mejju 2016, fuq it-talba u l-inizjattiva tal-President Nicolás Maduro, kumitat tal-Unasur ippromwova sforzi maħsuba għall-promozzjoni ta' djalogu bejn il-Gvern tal-Venezwela u l-oppożizzjoni sabiex jindirizzaw kwistjonijiet fundamentali għan-nazzjon; billi fit-tim li qiegħed jaħdem fuq l-aġenda tad-djalogu hemm l-ex Prim Ministru ta' Spanja, José Luis Rodríguez Zapatero, l-ex President tal-Panama, Martín Torrijos, l-ex President tar-Repubblika Dominicana, Leonel Fernández, u rappreżentant speċjali tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku; billi f'dan il-kuntest in-NU ħeġġew l-inizjattivi li għaddejjin mill-ex Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern intiżi li jippromwovu d-djalogu bejn il-Gvern tal-Venezwela u l-oppożizzjoni, taħt l-awspiċji tal-Unasur;

Q.  billi r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ġiet eletta b'appoġġ wiesa' bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; billi l-Venezwela aċċettat 97 % tar-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-2011; billi 80 % tar-rakkomandazzjonijiet kienu direttament applikabbli u l-Istat Venezwelan impenja ruħu li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet l-oħrajn aċċettati; billi l-Venezwela ġiet ukoll eletta f'Ottubru 2014 bħala waħda mill-ħames siġġijiet li jalternaw fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-perjodu 2015-2016, b'181 vot favur minn 193 membru tan-NU; billi fis-6 u s-7 ta' Novembru 2014, l-Istat Venezwelan deher quddiem il-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura, li skrutinizza l-konformità tal-Istat mal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti;

R.  billi l-Venezwela ospitat, f'Settembru 2016, is-17-il Summit tal-Moviment Mhux Allinjat, u billi l-pajjiż assuma l-presidenza b'rotazzjoni tiegħu;

S.  billi l-Venezwela hi l-ħames l-akbar pajjiż esportatur taż-żejt fid-dinja, u għandha l-akbar riżervi aċċertati ta' żejt fid-dinja; billi, skont l-abbozz ta' baġit għall-2015, 38 % tan-nefqa pubblika se tkun iffokata fuq l-investiment soċjali, fosthom fl-oqsma tal-edukazzjoni, id-djar u l-iżvilupp urban, il-kura tas-saħħa, is-sigurtà soċjali, il-kultura, il-komunikazzjoni u x-xjenza u t-teknoloġija, li jammontaw għal 8,2 % tal-PDG tal-Venezwela;

T.  billi bejn l-2006 u l-2013 il-Venezwela telgħet 13-il post, sal-71 post minn 187, fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-NU; billi f'dawn l-aħħar għaxar snin, il-Gvern tal-Venezwela żied in-nefqa soċjali b'aktar minn 60,6 %; billi l-Venezwela issa hija l-pajjiż bl-aktar rata baxxa ta' inugwaljanzi fir-reġjun;

U.  billi skont il-Kummissjoni Ekonomika għall-Amerika Latina u l-Karibew (ECLAC), il-Venezwela naqqset b'mod sinifikanti r-rata ta' faqar tagħha u żiedet l-istennija tal-għomor; billi l-livell ta' faqar estrem niżel għal livell rekord ta' 5,4 % fl-2015, meta mqabbel ma' 21 % fl-1998; billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU ferħet lill-Gvern tal-Venezwela talli naqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta' persuni li jbatu minn malnutrizzjoni, għaldaqstant f'konformità ma' wieħed mill-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-NU;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-indħil estern permanenti u l-miżuri ta' destabbilizzazzjoni politika, ekonomika u soċjali meħudin kontra r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela;

2.  Jenfasizza li l-persistenza fl-applikazzjoni ta' strateġija ta' intervent fil-konfront tas-sovranità tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma hija bl-ebda mod tgħin fil-ħolqien ta' spazji għal djalogu u paċi;

3.  Jafferma mill-ġdid id-dritt tal-poplu Venezwelan li jiddeċiedi b'mod sovran u paċifiku dwar il-pjan tal-iżvilupp tiegħu, mingħajr l-ebda ndħil jew pressjoni esterni;

4.  Ifakkar fir-rispett sħiħ tiegħu lejn il-prinċipju ta' nonintervent fil-kwistjonijiet interni tal-Istati skont id-dritt internazzjonali;

5.  Jiddenunzja l-akkużi dwar "allegata kriżi umanitarja" fil-Venezwela, li huma maħsuba biex iżidu l-indħil estern u jsaħħu kampanja favur intervent fil-pajjiż;

6.  Jiddeplora bil-qawwa kull indħil estern mill-Istati Uniti, mill-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), mill-UE jew minn kwalunkwe pajjiż ieħor fl-affarijiet interni ta' pajjiżi terzi; jitlob li jintwera rispett tad-dritt tal-popli kollha għall-awtodeterminazzjoni, li jiddeterminaw liberament l-istatus politiku tagħhom u jsegwu liberament l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom;

7.  Jiddenunzja l-għanijiet mhux demokratiċi u ribellużi tal-kampanja ta' destabbilizzazzjoni; jenfasizza l-interessi imperjalisti tal-Istati Uniti fl-iżgurar tal-aċċess tagħhom għar-riżorsi taż-żejt tal-Venezwela u l-għan politiku tagħhom li jxekklu l-pajjiżi tal-Alleanza Bolivarjana għall-Popli tal-Amerika Tagħna (ALBA);

8.  Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li tibqa' timponi sanzjonijiet fil-konfront tal-Venezwela; jirrifjuta d-digriet li jikkunsidra r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela bħala theddida insolita u straordinarja għas-sigurtà nazzjonali u għall-politika estera tal-Istati Uniti; jitlob it-tħassir immedjat tagħha;

9.  Jikkundanna d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Ammirall Kurt Tidd, Kap tal-Kmand tan-Nofsinhar tal-Istati Uniti, fis-6 ta' April 2017, li jbassru tentattiv ta' aggressjoni kontra pajjiż sovran;

10.  Jikkritika l-aħħar żviluppi fi ħdan l-OAS, li juru n-nuqqas ta' demokrazija tal-organizzazzjoni u r-rwol interventista tagħha li taqdi b'mod konsistenti kontra r-rieda sovrana tal-popli tal-Amerika Latina;

11.  Jikkritika l-aħħar żviluppi fi ħdan il-Mercosur, li qed jipprova jipprevjeni l-Venezwela milli tassumi l-presidenza tal-organizzazzjoni;

12.  Jiddenunzja l-"istrumentalizzazzjoni" falza tad-drittijiet tal-bniedem għal skopijiet politiċi mill-UE, b'mod partikolari fil-każ tal-Venezwela;

13.  Jirrifjuta bl-aktar mod qawwi kull tentattiv mill-UE li tapplika kwalunkwe sanzjoni jew miżura oħra kontra l-Venezwela u l-poplu tagħha;

14.  Jenfasizza li d-djalogu ma' pajjiżi terzi m'għandu fl-ebda ċirkostanza jirriżulta fl-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni;

15.  Jiddeplora r-rwol li tiżvolġi l-maġġoranza ta' aġenziji tal-midja internazzjonali fit-tixrid ta' xnigħat u l-użu ta' informazzjoni falza bl-għan li jimminaw il-leġittimità tal-Gvern tal-Venezwela u jiġġeneraw atmosfera ta' vjolenza; ifakkar li l-libertà tal-informazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem, u jitlob lill-midja internazzjonali taġixxi b'mod responsabbli u tkopri l-avvenimenti b'mod ġust, preċiż u bbilanċjat, li bħalissa mhuwiex il-każ;

16.  Jirrikonoxxi l-kriżi ekonomika serja li bħalissa qed tħabbat wiċċha magħha l-Venezwela; jirrikonoxxi, madankollu, li din il-kriżi ekonomika hija kkawżata l-aktar minn indħil estern, kemm minn sanzjonijiet imposti fuq il-pajjiż u l-waqgħa fil-prezz taż-żejt, kif ukoll minn strateġija ta' destabbilizzazzjoni ekonomika interna orkestrata, immexxija minn xi setturi tal-oppożizzjoni u atturi ekonomiċi ewlenin tal-pajjiż, li tikkontrolla l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' oġġetti, b'mod partikolari fil-qasam tal-ikel u tal-mediċini; ifakkar li din l-istrateġija interna wasslet għal nuqqas ta' oġġetti, li ġie aggravat mill-azzjonijiet koordinati ta' gruppi li jaħdmu mal-hekk imsejħa "bachaqueros", li għandhom l-għan li jeżawrixxu l-istokkijiet mill-imħażen fil-mument tar-riforniment tagħhom sabiex iżidu l-prezzijiet tal-oġġetti, ibigħuhom fis-suq illeċitu jew iqassmuhom għal skopijiet ta' falsifikazzjoni, sitwazzjoni li kkontribwiet għal-livelli għolja ta' inflazzjoni fil-pajjiż; ifakkar li dawn l-istrateġiji ġew appoġġati mit-tneħħija sistemika mis-suq tal-karti tal-flus tal-100 bolivar, l-aktar karti tal-flus importanti fl-ekonomija, kif ikkonfermat mill-iskoperta ta' litteralment tunnellati ta' dawn il-karti tal-flus f'pajjiżi bħall-Kolombja u l-Paragwaj; ifakkar li, minkejja dan l-attakk aħrax kontra l-ekonomija, il-Venezwela żammet l-impenji internazzjonali tagħha f'dak li jirrigwarda d-dejn estern tagħha u kompliet talloka proporzjon sinifikanti tal-baġit tagħha għall-iżvilupp soċjali, li jammonta għal aktar minn 70 % tal-baġit annwali;

17.  Jinnota r-rispett muri mill-istituzzjonijiet tal-Venezwela għall-kostituzzjoni, għall-kuntrarju tan-nuqqas ta' rispett permanenti u tal-attitudni aggressiva murija mill-maġġoranza tal-Assemblea Nazzjonali;

18.  Jaqbel mal-prinċipji fil-Proklamazzjoni tal-Amerika Latina u l-Karibew bħala żona ta' paċi, u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali kollha tirrispetta bis-sħiħ din il-proklamazzjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi CELAC, inkluż impenn biex ma tintervjenix direttament jew indirettament fl-affarijiet interni ta' kwalunkwe stat ieħor u tosserva l-prinċipji ta' sovranità nazzjonali, ugwaljanza tad-drittijiet u awtodeterminazzjoni tal-popli;

19.  Jilqa' l-implimentazzjoni tal-politiki tal-inklużjoni soċjali fil-Venezwela, ibbażati fuq ir-responsabbiltà u l-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza, is-solidarjetà u d-drittijiet tal-bniedem, li għenu sabiex titnaqqas l-inugwaljanza fil-pajjiż, b'mod partikolari f'termini ta' miżuri ta' żvilupp soċjali u l-progress sinifikanti li sar fit-tnaqqis tal-faqar jew fil-qasam tal-edukazzjoni, inklużi l-qerda tal-illitteriżmu fl-2005 u ż-żieda kbira fl-għadd ta' studenti ta' edukazzjoni għolja;

20.  Ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-Venezwela fl-istabbiliment u l-konsolidament ta' proċess ta' kooperazzjoni u ta' integrazzjoni għall-benefiċċju tal-popli tal-Amerika Latina; jenfasizza l-progress sinifikanti li sar fl-integrazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni għal dan l-għan; jilqa' l-kisbiet sinifikanti tal-ALBA fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura u l-koperazzjoni vantaġġjuża b'mod reċiproku;

21.  Jirrikonoxxi li l-pajjiżi membri tal-ALBA-TCP huma konxji mill-ħidma iebsa mwettqa mill-gvern tal-Venezwela favur il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja u l-paċi, sabiex irażżan il-pjan ta' intervent internazzjonali kontra l-Venezwela, li jhedded l-istabbiltà mhux biss tan-nazzjon fratern iżda wkoll tar-reġjun kollu;

22.  Jappoġġa l-inizjattiva tad-djalogu promossa mill-President Nicolás Maduro, bl-għajnuna tal-Unasur, bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u l-oppożizzjoni, bil-parteċipazzjoni tal-ex Prim Ministru Spanjol, José Luis Rodríguez Zapatero, l-ex President tar-Repubblika Dominicana, Leonel Fernández, l-ex President tal-Panama, Martín Torrijos, u Rappreżentant Speċjali tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku; isostni r-rwol tal-Unasur u ta' organizzazzjonijiet oħra bħalma huma s-CELAC u l-ALBA, li jippromwovu, bħala prijorità ta' dan id-djalogu, il-benessri taċ-ċittadini kollha, il-paċi, il-ġustizzja, il-verità, ir-relazzjonijiet istituzzjonali, miżuri biex jagħtu spinta lill-ekonomija, u appoġġ għall-istat tad-dritt, id-demokrazija u r-rispett tas-sovranità nazzjonali;

23.  Jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Venezwela u l-ġlieda tiegħu biex jiddefendi l-proċess Bolivarjan u l-kisbiet soċjali f'dawn l-aħħar snin;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Parlament tal-Mercosur, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, u lill-korpi reġjonali Latin-Amerikani inklużi l-Unasur, l-ALBA u s-CELAC.