Proċedura : 2017/2656(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0296/2017

Testi mressqa :

B8-0296/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/05/2017 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 412kWORD 46k
10.5.2017
PE603.751v01-00
 
B8-0296/2017

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2017/2656(RSP))


Manfred Weber f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2017/2656(RSP))  
B8‑0296/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 6 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati numerużi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem, li huma vinkolanti għall-Istati Membri kollha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru(1) u tal-10 ta' Ġunju 2015(2) dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija(3), tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-ġrajjiet politiċi reċenti fl-Ungerija(4) u tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-liġi Ungeriża dwar il-midja(5),

–  wara li kkunsidra s-sessjoni ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, li saret fis-27 ta' Frar 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tas-26 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Att CLXVIII tal-2007 dwar il-promulgazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, adottat mill-Assemblea Nazzjonali Ungeriża fis-17 ta' Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 2162 (2017) tas-27 ta' April 2017 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titolu "Alarming developments in Hungary: draft NGO law restricting civil society and possible closure of the European Central University" ("Żviluppi allarmanti fl-Ungerija: abbozz ta' liġi dwar l-NGOs li jirrestrinġi s-soċjetà ċivili u l-għeluq possibbli tal-Università tal-Ewropa Ċentrali"),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Marzu 2017 dwar il-liġi l-ġdida tal-Ungerija li tippermetti d-detenzjoni awtomatika ta' persuni li jfittxu l-asil, u l-ittra tiegħu lill-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Ungerija tas-27 ta' April 2017 b'appell għal rifjut tal-abbozz tal-liġi propost dwar l-NGOs iffinanzjati minn barra,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra l-Ungerija rigward l-Att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, kif ukoll proċeduri ta' ksur oħra fil-pakkett ta' April,

–  wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-Konsultazzjoni Nazzjonali Ungeriża "Waqqfu lil Brussell",

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissarju Avramopoulos fl-Ungerija fit-28 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-ittra mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern lill-Viċi President Timmermans li titlob l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità tal-Att li jemenda ċerti Atti relatati mat-tisħiħ tal-proċedura mwettqa fiż-żona tal-fruntiera mgħassa mad-dispożizzjonijiet tal-acquis tal-Unjoni dwar l-asil, anke fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija f'dan l-Att,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma universali u komuni għall-Istati Membri (l-Artikolu 2 tat-Trattament dwar l-Unjoni Ewropea (TUE));

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija parti mid-dritt primarju tal-UE li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni ta' natura politika jew ta' kwalunkwe tip ieħor, l-appartenenza għal xi minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.  billi l-Karta tipprovdi li l-arti u r-riċerka xjentifika għandhom ikunu mingħajr xkiel u li l-libertà akkademika għandha tiġi rrispettata; billi tiggarantixxi wkoll il-libertà li jitwaqqfu stabbilimenti tal-edukazzjoni bir-rispett debitu għall-prinċipji demokratiċi;

D.  billi l-libertà ta' assoċjazzjoni jenħtieġ tkun protetta, u billi soċjetà ċivili vibranti għandha rwol essenzjali biex tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku u r-responsabbiltà tal-gvernijiet rigward l-obbligi ġuridiċi tagħhom, inklużi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

E.  billi d-dritt għall-asil huwa garantit bir-rispett debitu għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u għall-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 rigward l-istatus tar-rifuġjati, u f'konformità mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

F.  billi l-Ungerija ilha Stat Membru tal-Unjoni Ewropea mill-2004, u billi, skont stħarriġiet tal-opinjoni, maġġoranza kbira ta' ċittadini Ungeriżi huma favur is-sħubija tal-pajjiż fl-UE;

G.  billi l-iżviluppi l-aktar reċenti fl-Ungerija, b'mod partikolari l-Att li jemenda ċerti atti relatati maż-żieda tal-istrettezza ta' proċeduri mwettqa fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-asil, l-Att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, u l-Att propost dwar it-Trasparenza tal-Organizzazzjonijiet li Jirċievu Appoġġ minn Barra l-Pajjiż (l-Abbozz ta' Liġi T/1467 tal-Parlament Ungeriż), taw lok għall-tħassib rigward il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

1.  Ifakkar li l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE jiġu rispettati mill-Istati Membri kollha tal-UE;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, sabiex tivvaluta b'reqqa s-sitwazzjoni fl-Ungerija, u sabiex tappoġġja bis-sħiħ lill-Gvern Ungeriż fl-isforzi biex jinstabu rimedji adegwati għat-tħassib li tqajjem;

3.  Jistieden lill-Gvern Ungeriż jinvolvi ruħu fi djalogu mal-Kummissjoni; itenni li ż-żewġ naħat jenħtieġ jimpenjaw ruħhom fi djalogu bħal dan b'mod imparzjali, kooperattiv u bbażat fuq l-evidenza;

4.  Jistieden lill-Gvern Ungeriż isegwi, sadanittant, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-Riżoluzzjoni 2162 (2017) tas-27 ta' April 2017 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern li jerġa' jibda d-dibattitu u li jieħu l-azzjoni meħtieġa jekk il-Gvern Ungeriż ma ħax il-miżuri adegwati biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien skadenza stabbilita mill-Kummissjoni, u jekk ikun ġie determinat li hemm riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat bil-valutazzjonijiet tagħha;

7.  Itenni l-ħtieġa għal proċess regolari ta' monitoraġġ u djalogu, li jinvolvi lill-Istati Membri kollha, kif ukoll lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlament, sabiex jiġu ssalvagwardjati l-valuri fundamentali tal-UE tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, u li jiġu evitati standards doppji, kif propost fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(6);

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0461.

(2)

ĠU C 407, 4.11.2016, p. 46.

(3)

ĠU C 75, 26.2.2016, p. 52.

(4)

ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 27.

(5)

ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 154.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

Avviż legali - Politika tal-privatezza