Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0334/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0334/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab

15.5.2017 - (2017/2687(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Mariya Gabriel, Frank Engel, Bogdan Brunon Wenta, Cristian Dan Preda, Michael Gahler, Pavel Svoboda, Paul Rübig, Krzysztof Hetman, Adam Szejnfeld, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, György Hölvényi, Maurice Ponga, Željana Zovko f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0300/2017

Proċedura : 2017/2687(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0334/2017
Testi mressqa :
B8-0334/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0334/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab

(2017/2687(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) fl-Afrika tal-Lvant tal-25 ta' Marzu 2017 dwar soluzzjonijiet dejjiema għar-rifuġjati Somali u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni rimpatrijati lejn is-Somalja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Tripartitika Ministerjali għar-Rimpatriju Volontarju ta' Rifuġjati Somali li jgħixu fil-Kenja, maħruġa fil-25 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-summit tal-UE tal-11 u t-12 ta' Novembru 2015 fil-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-Proċess ta' Khartoum (Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika), li saret f'Ruma fit-28 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku dwar rimpatriji volontarji ffirmat fl-10 ta' Novembru 2013 mill-Gvern tas-Somalja u mill-Gvern tal-Kenja u mill-UNHCR,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri tal-Kenja tad-9 ta' Frar 2017 kontra l-għeluq tal-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Kenja li jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri tad-9 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-"Global Compact" tan-NU dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għar-rifuġjati,

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali tas-Somalja u l-Programm Inikattiv Reġjonali għall-Afrika tal-Lvant tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ),

–  wara li kkunsidra l-iffinanzjar umanitarju tal-UE għal rispons għas-sitwazzjoni tar-rifuġjati fil-Kenja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-reġjun tal-Qarn tal-Afrika, bi kważi 250 miljun abitant u popolazzjoni li qed tikber b'rata mgħaġġla, jospita l-ikbar numru ta' persuni spostati internament u rifuġjati fl-Afrika u wieħed mill-akbar fid-dinja; billi r-reġjun iħabbat wiċċu mal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, l-ispostament furzat u intern, it-traffikar tal-bnedmin, il-kuntrabandu ta' persuni, it-terroriżmu u l-kunflitt vjolenti;

B.  billi l-isfidi għandhom għadd kbir ta' kawżi li jvarjaw skont il-kuntesti lokali, iżda li ta' spiss għandhom l-għeruq tagħhom fin-nuqqas ta' governanza tajba u fin-nuqqas ta' opportunitajiet soċjoekonomiċi, fil-faqar estrem, l-instabbiltà u fit-tibdil fil-klima;

C.  billi l-kumpless tar-rifuġjati ta' Dadaab ġie stabbilit fl-1991 bħala soluzzjoni temporanja għal dawk li qed ifittxu kenn u li jkunu qed jaħarbu minn persekuzzjoni, vjolenza u instabbiltà fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant, u b'mod l-aktar partikolari għal dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ċivili fis-Somalja; billi l-kumpless attwalment huwa ffurmat minn ħames kampijiet differenti ta' popli differenti u jkopri medda art ta' 50 kilometru kwadru, fejn il-kampijiet ta' Hagadera, Dagahaley u Ifo huma l-eqdem u l-aktar li huma ffullatti bin-nies;

D.  billi minkejja l-fatt li Dadaab kien maħsub biex jospita madwar 90 000 ruħ, skont l-istimi tan-NU il-kamp bħalissa fih popolazzjoni ta' madwar 260 000 ruħ, li 95 % minnhom joriġinaw mis-Somalja u 60 % għandhom inqas minn 18-il sena;

E.  billi f'Mejju 2016 il-Kenja xoljiet id-dipartiment tagħha għall-affarijiet tar-rifuġjati, li kien responsabbli għar-reġistrazzjoni, li jfisser li għexieren ta' eluf ta' persuni ma ġewx irreġistrati, sitwazzjoni li tista' fil-fatt iżżid dawn in-numri ulterjorment;

F.  billi għal aktar minn żewġ deċennji s-Somalja ġiet milquta minn instabilità severa u min-nuqqas ta' strutturi statali, li l-impatt tagħhom ġie aggravat minn riskji naturali rikorrenti marbuta mat-tibdil fil-klima; billi dawn il-kwistjonijiet sfidaw ir-reżiljenza tal-komunitajiet l-aktar vulnerabbli tas-Somalja u l-kapaċità tagħhom li jkampaw, u saru l-kawżi ewlenin tal-ispostament ġewwa s-Somalja u lejn il-pajjiżi ġirien;

G.  billi wara tliet deċennji s-sitwazzjoni tar-rifuġjati Somali hija fost l-aktar imtawla fid-dinja, fejn hemm it-tielet ġenerazzjoni ta' rifuġjati mwielda fl-eżilju; billi kważi miljun Somalu huma spostati fir-reġjun, u 1.1 miljun ruħ oħra huma spostati ġewwa s-Somalja nnifisha;

H.  billi s-Somalja kienet waħda mill-ħames pajjiżi li pproduċew l-akbar għadd ta' rifuġjati fid-dinja matul dawn l-aħħar 15-il sena, b'1.1 miljun rifuġjat irreġistrati attwalment, li minnhom aktar minn 80 % huma ospitati fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika u l-Jemen; billi l-Kenja bħalissa qed tospita madwar 500 000 rifuġjat, u l-għadd qed ikompli jiżdied minħabba nuqqas ta' sigurtà dejjem akbar fir-reġjun, b'mod partikolari fis-Sudan t'Isfel;

I.  billi r-reġjun kollu kemm hu tal-Afrika tal-Lvant qed iġarrab nixfa qawwija, filwaqt li ġiet iddikjara karestija f'partijiet tas-Sudan t'Isfel, u sa miljun persuna jinsabu mhedda; billi nħarġet twissija ta' qabel il-karestija għas-Somalja, li qed tħabbat wiċċha mat-tielet karestija f'25 sena, filwaqt li l-gvern irrapporta li 6.2 miljun ruħ jeħtieġu assistenza tal-ikel ta' emerġenza; billi l-President tal-Kenja, Uhuru Kenyatta, iddikjara li n-nixfa fil-pajjiż hija diżastru nazzjonali fejn 2.7 miljun ruħ qed iħabbtu wiċċhom ma' ġuħ gravi; billi huwa mistenni li s-sitwazzjoni x'aktarx li tiddeterjora fl-Etjopja, fil-Kenja, fis-Somalja u fil-Jemen, li jista' jwassal għal karestija mifruxa ħafna;

J.  billi fis-6 ta' Mejju 2016, il-Gvern Kenjan ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jagħlaq Dadaab "bl-inqas dewmien possibbli", filwaqt li ta raġunijiet ta' tħassib dwar is-sigurtà u ta' bżonn li tintemm is-sitwazzjoni mtawla tar-rifuġjati fir-reġjun; billi, madankollu, fit-30 ta' Novembru 2016 il-Gvern Kenjan ħabbar li l-għeluq tal-kamp kien se jiġi pospost b'sitt xhur sa Mejju 2017 għal "raġunijiet umanitarji", fuq talba mill-komunità internazzjonali;

K.  billi l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, esprimiet li tifhem it-tħassib tal-Gvern tal-Kenja u r-raġunijiet għall-għeluq tal-kamp, iżda enfasizzat ukoll li r-rimpatriji lejn is-Somalja jridu bilfors jitwettqu b'konformità mal-istandards internazzjonali, jiġifieri li jridu jkunu volontarji, infurmati, oġġettivi u newtrali, li jridu jsiru fis-sikurezza, bid-dinjità, u b'mod sostenibbli, u li l-persuni rimpatrijati jridu jkunu konxji ta' x'se jiġri jekk jiddeċiedu li ma jivvolontarjawx;

L.  billi, madankollu, fid-9 ta' Frar 2017, il-Qorti Superjuri Kenjana ddeċidiet, b'rispons għal petizzjoni minn żewġ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kenja – il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kenja għad-Drittijiet tal-Bniedem u Kituo Cha Sheria – li l-ordnijiet tal-Gvern tal-Kenja li jingħalaq il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab kienu diskriminatorji u jammontaw għal kastig kollettiv, kif ukoll li kienu eċċessivi, arbitrarji u sproporzjonati;

M.  billi d-diskussjoni dwar l-għeluq ta' Dadaab dawritilna ħarsitna fuq il-pass kajman tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Tripartitiku li ġie ffirmat mill-UNHCR u l-Gvern tal-Kenja u l-Gvern tas-Somalja fl-2013 u li kellu l-għan li jitwettqu r-rimpatriji volontarji ta' persuni Somali lejn żoni stabbli tas-Somalja, kwistjoni li ġiet ikkritikata apertament mill-Gvern Kenjan u minn partijiet ikkonċernati oħra;

N.  billi minn meta l-UNHCR bdiet tappoġġja r-rimpatriji volontarji tar-rifuġjati Somali fl-2014, ġew rimpatrijati madwar 55 652  ruħ, iżda l-għan li r-rata ta' rimpatriji sostenibbli tiżdied se jiddependi mis-sitwazzjoni fis-Somalja;

O.  billi lejn l-aħħar ta' Awwissu 2016, l-awtoritajiet Somali f'Jubaland issospendew ir-rimpatriji lejn il-kapitali reġjonali, Kismaayo, wara li ħabbtu wiċċhom ma' influss ta' rifuġjati; billi, skont l-UNHCR, kważi 70 % tal-persuni rimpatrijati huma tfal;

P.  billi l-għeluq ta' Dadaab se jkollu riperkussjonijiet f'pajjiżi ġirien oħra, bħal pereżempju l-Etjopja, li bħalissa qed tospita madwar 245 000 rifuġjat mis-Somalja, u jista' jagħti lok għal influss ġdid; billi din is-sitwazzjoni turi n-natura interkonnessa tal-kwistjonijiet relatati mar-rifuġjati, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-istabilità, u tenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni reġjonali msaħħa biex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati;

Q.  billi l-komunità ospitanti tar-reġjun usa' ta' Dadaab urew umanità, ġenerożità u tolleranza kbar fir-rigward tal-preżenza tal-kamp, iżda qed jiffaċċjaw sfidi ekonomiċi, ta' żvilupp u ambjentali kbar;

R.  billi l-UE allokat EUR 286 miljun permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-perjodu 2014-2020, filwaqt li ffukat fuq l-implimentazzjoni tal-"Compact" u fuq il-bini tal-istat u tal-paċi, is-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza u l-edukazzjoni b'mod partikolari; billi l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF) ġie ffirmat waqt is-Summit ta' Valletta fit-12 ta' Novembru 2015, u ġie mfassal biex jindirizza l-kawżi bażiċi tad-destabbilizzazzjoni, l-ispostament furzat u l-migrazzjoni irregolari billi jippromwovi l-governanza tajba, ir-reżiljenza, l-opportunitajiet ekonomiċi, is-sigurtà u l-iżvilupp;

S.  billi l-UE hija impenjata wkoll li tappoġġa l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) permezz tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika, permezz tal-għoti ta' finanzjament sinifikanti biex tkun ipprovduta sigurtà u biex jitnaqqas it-theddid maħluq minn al-Shabaab u minn gruppi ta' oppożizzjoni armati oħra;

T.  billi wara l-Ordni Eżekuttiva tal-President Trump tal-Istati Uniti tas-27 ta' Jannar 2017, madwar 3 000 rifuġjat, li kellhom jiġu risistemati fl-Istati Uniti mill-Kenja fl-2017, li fil-parti l-kbira tagħhom kienu ġejjin minn Dadaab, u wara li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu diġà ġew skrinjati b'mod rigoruż minn uffiċjali tal-Istati Uniti u tan-NU u wara li kienu stennew sa 10 snin għall-approvazzjoni tar-risistemazzjoni tagħhom, qed jiffaċċaw futuri inċerti;

U.  billi l-pjan ta' azzjoni globali ta' Nairobi adottat waqt is-summit tal-IGAD tal-25 ta' Marzu 2017 enfasizza n-nixfa u l-konflitt armat b'mod partikolari bħala r-raġunijiet għall-ispostament tan-nies fir-reġjun;

1.  Jirrikonoxxi l-isforzi li ta' min ifaħħarhom mwettqa mill-Kenja u mir-reġjun lokali ta' Dadaab billi ospitaw għadd mingħajr preċedent ta' rifuġjati għal perjodu daqshekk twil;

2.  Jenfasizza madankollu li s-sitwazzjoni attwali fir-reġjun saret waħda insostenibbli u teħtieġ rispons effiċjenti u kkoordinat min-naħa tal-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien, l-organizzazzjonijiet governattivi reġjonali, bħalma hi l-Unjoni Afrikana, u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali, inkluża l-UE, sabiex jiġi żgurat li jiġi stabbilit programm ta' rimpatriju sostenibbli u sikur, flimkien ma' sforzi biex tiżdied is-sigurtà u jiġi stabbilit żvilupp soċjoekonomiku fit-tul fir-reġjun;

3.  Jirrimarka li sakemm għad hemm l-instabilità fir-reġjun usa', ir-refuġjati mhux se jkunu għadhom jistgħu jmorru lura f'darhom; jitlob lill-UE, għalhekk, iżżid l-isforzi tagħha biex tinvolvi ruħha u taqdi rwol ta' medjazzjoni fir-reġjun sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi sottostanti ekonomiċi, politiċi, ambjentali u tas-sigurtà, li huma l-kawżi prinċipali tal-faqar estrem, l-attività kriminali, ir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu u li fl-aħħar mill-aħħar qed jikkawżaw is-sitwazzjoni tar-rifuġjati;

4.  Jinsisti li rispons reġjonali huwa essenzjali biex tingħata protezzjoni kontinwata lil 260 000 rifuġjat Somalu; ifakkar li l-integrazzjoni mill-ġdid sostenibbli tal-persuni rimpatrijati tirrikjedi approċċ olistiku u msejjes fuq il-komunità sabiex tittejjeb il-kapaċità ta' assorbiment u jingħata aċċess aħjar għas-servizzi għall-persuni rimpatrijati, il-persuni spostati internament u l-komunitajiet lokali fis-Somalja;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni globali u reġjonali ta' Nairobi, li jiddisponi għall-għeluq progressiv tal-kampijiet biex ir-rifuġjati jingħataw il-possibilità li jaċċessaw l-impjieg u s-servizzi fil-pajjiż ospitanti tagħhom u li jkunu jistgħu jiċċaqilqu liberament;

6.  Ifakkar li r-rimpatriju volontarju mhuwiex l-unika għażla; jitlob li ssir kondiviżjoni akbar tar-responsabilitajiet f'dak li jirrigwarda r-rifuġjati li jkunu qed jirritornaw u fir-rigward tal-istabbiliment ta' metodi addizzjonali biex ir-rifuġjati jkollhom aċċess għal pajjiżi terzi;

7.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-għanijiet tal-EUTF għall-Afrika fl-indirizzar tal-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari u tal-fenomenu tal-persuni spostati fl-Afrika tal-Lvant; jitlob bi dritt li l-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom lejn il-Fond; jitlob lill-Kummissjoni, madankollu, iżżid l-isforzi ta' konsultazzjoni mal-atturi fir-reġjun, inklużi l-popolazzjonijiet lokali, il-gvernijiet reġjonali u l-NGOs, bl-għan li l-attenzjoni tiġi ffukata fuq il-problemi u l-ħtiġijiet identifikati lokalment biex jiġi ffaċilitat ir-rimpatriju tar-rifuġjati lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom; jenfasizza l-fatt li Dadaab ħoloq madwar 10 000 impjieg, li huma prinċipalment marbuta ma' attivitajiet umanitarji;

8.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ iċċentrat fuq il-persuni u l-komunità biex ir-riżorsi tal-EUTF jintużaw għall-finijiet ta' assistenza fir-rimpatriji minn Dadaab u biex jiġu stabbiliti miżuri għall-iżvilupp u r-reżiljenza fir-reġjun; jemmen li l-EUTF jenħtieġ li jiffoka mhux biss fuq l-iżvilupp ekonomiku, uman u soċjali, iżda wkoll fuq proġetti maħluqa mill-komunitajiet lokali speċifikament immirati lejn it-titjib tal-kwalità u l-aċċessibilità ta' servizzi bażiċi u ta' taħriġ bażiku għall-iżvilupp ta' kompetenzi lokali;

9.  Jirrimarka li n-nisa u t-tfal jirrappreżentaw iktar minn 60 % tal-popolazzjoni totali tal-kamp tar-rifuġjati huma meqjusa bħala l-gruppi l-aktar vulnerabbli u emarġinati fi ħdan il-kamp; jistieden lill-Gvern Kenjan, lill-istituzzjonijiet reġjonali, lill-organizzazzjonijiet ta' għajnuna internazzjonali u lill-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, biex jadottaw approċċ speċifiku għall-miżuri ta' għajnuna li jindirizza l-fatturi li jinfluwenzaw il-vulnerabilità tan-nisa u tat-tfal fil-kamp, bħalma huma l-persekuzzjoni bbażata fuq is-sess u l-ġeneru, il-vjolenza kontra n-nisa, l-abbuż u l-isfruttament sesswali, il-faqar estrem u l-esklużjoni;

10.  Jilqa' l-organizzazzjoni li rnexxiet tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-2017; jenfasizza, madankollu, li l-kundizzjonijiet tas-sigurtà u dawk soċjoekonomiċi f'ħafna partijiet tas-Somalja għadhom ma jħajrux ir-rimpatriji fuq skala kbira, u għalhekk jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet Somali fuq ir-restaw l-istabilità fil-pajjiż;

11.  Jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw is-sigurtà tal-ikel fis-Somalja u jevitaw il-karestija imminenti;

12.  Jappella lill-UE biex tiżgura li l-programmi ta' rilokazzjoni fir-reġjun jieħdu ħsieb b'mod partikolari li l-gruppi vulnerabbli ta' nies jiġu rilokati lejn reġjuni sikuri b'mod responsabbli, bl-għan li jiġi evitat il-periklu li jaqgħu vittmi ta' elementi radikali u terroristiċi bħalma huma al-Shabaab;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' ġestjoni aħjar tal-fruntieri ta' bejn is-Somalja u l-pajjiżi ġirien tagħha, li huma meqjusa bħala ambjent ideali fejn iwettqu l-azzjoni tagħhom in-netwerks involuti fit-traffikar u l-kuntrabandu tal-bnedmin, l-armi, id-drogi u merkanzija illeċita oħra, li b'hekk ikun qed jingħata finanzjament għal attivitajiet kriminali u terroristiċi; jistenna li l-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE fis-Somalja taħdem mill-qrib mal-AMISOM u mal-awtoritajiet Somali biex jikkondividu l-aħjar prattika dwar ġestjoni tal-fruntieri mtejba bl-għan li jinqabdu t-traffikanti u l-kuntrabandisti;

14.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana u lill-organizzazzjonijiet sottoreġjonali Afrikani biex iqisu serjament id-dimensjoni reġjonali u jipprevjenu kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-reġjun, b'mod partikolari billi jżommu għaddej djalogu politiku permanenti bejn il-pajjiżi tar-reġjun; jitlob biex l-Unjoni Ewropea tikkollabora fl-ogħla livell mas-sħab Afrikani reġjonali tagħha f'dan is-sens;

15.  Ifakkar li s-sigurtà u l-istabbilizzazzjoni għadhom sfidi ewlenin fir-reġjun u jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Afrikana timmonitorja mill-qrib s-sitwazzjoni mill-qrib u żżomm għaddej djalogu politiku permanenti mal-awtoritajiet tal-Gvern tal-Kenja;

16.  Jinsab imħasseb dwar l-impatt li għandha fuq is-sitwazzjoni fir-reġjun id-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tnaqqas il-kontribuzzjoni tagħha lill-aġenziji tan-NU b'USD 640 miljun; jinsisti li l-kontribuzzjonijiet volontarji tal-UE lill-fondi u lill-aġenziji tan-NU, li jammontaw għal nofs il-baġit totali tagħhom, huma kruċjali għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà dinjija;

17.  Jenfasizza li insuffiċjenza fil-baġit ta' aġenziji tan-NU bħalma hija l-UNHCR, li jipprovdu protezzjoni, kenn u assistenza umanitarja taħt ċirkostanzi diffiċli u kumplessi, tkun tikkontribwixxi biss biex jiżdiedu l-isfidi tas-sigurtà kkawżati mill-iffullar żejjed kroniku, ir-riskju ta' mard, l-għargħar staġjonali, u r-riskju tal-karestija;

18.  Jenfasizza l-fatt li l-UE, permezz tal-politika tal-azzjoni esterna tagħha u l-istrateġija tagħha tas-sigurtà, hija impenjata favur l-għajnuna umanitarja, l-iżvilupp ekonomiku, istituzzjonijiet statali b'saħħithom, il-kura tas-saħħa tajba, l-edukazzjoni u d-demokrazija fir-reġjun;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin.