Proċedura : 2017/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0340/2017

Testi mressqa :

B8-0340/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2017 - 11.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0230

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 430kWORD 54k
15.5.2017
PE603.765v01-00
 
B8-0340/2017

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem (2017/2685(RSP))


Esteban González Pons, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Roberta Metsola, Jeroen Lenaers, Carlos Coelho, Frank Engel, Elisabetta Gardini, Alessandra Mussolini, Salvatore Domenico Pogliese, Barbara Matera, Michał Boni f'isem il-Grupp PPE
Cécile Kashetu Kyenge, Birgit Sippel, Péter Niedermüller, Josef Weidenholzer, Tanja Fajon, Juan Fernando López Aguilar, Elly Schlein, Sylvie Guillaume, Caterina Chinnici, Miltiadis Kyrkos, Eider Gardiazabal Rubial f'isem il-Grupp S&D
Angelika Mlinar, Cecilia Wikström, Hilde Vautmans, Ilhan Kyuchyuk f'isem il-Grupp ALDE
Kostas Chrysogonos, Barbara Spinelli, Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat, Malin Björk, Sofia Sakorafa, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Xabier Benito Ziluaga, Tania González Peñas, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo, Marisa Matias, Josu Juaristi Abaunz, Sabine Lösing, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Stefan Eck, Kostadinka Kuneva, Dennis de Jong f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ska Keller, Judith Sargentini, Jean Lambert, Ulrike Lunacek, Bodil Valero, Heidi Hautala, Josep-Maria Terricabras, Eva Joly, Barbara Lochbihler, Bart Staes, Ernest Urtasun, Bronis Ropė, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Laura Ferrara, Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem (2017/2685(RSP))  
B8‑0340/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/1754 tad-29 ta' Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' Settembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja, il-Greċja u l-Ungerija(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja(6),

–  wara li kkunsidra l-11 ir-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-16 ta' Mejju 2017 dwar kif nagħmlu r-rilokazzjoni taħdem,

–  wara li kkunsidra l-istudju mwettaq għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu bl-isem "L-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja", ippubblikat f'Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, wara l-proċedura ta' konsultazzjoni stipulata fl-Artikolu 78(3) tat-TFUE, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu bħala sostenn għad-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni b'maġġoranza kbira;

B.  billi d-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni ġew adottati bħala miżura ta' solidarjetà urġenti fin-nuqqas ta' sistema Ewropea tal-asil ibbażata fuq il-kondiviżjoni tar-responsabilità li għadha mhix fis-seħħ;

C.  billi l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jirrilokaw 160 000 applikant għall-asil mill-Italja u l-Greċja; billi, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/1754, 54 000 minn dawn il-postijiet jistgħu jintużaw għall-ammissjoni tar-rifuġjati Sirjani mit-Turkija;

D.  billi r-Renju Unit għażel li ma jipparteċipax f'dan il-mekkaniżmu, filwaqt li l-Irlanda għażlet li tipparteċipa; billi d-Danimarka għażlet li ma tipparteċipax fuq bażi volontarja, filwaqt li tliet stati assoċjati għażlu li jipparteċipaw;

E.  billi sas-27 ta' April 2017, 17 903 applikant għall-asil biss ġew rilokati, 12 490 mill-Greċja u 5 413 mill-Italja; billi dan jammonta biss għal 11 % tal-obbligu totali;

F.  billi l-għadd ta' persuni eliġibbli għal rilokazzjoni preżenti fl-Italja u fil-Greċja bħalissa huwa inqas mill-għadd previst fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill; billi s'issa 26 997 applikant eliġibbli ġew irreġistrati fil-Greċja filwaqt li l-Istati Membri formalment wiegħdu li jieħdu 19 603 post ta' rilokazzjoni; billi s'issa 8 000 applikant eliġibbli ġew irreġistrati fl-Italja filwaqt li l-Istati Membri formalment wiegħdu li jieħdu 10 659 post ta' rilokazzjoni; billi l-għadd ta' wegħdiet ġeneralment huwa ogħla b'mod sinifikanti min-numru ta' persuni li jiġu effettivament rilokati;

G.  billi huma biss l-applikanti għall-asil li kienu diġà preżenti fil-Greċja qabel l-20 ta' Marzu 2016 li huma fil-fatt meqjusa bħala eliġibbli għal rilokazzjoni; billi d-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni ma jinkludux tali data ta' tmiem tal-eliġibilità u ma ġewx emendati b'dan il-mod;

H.  billi huma biss l-applikanti għall-asil ta' nazzjonalità li għaliha r-rata medja ta' rikonoxximent hija 75 % jew aktar, skont id-data trimestrali disponibbli tal-Eurostat l-aktar reċenti, li huma eliġibbli għal rilokazzjoni; billi l-Iraqqini m'għadhomx eliġibbli għal rilokazzjoni, peress li r-rata medja ta' rikonoxximent tagħhom waqgħet għal taħt il-75 %; billi l-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601, talab li l-Afgani għandhom ukoll ikunu eliġibbli għal rilokazzjoni; billi l-Afgani kienu t-tieni l-akbar grupp ta' applikanti għall-asil li l-Unjoni kellha taffaċċja fl-2016; billi 56,7 % minnhom ingħataw l-asil; billi evidentement l-akbar għadd ta' Afgani jaslu fil-Greċja; billi bosta minnhom huma minorenni mhux akkumpanjati;

I.  billi 62 300 applikant għall-asil u migranti għadhom preżenti fil-Greċja;

J.  billi l-Italja qabżet rekord ġdid f'termini ta' migranti li waslu fl-2016, b'181 436 (18 % aktar milli fl-2015), li 14 % minnhom kienu minorenni mhux akkumpanjati; billi 20 700 Eritrean li huma eliġibbli għal rilokazzjoni waslu fl-2016, iżda s'issa l-Italja rreġistrat biss madwar kwart minnhom għal rilokazzjoni;

K.  billi fl-Italja fl-2016 l-għadd limitat ta' applikanti għall-asil rilokati lejn Stati Membri oħra kien inqas b'mod sinifikanti mill-għadd ta' applikanti għall-asil trasferiti mill-Istati Membri lejn l-Italja skont ir-Regolament ta' Dublin;

L.  billi l-Kummissjoni, fit-8 rapport tagħha dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, stabbiliet mira ta' rilokazzjoni fix-xahar, ripetuta fir-rapporti sussegwenti, ta' 3 000 applikant għall-asil mill-Greċja u 1 500 mill-Italja (mill-1 ta' April 2017), sabiex tiffaċilita u taċċellera r-rilokazzjoni b'mod effettiv u bla xkiel fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill;

M.  billi l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2016, approva l-pjan ta' azzjoni konġunta dwar l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, li tinkludi l-mira ta' rilokazzjoni għall-Greċja; billi l-Kunsill Ewropew tenna wkoll l-appell tiegħu għal aktar intensifikazzjoni tal-isforzi biex titħaffef ir-rilokazzjoni, b'mod partikulari għall-minorenni mhux akkumpanjati;

N.  billi l-prekundizzjonijiet u l-infrastruttura operattiva sabiex isseħħ ir-rilokazzjoni huma stabbiliti b'mod sħiħ;

O.  billi, minkejja li sar xi progress, huma biss żewġ Stati Membri, il-Finlandja u Malta, li huma kompletament fit-triq it-tajba biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta' rilokazzjoni; billi bosta Stati Membri għadhom lura sew; billi erba' Stati Membri kienu qed jirrilokaw fuq livell estremament limitat; billi żewġ Stati Membri għadhom mhux qed jipparteċipaw;

P.  billi l-Finlandja biss qiegħda sistematikament tirċievi minorenni mhux akkumpanjati; billi fl-Italja hemm bżonn ta' madwar 5 000 post ta' rilokazzjoni għalihom, filwaqt li s'issa huwa biss minorenni mhux akkumpanjat wieħed li ġie rilokat; billi fil-Greċja hemm bżonn ta' 163 post aktar mit-12 ta' April 2017 'l hawn;

Q.  billi xi Stati Membri qed jagħmlu użu minn preferenzi restrittivi ferm u diskriminatorji, bħall-għoti ta' rilokazzjoni għall-ommijiet waħedhom biss, jew l-esklużjoni ta' applikanti ta' nazzjonalitajiet speċifiċi, bħall-Eritrej, u japplikaw kontrolli ta' sigurtà estensivi ħafna; billi fil-Greċja 961 persuna mis-7 ta' Mejju 2017 'l hawn ġew irrifjutati r-rilokazzjoni mill-Istati Membri;

R.  billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1523 tistipula b'mod ċar li l-miżuri ta' rilokazzjoni ma jeżentawx lill-Istati Membri milli japplikaw b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin) relatati mar-riunifikazzjoni tal-familja, il-protezzjoni speċjali ta' minorenni mhux akkumpanjati, u l-klawsola diskrezzjonarja li tikkonċerna raġunijiet umanitarji;

1.  Jirrikonoxxi li sar xi progress, iżda jesprimi d-diżappunt tiegħu rigward l-impenji mhux sodisfatti min-naħa tal-Istati Membri favur is-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabilità;

2.  Jilqa' t-twaqqif ta' sistema awtomatizzata ta' tqabbil tal-preferenzi mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil; jistieden lill-Istati Membri ma jirrikkorrux għal deċiżjonijiet arbitrarji dwar jekk jaċċettawx talba għal rilokazzjoni jew le; iħeġġeġ lill-Istati Membri jibbażaw ir-rifjut tagħhom biss fuq ir-raġunijiet speċifiċi stabbiliti fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill u jirrilokaw sistematikament lill-applikanti għall-asil mill-Greċja u l-Italja, inklużi dawk li waslu wara l-20 ta' Marzu 2016, sakemm dawk kollha eliġibbli jkunu ġew rilokati b'mod effettiv u bla xkiel fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill; jistieden lill-Istati Membri jintrabtu u jitrasferixxu fuq bażi mensili stabbli;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw ir-rilokazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati u gruppi oħra vulnerabbli ta' applikanti;

5.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni fl-għaxar rapport tagħha dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni tat-2 ta' Marzu 2017 li mhix se toqgħod lura milli tuża s-setgħat tagħha skont it-Trattati jekk l-Istati Membri ma jżidux ir-rilokazzjonijiet tagħhom malajr; jifhem li dan se jinkludi proċeduri ta' ksur;

6.  Jinsisti li l-obbligi legali tal-Istati Membri ma jintemmux wara s-26 ta' Settembru 2017 u li wara din id-data huma xorta se jkollhom jirrilokaw l-applikanti eliġibbli kollha li waslu sa dik id-data;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-Kunsill intrabat bil-mira ta' 160 000 rilokazzjoni; jinnota li l-għadd ta' persuni eliġibbli għal rilokazzjoni huwa differenti minn dan l-għadd; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi l-estensjoni tal-miżuri ta' rilokazzjoni sal-adozzjoni tar-Regolament ta' Dublin riformulat, f'konformità mat-termini tal-proposta tagħha tal-4 ta' Mejju 2016 (COM(2016)0270);

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146.

(2)

ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80.

(3)

ĠU L 268, 1.10.2016, p. 82.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0306.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0324.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2016)0354.

Avviż legali