Proċedura : 2016/2998(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0346/2017

Testi mressqa :

B8-0346/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2017 - 11.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0226

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 423kWORD 47k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0345/2017
15.5.2017
PE603.771v01-00
 
B8-0346/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani  (2016/2998(RSP))


Victor Boştinaru, Elena Valenciano, Maria Arena, Brando Benifei, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Neena Gill, Ana Gomes, Javi López, Pier Antonio Panzeri, Gilles Pargneaux, Soraya Post, Edouard Martin f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani  (2016/2998(RSP))  
B8‑0346/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tal-10 ta' Diċembru 2012, tas-16 ta' Diċembru 2013, tat-12 ta' Mejju 2014, tat-18 ta' Jannar 2016 u tal-20 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, partikolarment ir-Riżoluzzjoni Nru 67/19 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-29 ta' Novembru 2012 u r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 478(1980) tal-20 ta' Awwissu 1980, u Nru 2334 (2016) tat-23 ta' Diċembru 2016.

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani tal-1 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra marbuta mal-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra, tal-1949,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ksib tal-paċi fil-Lvant Nofsani jibqa’ prijorità ewlenija għall-komunità internazzjonali u element indispensabbli għall-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali u globali;

B.  billi l-Parlament Ewropew esprima ripetutament is-sostenn qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina;

C.  billi r-rapport tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani ta' Lulju 2016, identifika x-xejriet li ġejjin, bħala ostakoli gravi għat-tama ta' paċi: l-issuktar tal-vjolenza, l-attakki terroristiċi kontra ċivili, u l-inċitament għall-vjolenza; it-tkomplija ta' politika ta' kostruzzjoni u espansjoni ta' insedjamenti, allokazzjoni ta' art għal użu esklussiv Iżraeljan, u ċ-ċaħda ta' żvilupp Palestinjan; l-akkumular illeċitu tal-armi u l-attività militanti; in-nuqqas kontinwu ta' unità Palestinjana; kif ukoll is-sitwazzjoni umanitarja diżastruża f'Gaża;

D.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fir-Riżoluzzjoni Nru 2334(2016), itenni li l-istabbiliment ta' insedjamenti Iżraeljani fit-territorju Palestinjan okkupati sa mill-1967, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, ma għandu l-ebda validità legali u jikkostitwixxi ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali u ostakolu ewlieni għall-ksib tas-soluzzjoni taż-żewġ stati; itenni t-talba tiegħu li Iżrael itemm immedjatament u kompletament kull attività ta' insedjament, u jappella lill-istati kollha biex fin-negozjati partikolari tagħhom jiddistingwu bejn l-Istat ta' Iżrael u t-territorji okkupati sa mill-1967; billi r-Riżoluzzjoni Nru 67/19 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tagħti lill-Palestina l-istatus ta' stat osservatur mhux membru fin-Nazzjonijiet Uniti;

E.  billi l-Kunsill għall-Affarijiet Barranin ripetutament esprima l-impenn tiegħu li jiżgura li l-ftehimiet kollha bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżrael għandhom jindikaw b'mod inekwivokabbli u espliċitu l-inapplikabbiltà tagħhom għat-territorji okkupati minn Iżrael fl-1967, kif ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi pakkett ta' appoġġ politiku, ekonomiku u ta' sigurtà bla preċedent liż-żewġ partijiet fil-kuntest ta' ftehim ta' status finali;

F.  billi l-Kummissjoni fl-2013, ippubblikat linjigwida dwar l-eliġibbiltà tal-entitajiet Iżraeljani u tal-attivitajiet tagħhom fit-territorji okkupati minn Iżrael sa mill-1967, għal għotjiet, premijiet u strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE mill-2014 'il quddiem(1), u fl-2015, Avviż Interpretattiv tal-Kummissjoni dwar l-indikazzjoni tal-oriġini ta' prodotti mit-territorji okkupati minn Iżrael sa minn Ġunju 1967(2); billi fost l-insedjanti Iżraeljani li jgħixu fix-Xatt tal-Punent, inkluż f'Ġerusalemm tal-Lvant, hemm persuni b'ċittadinanza doppja ta' Stati Membri tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi l-hekk imsejħa Liġi ta' Regolamentazzjoni adottata mill-Knesset fis-6 ta' Frar 2017, tillegalizza b'mod retroattiv madwar 4 000 unità domestika tal-insedjanti mibnija fuq art privata Palestinjana fix-Xatt tal-Punent;

1.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina - fejn l-Istat tal-Iżrael, fi ħdan fruntieri siguri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina sovran, kontigwu u vijabbli, jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà u b'rikonoxximent reċiproku skont il-fruntieri tal-1967, bi tpartit reċiproku ta' art skont ftehim reċiproku, u b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati - bħala l-uniku mezz biex tinkiseb paċi dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jikkundanna kwalunkwe dikjarazzjoni li għandha l-għan li tiddeleġittimizza s-soluzzjoni ta' żewġ stati;

2.  Jissottolinja li l-protezzjoni u l-ippreservar tal-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati għandha tkun il-prijorità immedjata tal-politiki u tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina u tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani; jilqa' r-Riżoluzzjoni Nru 2334(2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bħala r-referenza ewlenija f'dan ir-rigward; jilqa' l-impenn espress matul iż-żjara reċenti tal-President Palestinjan Mahmoud Abbas lejn l-Istati Uniti għal ħidma flimkiem fis-sliem;

3.  Itenni t-talba tiegħu għal tmiem immedjat u komplut tal-kostruzzjoni u tal-espansjoni tal-insedjamenti Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent, inkluż f'Ġerusalemm tal-Lvant, li skont id-dritt internazzjonali huma illegali, jdgħajfu s-soluzzjoni ta' żewġ stati u jikkostitwixxu ostakolu ewlieni għall-isforzi ta' paċi; jappella għat-tmiem tat-twaqqigħ ta' djar Palestinjani, l-ispostament furzat tal-familji Palestinjani ui l-konfiska ta' propjetà Palestinjana f'din iż-żona, li kollha għandhom l-istess effett; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà biex iżżomm dawn il-kwistjonijiet fuq quddiem nett tal-aġenda ta' relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Iżrael; jinnota t-tħabbira reċenti mill-Gvern Iżraeljan dwar ir-reviżjoni tal-politika ta' insedjament tiegħu;

4.  Jappella għal tmiem immedjat tal-politiki Iżraeljani immirati fuq it-tibdil ta' realtajiet tat-territorju permezz ta' attakki immirati u diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni Palestinjana f'Ġerusalemm tal-Lvant, li jimmina l-fattibbiltà tal-idea ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali ta' żewġ stati; ifakkar li l-komunità internazzjonali qatt ma aċċettat l-annessjoni ta' Ġerusalemm tal-Lvant minn Iżrael; ifakkar ukoll li l-Unjoni Ewropea ddikjarat ripetutament li mhijiex ser tirrikonoxxi kwalunkwe bidla għall-fruntieri ta' qabel l-1967, inkluż fir-rigward ta' Ġerusalemm, għajr dawk maqbula mill-partijiet;

5.  Jenfasizza l-potenzjal qawwi tal-kommunità Għarbija Palestinjana f'Iżrael li twettaq rwol kruċjali fil-ksib ta' paċi dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħha fi, u l-kontribut għall-proċess tal-paċi; jappella għall-ugwaljanza tad-drittijiet għaċ-ċittadini Għarab Palestinjani ta' Iżrael, li hi prekondizzjoni bażika sabiex tkun tista' twettaq dan ir-rwol; jesprimi, f'dan ir-rigward, it-tħassib qawwi tiegħu dwar il-proposta ta' liġi l-ġdida dwar in-nazzjonalità, li qed tiġi diskussa attwalment fil-Knesset; jappella għal parteċipazzjoni akbar tal-komunità Għarbija Palestinjana fil-programmi ta' kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-Iżrael;

6.  Jisħaq mill-ġdid li l-paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani tista’ tintlaħaq biss bl-użu ta’ metodi mhux vjolenti permezz ta’ ftehim ta’ status finali nnegozjat li jtemm kull pretensjoni reċiproka; jikkundanna kwalunkwe att ta' vjolenza u terroriżmu li jattakka jew li jipperikola liċ-ċivili, kif ukoll kull att ta' provokazzjoni u inċitament; jappella liż-żewġ naħat biex jevitaw, jipprevjenu u jikkundannaw kull azzjoni simili u biex l-awturi tar-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja, kif ukoll biex jittieħdu passi attivi li jippromwovu l-kalma, iħeġġu l-moderazzjoni u jevitaw kwalunkwe azzjoni li tista' tkabbar it-tensjoni fuq il-post;

7.  Jappella għal darb'oħra għar-rikonċiljazzjoni Palestinjana, bħala element essenzjali ta' soluzzjoni ta' żewġ stati, permezz tal-istabbiliment ta' gvern ta' unità nazzjonali rikonoxxut mil-komunità internazzjonali, u t-tkomplija tal-funzjonijiet governattivi tal-Awtorità Palestinjana fl-Istrixxa ta' Gaża; itenni t-talba tiegħu għat-tmiem tal-għeluq tal-Istrixxa ta' Gaża u għar-rikostruzzjoni urġenti u r-rijabilitazzjoni ta' din iż-żona;

8.  Jibqa' konvint li paċi dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani tista' tinkiseb biss f'kuntest reġjonali komprensiv bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali; jkompli jappoġġja l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi u għall-isforzi magħmula mill-Viċi President / ir-Rappreżentant Għoli fil-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani; jilqa' r-rapport tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani ta' Lulju 2016 u jappella għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; japprezza u jappoġġja l-ħidma tal-Kumitat ta' Kuntatt Ad Hoc, ippresedut min-Norveġja, bħala kontribut importanti għall-istat Palestinjan u għall-bini tal-ekonomija;

9.  Jappella għal Inizjattiva tal-paċi tal-Unjoni Ewropea bħala soluzzjoni għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina li jkollha l-għan li tikseb riżultati tanġibbli fi ħdan qafas ta' żmien stipulat, fil-qafas ta' soluzzjoni ta' żewġ stati, u b'mekkaniżmu ta' monitoraġġ u implimentazzjoni internazzjonali; jenfasizza l-importanza ta' parteċipazzjoni attiva flimkien ma' atturi internazzjonali oħrajn f'dan ir-rigward, partikolarment fil-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani; jappella għall-użu effettiv tal-ingranaġġ u l-istrumenti eżistenti tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati maż-żewġ partijiet sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' paċi, peress li l-azzjoni kkoordinata tal-UE tista' twassal għal riżultati;

10.  Jappella - fl-ispirtu ta' soluzzjoni ta' żewġ stati u tar-riżoluzzjoni Nru 2334(2016) tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU - għall-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' differenzjazzjoni bejn it-territorju tal-Istat ta' Iżrael u t-territorji Palestinjani okkupati (ix-Xatt tal-Punent, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, u l-Istrixxa ta' Gaża) fir-relazzjonijiet bilaterali tal-Unjoni Ewropea mal-Iżrael u l-Palestina, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Avviż Interpretattiv min-naħa tal-Istati Membri kollha;

11.  Jilqa' d-dikjarazzjonijiet ripetuti magħmula mill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar il-pakkett bla preċedent ta' appoġġ politiku, ekonomiku u ta' sigurtà liż-żewġ partijiet fil-kuntest ta' ftehim ta' status finali;

12.  Jitlob l-appoġġ u l-protezzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-atturi tas-soċjetà ċivili, inkluż l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, li jikkontribwixxu għall-isforzi tal-paċi u għall-bini tal-fiduċja bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani fuq iż-żewġ naħat, u jilqa' l-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-proċess ta' paċi permezz ta' ideat u inizjattivi innovattivi ġodda;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Knesset, lill-President u l-Gvern tal-Istat tal-Palestina, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-Awtorità Palestinjana, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab.

(1)

ĠU C 205, 19.7.2013, p. 9

(2)

ĠU C 375, 12.11.2015, p. 4.

Avviż legali