Proċedura : 2017/2692(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0388/2017

Testi mressqa :

B8-0388/2017

Dibattiti :

PV 31/05/2017 - 15
CRE 31/05/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 01/06/2017 - 7.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 421kWORD 51k
29.5.2017
PE605.491v01-00
 
B8-0388/2017

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu (2017/2692(RSP))


Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat, Martina Michels, Cornelia Ernst, Patrick Le Hyaric, Merja Kyllönen, Sofia Sakorafa, Stefan Eck, Malin Björk f'isem il-Grupp GUE/NGL
Bodil Valero, Pascal Durand, Benedek Jávor, Florent Marcellesi, Ernest Urtasun, Michèle Rivasi, Judith Sargentini, Margrete Auken, Eva Joly f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu (2017/2692(RSP))  
B8-0388/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-tieni inċiż, u mir-raba' sas-seba' inċiż tal-Artikolu 2, u t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(3), u l-Artikolu 6 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tat-7 ta' Diċembru 2000,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 2106 (2016) tal-20 ta' April 2016 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titolu "Renewed commitment in the fight against antisemitism in Europe" (Impenn imġedded fil-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Ewwel Kollokju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Kummissjoni, li sar fi Brussell fl-1 u t-2 ta' Ottubru 2015, taħt it-titolu "Tolleranza u rispett: il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-mibegħda anti-Semitika u anti-Musulmana fl-Ewropa",

–  wara li kkunsidra l-ħatra f'Diċembru 2015 ta' Koordinatur tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu,

–  wara li kkunsidra l-ħolqien f'Ġunju 2016 tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2013 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u r-reati ta' mibegħda(4),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) dwar "Antisemitism – Overview of data available in the European Union 2004-2014" (L-anti-Semitiżmu – Ħarsa ġenerali lejn id-data disponibbli fl-Unjoni Ewropea 2004-2014),

–  wara li kkunsidra l-attakki terroristiċi vjolenti mmirati kontra ċ-ċittadini Lhud li seħħew f'dawn l-aħħar snin f'diversi Stati Membri,

–  wara li kkunsidra r-responsabbiltà primarja tal-gvernijiet għas-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha tagħhom u, għalhekk, ir-responsabbiltà primarja tagħhom għall-monitoraġġ u l-prevenzjoni tal-vjolenza, inkluża l-vjolenza anti-Semitika, u li jieħdu passi legali kontra l-awturi tar-reati;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi rapporti riċenti tal-FRA juru żieda fil-biża' u l-insigurtà fost il-komunitajiet tal-Lhud, tal-migranti, tal-Musulmani u tar-Rom fl-UE; billi t-trawwim ta' soċjetà miftuħa, pluralistika u inklużiva bbażata fuq id-drittijiet fundamentali huwa kruċjali f'dan ir-rigward;

B.  billi l-għadd ta' inċidenti anti-Semitiċi fl-Istati Membri tal-UE żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, kif irrappurtat mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-FRA, fost korpi oħrajn;

C.  billi ġie rrappurtat li miżuri ta' sigurtà mmirati, ladarba ddaħħlu fis-seħħ, għenu biex ipprevenew u naqqsu l-għadd tal-attakki anti-Semitiċi vjolenti;

D.  billi l-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu hija r-responsabilità tas-soċjetà kollha kemm hi;

1.  Jenfasizza li d-diskors ta' mibegħda u t-tipi kollha ta' vjolenza kontra ċ-ċittadini Lhud Ewropej huma inkompatibbli mal-valuri tal-Unjoni Ewropea;

2.  Jikkundanna l-inċidenti kollha marbuta mar-reati u d-diskors ta' mibegħda mmotivati mir-razziżmu, il-ksenofobija jew l-intolleranza reliġjuża, jew minn preġudizzji kontra l-istatus ta' minoranza ta' persuna;

3.  Jistieden lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE jappoġġjaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fl-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jieħdu passi legali kontra l-attakki anti-Semitiċi b'mod aktar effiċjenti u effettiv;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jikkontribwixxu b'mod attiv biex jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini Lhudi tagħhom u tal-postijiet reliġjużi, edukattivi u kulturali tal-Lhud, f'konsultazzjoni u djalogu mill-qrib mal-komunitajiet, l-assoċjazzjonijiet u l-NGOs tal-Lhud, kif ukoll mal-NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-anti-diskriminazzjoni;

5.  Jilqa' l-ħatra ta' Koordinatur tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi l-għodod u l-appoġġ kollha meħtieġa biex din il-funzjoni tkun effettiva kemm jista' jkun;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jaħtru koordinaturi nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu;

7.  Iħeġġeġ lill-membri tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali u lill-mexxejja politiċi biex jikkundannaw b'mod sistematiku u pubblikament id-dikjarazzjonijiet anti-Semitiċi u jinvolvu ruħhom f'kontronarrattiva u f'diskorsi alternattivi, u biex iwaqqfu gruppi parlamentari mill-partiti kollha kontra l-anti-Semitiżmu sabiex isaħħu l-ġlieda fl-ispettru politiku kollu;

8.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-edukazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha tal-mibegħda u l-intolleranza, u jappella għal aktar appoġġ finanzjarju;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-midja tippromwovi r-rispett għal kull twemmin u l-apprezzament tad-diversità, u biex jindirizzaw il-forom kollha tal-anti-Semitiżmu u l-preġudizzji possibbli;

10.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri fejn l-invokazzjoni ta' motivi bbażati fuq ir-razza, l-oriġini nazzjonali jew etnika jew reliġjon jew twemmin s'issa għadha ma tikkostitwixxix fattur aggravanti f'reat kriminali, biex jirrimedjaw dan, u biex jaġixxu biex id-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali tiġi implimentata u infurzata b'mod sħiħ u kif suppost, sabiex jiġi żgurat li l-atti anti-Semitiċi jittieħdu passi kontrihom mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fuq l-internet kif ukoll offline;

11.  Jinsisti li l-awtoritajiet tal-infurzar jingħataw taħriġ immirat dwar il-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni, u dwar it-twaqqif ta' unitajiet dedikati kontra r-reati ta' mibgħeda fil-forzi tal-pulizija fejn tali unitajiet għadhom ma jeżistux, u jistieden lill-aġenziji tal-UE u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jassistu lill-Istati Membri fl-għoti ta' dan it-taħriġ;

12.  Jenfasizza l-importanza li kulħadd ikun konxju sewwa tad-drittijiet tiegħu f'termini ta' ħarsien mill-anti-Semitiżmu, u jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex iħeġġu r-rappurtar ta' reati anti-Semitiċi, u biex jiżguraw protezzjoni u appoġġ adegwati għall-persuni li jirrappurtaw dawn ir-reati u għall-vittmi;

13.  Iħeġġeġ il-kooperazzjoni transkonfinali fil-livelli kollha fil-prosekuzzjoni tar-reati ta' mibegħda;

14.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li tiġi stabbilita sistema komprensiva u effiċjenti għall-ġbir sistematiku ta' data affidabbli, relevanti u komparabbli dwar ir-reati ta' mibegħda, maqsuma skont il-motivazzjoni, inklużi atti ta' terroriżmu;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni rapida biex jipprevjenu u jiġġieldu d-diskors ta' mibegħda anti-Semitika online;

16.  Itenni li t-tolleranza interkulturali u interreliġjuża jeħtieġ li tiġi promossa permezz ta' sforzi kostanti u djalogu estensiv li jinvolvi l-atturi kollha fis-soċjetà, u fil-livelli kollha ta' governanza; jenfasizza li l-iskejjel joffru opportunità unika biex jittrażmettu l-valuri tat-tolleranza u r-rispett, peress li jilħqu lit-tfal kollha minn età bikrija;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim tal-Olokawst ("ix-Shoah") fl-iskejjel u biex jiżguraw li l-għalliema jkunu mħarrġa b'mod adegwat għal dan il-kompitu u mgħammra biex jindirizzaw id-diversità fil-klassi; jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri jikkunsidraw li jirrevedu l-kotba tal-iskola sabiex jiżguraw li l-istorja u l-ħajja kontemporanja tal-Lhud ikunu ppreżentati mingħajr ħjiel ta' anti-Semitiżmu;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet immirati u proġetti edukattivi kontra d-diskriminazzjoni u r-reati ta' mibegħda, biex jibnu u jsaħħu s-sħubijiet mal-komunitajiet, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Lhud Ewropej, u biex iħeġġu l-iskambji bejn tfal u żgħażagħ ta' twemmin differenti permezz ta' attivitajiet konġunti, u jniedu u jappoġġaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni f'dan ir-rigward;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib ma' atturi internazzjonali bħall-UNESCO, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ma' sħab internazzjonali oħra, sabiex jiġġieldu l-anti-Semitiżmu fil-livell internazzjonali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob status konsultattiv fi ħdan l-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawstu;

21.  Iħeġġeġ kull Stat Membru jikkommemora uffiċjalment il-Jum Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawstu fis-27 ta' Jannar;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lin-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(2)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0485.

(4)

ĠU C 36, 29.1.2016, p. 81.

Avviż legali