Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0390/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0390/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar stqarrija konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna

29.5.2017 - (2017/2586(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Bogdan Brunon Wenta, Norbert Neuser, Linda McAvan f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp


Proċedura : 2017/2586(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0390/2017
Testi mressqa :
B8-0390/2017
Testi adottati :

B8-0390/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar stqarrija konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna

(2017/2586(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim milħuq mill-Kunsill Affarijiet Barranin (Żvilupp), il-Kummissjoni Ewropea, u l-Parlament dwar Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ta' Diċembru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 bit-titolu "Transforming our World: The 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-Dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"), adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25 ta' Settembru 2015 fi New York,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppubblikata f'Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp – Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna" (COM(2016)0740),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp[1] u dik tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2005 b'tali mod li jirrifletti l-kuntest il-ġdid tal-iżvilupp globali wara l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), kif ukoll il-bidliet fl-istruttura ġuridika u istituzzjonali tal-UE minn mindu ġie adottat it-Trattat ta' Lisbona;

2.  Jenfasizza l-importanza tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid bħala dokument strateġiku ewlieni li jistabbilixxi viżjoni, valuri u prinċipji komuni, għall-UE u l-Istati Membri tagħha rigward l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-politiki ta' kooperazzjoni tagħhom għall-iżvilupp;

3.  Jilqa' r-rikonoxximent ċar mill-Kunsens il-ġdid li l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp huwa t-tnaqqis u, fit-terminu twil, il-qerda tal-faqar skont l-Artikolu 208 tat-TFUE; itenni li dan jenħtieġ li jsir f'konformità sħiħa mal-prinċipji ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi: is-sjieda tal-prijoritajiet għall-iżvilupp minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-enfasi fuq ir-riżultati, is-sħubiji inklużivi, u t-trasparenza u r-responsabbiltà;

4.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' responsabbiltà għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-SDGs u l-objettivi ta' 0,7 % tal-ODA/GNI (Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp/Dħul Nazzjonali Gross); jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippreżentaw skeda ta' żmien dwar kif dawn l-għanijiet u l-objettivi għandhom jintlaħqu gradwalment, u biex il-progress jiġi rrappurtat fuq bażi annwali lill-Parlament;

5.  Jappoġġja l-istqarrija konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.