Proċedura : 2017/2703(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0397/2017

Testi mressqa :

B8-0397/2017

Dibattiti :

PV 13/06/2017 - 11
CRE 13/06/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2017 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0264

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 430kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0397/2017
7.6.2017
PE605.506v01-00
 
B8-0397/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2017/2703(RSP))


Michèle Rivasi, Maria Heubuch, Heidi Hautala, Judith Sargentini, Bart Staes, Jordi Solé, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2017/2703(RSP))  
B8-0397/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet politiċi tar-RDK tal-31 ta' Diċembru 2016 u tat-18 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-18 ta' Mejju 2011 dwar l-isfidi għall-futur tad-demokrazija u r-rispett tal-ordni kostituzzjonali fil-pajjiżi tal-AKP u tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Unjoni Afrikana, mill-Unjoni Ewropea u mill-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie tas-16 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-kelliem tagħha dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, il-proċess elettorali u l-hekk imsejjaħ djalogu nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Marzu 2017, tas-17 ta' Ottubru u tat-23 ta' Mejju 2016 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Settembru 2015 tat-Tim ta' Mibgħuta u Rappreżentanti Internazzjonali għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar tal-Afrika dwar l-Elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-2 ta' Novembru u tal-15 ta' Awwissu 2016 tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun u fil-Kongo tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' nofs it-terminu tat-28 ta' Diċembru 2016 tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tat-12 ta' Frar 2015 mir-Rapporteur Speċjali tal-Unjoni Afrikana dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rapporteur Speċjali tal-Unjoni Afrikana dwar il-Ħabsijiet u l-Kundizzjonijiet ta' Detenzjoni fl-Afrika dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem wara l-avvenimenti marbuta mal-emenda għal-liġi elettorali fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Uffiċċju Konġunt tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem MONUSCO-OHCHR dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK fil-kuntest tal-avvenimenti tad-19 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-investigazzjoni preliminari mill-Uffiċċju Konġunt tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem MONUSCO-OHCHR dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza mwettqa matul id-dimostrazzjonijiet f'Kinshasa bejn id-19 u l-21 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, tas-27 ta' Lulju 2015, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-RDK u r-reġjun, li ġie ffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-UE tat-12 ta' Diċembru 2016 u tad-29 ta' Mejju 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou, iffirmat fit-23 ta' Ġunju 2000 u rivedut fil-25 ta' Ġunju 2005 u t-22 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet ta' Nairobi ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont il-Kostituzzjoni Kongoliża, l-elezzjonijiet huma skedati li jsiru fl-2016;

B.  billi l-Kostituzzjoni tistipula li l-President ma jistax iservi aktar minn żewġ mandati; billi, għaldaqstant, il-President attwali, Joseph Kabila, ma jistax jingħata t-tielet mandat;

C.  billi l-President Kabila għamel kull sforz possibbli biex jipposponi dawn l-elezzjonijiet;

D.  billi fil-31 ta' Diċembru 2016 il-partit Kongoliż fil-poter, l-AMP, u l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni prinċipali, ir-Raggruppament tal-Forzi għall-Bidla Soċjali u Politika (Raggruppament), iffirmaw ftehim politiku storiku, wara taħditiet bil-medjazzjoni tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (CENCO), li jiddeskrivi soluzzjoni politika għall-kriżi elettorali; billi l-ftehim jestendi l-mandat tal-President Kabila sal-elezzjoni ta' suċċessur qabel tmiem l-2017;

E.  billi ma sar ebda progress dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim, u billi s-CENCO rtirat r-rwol tagħha ta' medjazzjoni fl-aħħar ta' Marzu, minħabba l-istaġnar fl-implimentazzjoni tal-ftehim;

F.  billi, bi ksur tal-ftehim ta' Diċembru, il-President Kabila ma ħatarx Prim Ministru interim mill-oppożizzjoni;

G.  billi l-kriżi kostituzzjonali għadha qed tiġi akkumpanjata minn repressjoni severa tal-oppożizzjoni, fastidju fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-qtil u s-swat tad-dimostranti, għajbien, detenzjonijiet f'iżolament u r-repressjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni;

H.  billi l-libertà tal-espressjoni u dik tal-għaqda fil-pajjiż ġew ferm limitati, inkluż bl-użu eċċessiv tal-forza kontra dimostranti paċifiċi, ġurnalisti, mexxejja politiċi u persuni oħra li jopponu t-tentattivi tal-President Kabila li jibqa' fil-poter lil hinn mil-limitu ta' żewġ mandati;

I.  billi fil-kapitali Kongoliża, Kinshasa, il-forzi tas-sigurtà sparaw u qatlu mill-inqas 20 dimostrant li kienu niżlu bi ħġarhom fit-toroq biex jeżiġu r-riżenja ta' Kabila wara li skadielu l-mandat kostituzzjonali tiegħu;

J.  billi l-protesti preċedenti f'Settembru 2016 kontra l-fatt li l-President Kabila jibqa' fil-poter kienu wasslu għal repressjoni brutali tad-dimostranti u tal-forzi tal-oppożizzjoni; billi n-NU rrappurtaw 422 vittma ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'Kinshasa minn aġenti tal-Istat, inklużi l-qtil ta' 48 persuna u t-tidrib ta' 143 persuna, l-arrest u d-detenzjoni illegali ta' tmien ġurnalisti u ta' 288 persuna oħra, u l-ħerba ta' binjiet tal-partiti politiċi;

K.  billi l-istazzjon tar-radju appoġġjat min-NU, Radio Okapi u l-istazzjon tar-Radju u tat-Televiżjoni Belġjan tal-komunità Franċiża (RTBF) ġew imblukkati temporanjament; billi r-Radio France Internationale (RFI) f'Kinshasa ġie magħluq;

L.  billi n-NU u għadd ta' organizzazzjonijiet oħrajn li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem iddikjaraw li saru għadd kbir ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn uffiċjali tal-Istat u li kien hemm biss progress limitat fit-tressiq tal-awturi ewlenin ta' dawn l-abbużi quddiem il-qrati tal-ġustizzja;

M.  billi feġġ kunflitt ġdid fir-reġjun ċentrali ta' Kasai; billi f'Marzu 2017, żewġ membri ta' grupp ta' esperti tan-NU dwar tal-Kongo ġew maqtula, filwaqt li fl-istess xahar ribelli għamlu imbuskata u qatlu 40 uffiċjal tal-pulizija; billi, skont in-NU, il-ġlied bejn ir-ribelli u t-truppi tal-gvern wassal għal mill-inqas 500 persuna mejta u miljun rifuġjat; billi n-NU sabet 40 sit ta' oqbra tal-massa; billi l-forzi armati tar-RDK ġew akkużati li użaw forza eċċessiva, bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

N.  billi fit-8 ta' Marzu 2017, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, talab għall-ħolqien ta' kummissjoni ta' inkjesta biex tinvestiga l-vjolenza fir-reġjun ta' Kasai;

O.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Lvant għadha ta' tħassib ukoll;

P.  billi t-tħaffir informali, jew "artiġjanali", fil-minjieri jammonta għal waħda minn ħames unitajiet ta' produzzjoni ekonomika tal-pajjiż u jimpjega miljuni ta' nies fil-Lvant tal-Kongo; billi dan hu sors ta' dħul faċli kemm għar-ribelli kif ukoll għas-suldati korrotti tal-Gvern, u anki għan-negozjanti minn pajjiżi ġirien li joperaw direttament jew permezz ta' alleati armati lokali;

Q.  billi, bħala parti minn sforz biex jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-vjolenza fil-Lvant, il-Gvern tar-RDK, flimkien ma' 10 pajjiżi oħra u erba' istituzzjonijiet reġjonali u internazzjonali, adotta qafas biex jikkonsolida l-paċi fil-pajjiż fi Frar 2013; billi l-approċċi varji meħuda mill-Gvern Kongoliż u mis-sħab barranin tiegħu, inklużi l-programm ta' stabbilizzazzjoni, l-isforzi ta' demobilizzazzjoni u r-riforma tas-settur tas-sigurtà, ipproduċew riżultati fjakki;

1.  Jiddispjaċih bil-qawwi għad-dewmien fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li jmiss fir-RDK, li jikkostitwixxi ksur gravi tal-Kostituzzjoni tal-Kongo;

2.  Jilqa' l-ftehim politiku li ntlaħaq bejn il-partijiet Kongoliżi li jiddeskrivi soluzzjoni għall-kriżi attwali, jibqa' serjament imħasseb, madankollu, dwar l-istaġnar fl-implimentazzjoni tal-ftehim;

3.  Iħeġġeġ lill-President Kabila, għalhekk, jirrispetta t-termini tal-ftehim u jippermetti l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-2017, li għalihom ma għandux joħroġ bħala kandidat;

4.  Iħeġġeġ lill-Alleanza tal-Maġġoranza Presidenzjali jinnegozjaw in bona fide l-implimentazzjoni tal-ftehim u li ma tużax tattiki ta' dewmien li jippermettu lill-President Kabila jibqa' fil-poter aktar minn kemm diġà ilu;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kongoliż jindirizza immedjatament il-kwistjonijiet miftuħa relatati mas-sekwenza tal-kalendarju elettorali, il-baġit tiegħu u l-aġġornament tar-reġistru elettorali sabiex jippermetti li jsiru elezzjonijiet liberi, ġusti u trasparenti fix-xhur li ġejjin;

6.  Ifakkar li l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti jenħtieġ li tkun istituzzjoni imparzjali u inklużiva b'riżorsi suffiċjenti li jippermettu proċess trasparenti u komprensiv;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jirratifikaw il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza malajr kemm jista' jkun;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza kollha mwettqa, l-atti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali, l-intimidazzjoni politika ta' membri tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni, kif ukoll l-atti ta' ksur tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni mwettqa fil-kuntest tal-kriżi elettorali fir-RDK; jappella sabiex jinħelsu d-detenuti politiċi kollha; iqis li d-detenzjoni tagħhom tikkostitwixxi ksur serju tal-valuri fundamentali tal-Ftehim ta' Cotonou;

9.  Ifakkar fl-impenn li ħadet ir-RDK taħt il-Ftehim ta' Cotonou li tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà tal-espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni, il-governanza t-tajba u t-trasparenza fil-karigi politiċi; iħeġġeġ lill-gvern Kongoliż jirrispetta dawn id-dispożizzjonijiet bi qbil mal-Artikoli 11b, 96 u 97 tal-Ftehim ta' Cotonou;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kongoliżi jerġgħu jġibu lura ambjent li jwassal għall-eżerċizzju liberu u paċifiku tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea u l-libertà tal-istampa;

11.  Iqis dan il-pass bħala wieħed ta' importanza assoluta sabiex l-elezzjonijiet skedati jkunu ħielsa u ġusti, jekk finalment iseħħu;

12.  Jistieden lill-Gvern Kongoliż biex b'mod immedjat ineħħi l-Ordni Ministerjali Nru 010 CAB/M-CM/LMO/010/2016 tat-12 ta' Novembru 2016 dwar ir-regolament ta' servizzi ta' xandir fuq ir-radju u t-televiżjoni minn entitajiet barranin, għaliex din tqiegħed restrizzjonijiet bla ħtieġa fuq id-dritt ta' informazzjoni kif previst fl-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni tal-Kongo;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jiggarantixxu l-indipendenza u d-dover ta' rendikont tas-servizzi tas-sigurtà Kongoliżi, inklużi dawk tal-pulizija u tal-aġenzija tal-intelligence nazzjonali; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-UE tuża l-programmi eżistenti ta' ġustizzja u sigurtà fir-RDK bħala lieva għal djalogu mal-awtoritajiet Kongoliżi dwar ir-repressjoni li qed issir mill-forzi tas-sigurtà u biex tikkunsidra li ttemm dawn il-programmi jekk ma jsir l-ebda progress;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jinvestigaw, jipproċessaw u jissanzjonaw b'mod xieraq l-uffiċjali tal-forza tas-sigurtà u uffiċjali tal-intelligence u persuni oħra responsabbli għar-repressjoni vjolenti u illegali kontra l-attivisti, il-mexxejja tal-oppożizzjoni u dawk li opponew it-tentattivi mill-President Kabila li jestendi ż-żmien tiegħu fil-poter;

15.  Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha arrestati l-ħabs għal raġunijiet politiċi u biex jitwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontrihom; ifakkar li r-rilaxx tal-priġunieri politiċi huwa parti mill-miżuri għall-bini tal-fiduċja previsti fil-ftehim ta' Diċembru;

16.  Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti reċenti ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju mwettaq mill-milizzji lokali fir-reġjun ta' Kasai, inkluż ir-reklutaġġ u l-użu illegali ta' suldati tfal u l-qtil ta' persuni ċivili mwettqa minn membri tal-forzi tas-sigurtà tar-RDK, li jista' jikkostitwixxi delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali; jappella li ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-oqbra tal-massa li ġew skoperti u l-avvenimenti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa;

17.  Jinnota li l-awtoritajiet Kongoliżi damu biex implimentaw il-pjan tagħhom ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR) fil-Lvant; jistidinhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom u jistieden lill-komunità internazzjonali żżid l-appoġġ tagħha għal dan il-pjan;

18.  Jilqa' l-isforzi tal-awtoritajiet Kongoliżi biex jimplimentaw leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-kummerċ u l-ipproċessar ta' minerali fiż-żoni fejn hemm sfruttament illegali ta' minerali, bħal dawk ikkontrollati mill-gruppi armati; jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jsaħħu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom biex iwasslu fi tmiemu l-isfruttar illegali tar-riżorsi minerali u jħeġġeġ lir-RDK tkompli tagħmel l-isforzi ħalli tikkonforma mal-Inizjattiva ta' Trasparenza fl-Industriji Estrattivi;

19.  Jiddispjaċih dwar l-approċċ ferm indulġenti tal-UE għall-kriżi fir-RDK, u ma jifhimx għaliex l-UE għadha ma bdietx konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, minkejja l-ksur kontinwu tad-dispożizzjonijiet ewlenin ta' dan il-ftehim mill-awtoritajiet tar-RDK;

20.  Jilqa', madankollu, il-fatt li l-UE finalment imponiet sanzjonijiet immirati fuq dawk responsabbli għar-repressjoni kontra l-oppożizzjoni u d-dewmien tal-elezzjonijiet, inklużi projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

 

Avviż legali