Proċedura : 2017/2703(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0398/2017

Testi mressqa :

B8-0398/2017

Dibattiti :

PV 13/06/2017 - 11
CRE 13/06/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2017 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0264

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 429kWORD 53k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0397/2017
7.6.2017
PE605.507v01-00
 
B8-0398/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2017/2703(RSP))


Hilde Vautmans, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2017/2703(RSP))  
B8-0398/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet politiċi li ntlaħqu fir-RDK fit-18 ta' Ottubru 2016 u fil-31 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-RDK, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2293(2016) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet fuq ir-RDK u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti, u r-riżoluzzjoni 2277(2016) dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tal-Organizzazzjoni tan-NU fir-RDK (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Lulju 2016, tal-21 ta' Settembru 2016 u tal-24 ta' Frar 2017 dwar is-sitwazzjoni fir-RDK, u l-istqarrija għall-istampa tad-29 ta' Marzu 2017 dwar il-mewt ta' żewġ membri tal-Grupp ta' Esperti dwar ir-RDK,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tas-6 ta' Marzu 2017 dwar ir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2015, li ġie adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo mill-Unjoni Afrikana, min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Unjoni Ewropea u mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija tas-16 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE fis-27 ta' Jannar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prinċipji li Jirregolaw l-Elezzjonijiet Demokratiċi fl-Afrika (2002),

–  wara li kkunsidra l-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Repubblika Demokratika tal-Kongo ġarrbet ħafna tixtrid ta' demm u ripressjoni politika brutali fit-tħejjija għall-iskadenza tad-19 ta' Diċembru 2016 li mmarkat it-tmiem tal-limitu ta' żewġ mandati kostituzzjonali tal-President Joseph Kabila;

B.  billi fil-31 ta' Diċembru 2016, bil-medjazzjoni tal-knisja, intlaħaq ftehim dwar it-tranżizzjoni paċifika politika bejn il-gvern u l-oppożizzjoni; billi l-ftehim ippreveda li t-tranżizzjoni politika tintemm mal-elezzjonijiet presidenzjali li se jsiru fi tmiem l-2017 minn gvern tranżitorju; billi l-ftehim qiegħed il-pedamenti għal Kunsill Tranżizzjonali Nazzjonali inkarigat mit-twettiq tal-ftehim;

C.  billi l-mewt fl-1 ta' Frar 2017 tal-mexxej tal-oppożizzjoni Etienne Tshisekedi, li kellu jmexxi l-Kunsill Nazzjonali ta' Tranżizzjoni, wasslet għal ġlieda dwar is-suċċessjoni bejn il-mexxejja tal-oppożizzjoni u argument mal-gvern dwar min għandu jieħu post is-Sur Tshisekedi bħala mexxej tal-koalizzjoni tal-oppożizzjoni magħrufa bħala r-"Rassemblement"; billi ġisem is-Sur Tshisekedi għadu jinsab f'kamra mortwarja fi Brussell minħabba tilwim fit-tul bejn il-familja tiegħu, il-partit tiegħu u l-awtoritajiet Kongoliżi dwar fejn għandu jiġi midfun;

D.  billi l-progress fl-implimentazzjoni tal-ftehim waqaf u mmultiplika ruħu l-ġlied żgħir; billi, riżultat ta' dan u minħabba n-nuqqas ta' rieda politika sinċiera biex jintlaħaq ftehim, l-isqfijiet Kattoliċi li ppruvaw isibu arranġament ta' kondiviżjoni tal-poter bejn il-gvern u l-oppożizzjoni temmew il-missjoni tagħhom fis-27 ta' Marzu 2017; billi l-President Joseph Kabila ħa din l-opportunità biex jilgħab logħba li taqbel lilu, billi biddel il-gvern tiegħu fis-16 ta' April 2017 f'dak li jista' jidher bħala tentattiv biex jippaċifika lill-oppożizzjoni;

E.  billi, skont il-ftehim tal-31 ta' Diċembru 2016, il-President Joseph Kabila kellu jibqa' fil-kariga sakemm isiru l-elezzjonijiet sa tmiem l-2017; billi kien hemm bżonn li jiġi aġġornat u vverifikat ir-reġistru elettorali qabel l-elezzjonijiet; billi tim ta' seba' esperti maħtura mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija, fuq talba tal-Bord Elettorali Kongoliż, wettaq missjoni biex jevalwa r-reġistrazzjoni tal-votanti f'Kinshasa, Goma u ħames distretti elettorali oħra fiċ-Ċentru tal-Kongo; billi t-tim tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija ddikjara li l-proċess ta' reġistrazzjoni beda sew iżda hemm bżonn urġenti li jitwessa' biex ikopri t-territorju Kongoliż kollu, minkejja l-isfidi tas-sigurtà, u li jiġi ppubblikat il-kalendarju elettorali;

F.  billi l-istaġnar politiku qed jikkontribwixxi għall-inkwiet li diġà qed jiżdied fil-pajjiż kollu, b'kunflitti vjolenti fil-livell provinċjali f'Ituri u fit-Tramuntana u n-Nofsinhar ta' Kivu; billi ġie rrappurtat aktar ġlied f'Tanganika, fil-fruntiera bejn is-Sudan t'Isfel u ċ-Ċentru tal-Kongo; billi l-istupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali qed jintużaw bħala armi tal-gwerra mill-partijiet kollha involuti f'kunflitti li ilhom jeżistu, b'mod partikolari fil-provinċja tal-Lvant ta' Kivu;

G.  billi sa minn Awwissu 2016 mijiet inqatlu fi ġlied bejn il-milizzji u l-forzi tal-gvern fir-reġjun ta' Kasaï, u l-kriżi laħqet livell inkwetanti ħafna bil-qtil tal-kap konvenzjonali Kamwina Nsapu; billi, skont in-NU, il-vjolenza fatali f'Kasaï ġiegħlet lil aktar minn miljun ruħ iħallu djarhom f'dawn l-aħħar tmien xhur, u ħalliet lil 400 000 tifel u tifla f'riskju li jmutu bil-ġuħ u 400 persuna tilfu ħajjithom minn Settembru 2016 'l hawn; billi n-Nazzjonijiet Uniti ddokumentaw 40 oqbra tal-massa f'Kasaï sa minn Awwissu 2016; billi 165 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem Kongoliżi talbu li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar il-ksur enormi tad-drittijiet tal-bniedem fil-provinċji ta' Kasaï u Lomami, u ddikjaraw li kemm il-forzi governattivi kif ukoll il-ġellieda tal-milizzja huma involuti f'dawn id-delitti;

H.  billi żewġ esperti tan-Nazzjonijiet Uniti li kienu qed jinvestigaw l-istupri, il-massakri u l-isfruttar tar-riżorsi naturali, is-Sa Zaida Catalan u s-Sur Michael Sharp, sfaw maqtula b'tiri minn grupp ta' rġiel f'Marzu 2017 fir-reġjun irrekwiet ta' Kasaï; billi fil-21 ta' Mejju 2017 l-awtoritajiet Kongoliżi stqarru li kienu lestew l-investigazzjoni tal-qtil taż-żewġ esperti u li żewġ persuni suspettati fil-każ dalwaqt kienu se jgħaddu ġuri; billi fit-23 ta' Mejju 2017 issejħet laqgħa biex taġġorna lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-investigazzjonijiet dwar l-imwiet; billi s-Sa Catalan ħalliet aktar minn 100 fajl ġo folder fil-kompjuter tagħha, inklużi fajls li fihom evidenza li tal-anqas wieħed mill-uffiċjali tal-gvern jista' jkun involut fil-vjolenza tal-milizzja;

I.  billi fit-12 ta' Diċembru 2016 l-Unjoni Ewropea adottat sanzjonijiet li jimponu projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi kontra seba' individwi Kongoliżi, u fid-29 ta' Mejju 2017, biex tindirizza s-sitwazzjoni deterjoranti fil-pajjiż, estendiet dawn is-sanzjonijiet kontra disa' uffiċjali oħra għolja tas-sigurtà;

J.  billi skont ir-rapport globali taċ-Ċentru ta' Monitoraġġ dwar l-Ispostament Intern, kif ikkwotat mill-Kunsill Norveġiż għar-Rifuġjati fit-22 ta' Mejju 2017, ir-RDK għandha l-ikbar numru fid-dinja ta' rifuġjati interni li qed jaħarbu l-kunflitt, b'aktar minn 922 000 ruħ li kienu mġiegħla jitilqu minn djarhom fl-2016; billi 2.2 miljun ruħ huma spostati internament u aktar minn 550 000 persuna ħarbu mill-pajjiż, u billi huwa stmat li 7.3 miljun ruħ jeħtieġu għajnuna umanitarja;

K.  billi fit-30 ta' Mejju 2017 l-UNICEF irrappurtat li aktar minn 9 000 tifel u tifla li waslu f'żewġ ċentri ta' akkoljenza temporanji f'Dundo (belt fit-Tramuntana tal-Angola), wara li ħarbu mir-RDK, jeħtieġu appoġġ urġenti, u żiedet tgħid li, sal-lum, aktar minn 25 000 rifuġjat waslu fl-Angola wara li ħarbu mill-vjolenza tal-provinċji ta' Kasaï tar-RDK; billi l-provvista tal-ikel lil bliet bħal Kananga, Tshikapa, Luebo, Mbuji Mayi, Muene, Ditu u Luiza saret partikolarment diffiċli, bil-popolazzjoni qed tmut bil-ġuħ u l-ordni soċjali mfixkla;

L.  billi, minbarra l-instabbiltà politika, l-ekonomija Kongoliża qed tbati kaġun tad-deprezzament rapidu tal-valuta u riżerva barranija baxxa minħabba prezzijiet dgħajfa tal-minerali, b'żieda allarmanti fl-inflazzjoni minn inqas minn 2 % fl-2015 għal aktar minn 25 % fl-2016; billi r-RDK tinsab fl-inqas għaxar perċentil tal-pajjiżi l-inqas żviluppati fid-dinja, u tinsab fil-176 post minn fost 188 pajjiż elenkati fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem fid-dinja, kif irrapportat mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP);

1.  Jikkundanna bl-ikbar severità l-qtil tal-kap Kamwina Nsapu, il-mexxej oriġinarju tar-rewwixta popolari fi Grand Kasaï; jieħu nota tar-rilaxx tal-fdalijiet tal-ġisem ta' Kamwina Nsapu, biex ikun jista' jiġi midfun bħala l-kap konvenzjonali li kien skont ir-ritwali u d-drawwiet tal-antenati; jeżiġi lill-Gvern tar-RDK jippermetti r-ripatrijazzjoni ta' ġisem Etienne Tshisekedi sabiex ikun jista' jiġi midfun fil-pajjiż nattiv tiegħu;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-oqbra tal-massa skoperti fir-reġjun ta' Gran Kasaï u l-qawmien mill-ġdid tal-vjolenza fil-partijiet tat-Tramuntana u tal-Lvant tad-RDK; jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, kien min kien l-awtur; jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi, fid-dawl tal-involviment tal-forzi governattivi f'dawn l-avvenimenti, biex jiffaċilitaw mingħajr dewmien it-tnedija ta' investigazzjoni internazzjonali indipendenti; jenfasizza li l-vjolenza sesswali mhix se tispiċċa sakemm l-awturi, inklużi l-mexxejja b'responsabbiltà ta' kmand, jitressqu quddiem il-ġustizzja;

3.  Jerġa' jafferma l-appoġġ qawwi tiegħu għall-ftehim politiku tal-31 ta' Diċembru 2016, u l-appell tiegħu għal elezzjonijiet paċifiċi, kredibbli, liberi, ġusti u inklużivi sa Diċembru 2017, li jwasslu għal trasferiment demokratiku tal-poter; jistieden lill-partijiet kollha Kongoliżi sabiex jerġgħu lura għal mentalità aktar pożittiva u produttiva, u biex iżommu r-rieda tajba politika li wasslet għall-iffirmar tal-ftehim, u b'hekk jiġi evitat aktar nuqqas ta' sigurtà fir-RDK;

4.  Jitlob lill-Gvern tar-RDK biex jimplimenta bis-sħiħ miżuri għall-bini ta' fiduċja; ifakkar li t-tħassib dwar is-sigurtà jenħtieġ li ma jdewwimx it-tħejjija attiva, in bona fide, tal-elezzjonijiet li joffru l-uniku u l-aħjar mod kif jistgħu jiġu żgurati l-paċi u s-sigurtà dewwiema fir-RDK;

5.  Itenni l-impenn tiegħu li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-ftehim, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Unjoni Afrikana u mekkaniżmi reġjonali, kif ukoll id-determinazzjoni tiegħu biex ikompli jsegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fir-RDK, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-kundizzjonijiet tas-sigurtà fuq il-post u l-isforzi biex jiġi konkluż b'suċċess proċess elettorali kredibbli;

6.  Jappella għal aktar miżuri urġenti li għandhom jittieħdu sabiex jiġi ffissat kalendarju elettorali u jiġi pprovdut baġit realistiku u kunsenswali, b'tali mod li l-elezzjonijiet ikunu jistgħu jsiru qabel tmiem l-2017; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti u r-rwol kruċjali tagħha li trid tiżvolġi fl-implimentazzjoni ta' proċess elettorali kredibbli u demokratiku;

7.  Jesprimi tħassib serju dwar il-ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq mill-milizzji lokali, inkluż ir-reklutaġġ u l-użu illegali ta' suldati tfal, kif ukoll il-qtil ta' persuni ċivili minn membri tal-forzi tas-sigurtà tar-RDK, u li dan kollu jista' jikkostitwixxi delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali;

8.  Jikkundanna bil-qawwa kollha l-qtil taż-żewġ esperti tan-NU li kienu qed jaħdmu sabiex jippromwovu l-paċi u s-sigurtà fil-pajjiż; jesprimi l-kondoljanzi profondi tiegħu lill-familji tagħhom; jeżiġi li jinxteħet dawl sħiħ fuq din il-kriminalità serja, u jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib man-NU f'investigazzjonijiet sussegwenti; jappoġġa b'mod sħiħ lill-Grupp ta' Esperti tan-NU, li l-membri tiegħu qed iwettaq xogħol essenzjali fir-RDK;

9.  Jilqa' s-sanzjonijiet adottati mill-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Diċembru 2016 kontra seba' individwi Kongoliżi, u fid-29 ta' Mejju 2017 kontra disa' uffiċjali oħra Kongoliżi, li jimponu projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi; jilqa' d-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex tqiegħed lill-Ġeneral François Olenga, kap tal-bord militari tal-President Kabila, fuq lista ta' "ċittadini magħżula speċifikament", tiffriża kwalunkwe assi li għandu fl-Istati Uniti filwaqt li ċ-ċittadini tal-Istati Uniti jiġu pprojbiti milli jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet finanzjarji miegħu; jitlob li jsiru aktar investigazzjonijiet, u jiġu estiżi sanzjonijiet kontra l-persuni responsabbli, fl-ogħla livell tal-gvern, għall-vjolenza u d-delitti mwettqa fir-RDK u għas-serq tar-riżorsi naturali tagħha, f'konformità mal-investigazzjonijiet imwettqa mill-Grupp ta' Esperti tan-NU; jenfasizza li s-sanzjonijiet iridu jinkludu l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni ta' dħul fl-UE;

10.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għal MONUSCO u r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju-Ġenerali għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jiddispjaċih għall-azzjonijiet passivi ta' 17 000 ruħ fil-forza tal-MONUSCO, il-missjoni l-aktar importanti tan-NU f'termini ta' forzi u ta' baġit, u li – bl-eċċezzjoni tal-Brigata għall-Intervent ta' 3000 ruħ – ma toffri l-ebda protezzjoni effikaċi għall-popolazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2348(2017) li tawwlet il-mandat tal-MONUSCO sal-31 ta' Marzu 2018; jenfasizza li l-mandat oriġinali u attwali, li japplika għat-truppi kollha tan-NU fil-pajjiż, huwa "li jinnewtralizza l-gruppi armati"; jirrikjedi lill-forza tal-MONUSCO kollha biex tintervjeni u tipproteġi l-popolazzjoni minn gruppi armati, tipproteġi lin-nisa mill-istupru u mill-vjolenza sesswali oħra, u li ma tippermetti ebda limitazzjoni fuq il-bażi ta' kmand nazzjonali;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Presidenti, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

 

Avviż legali