Proċedura : 2017/2703(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0400/2017

Testi mressqa :

B8-0400/2017

Dibattiti :

PV 13/06/2017 - 11
CRE 13/06/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2017 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0264

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 418kWORD 50k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0397/2017
7.6.2017
PE605.510v01-00
 
B8-0400/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2017/2703(RSP))


Charles Tannock, Arne Gericke, Anna Elżbieta Fotyga f'isem il-Grupp ECR

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2017/2703(RSP))  
B8-0400/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-RDK dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet politiċi li ntlaħqu fir-RDK fil-31 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Jannar 2017 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-falliment tat-tentattiv għall-ilħiq ta' ftehim fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 dwar ir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-RDK, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni 2348 (2017) dwar is-sitwazzjoni fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta’ Marzu 2017 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-24 ta' Frar 2017 dwar is-sitwazzjoni fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE (EOM) fir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Jannar 2017 mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Programm Nazzjonali Indikattiv tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2014-2020), li jagħti prijorità lit-tisħiħ tad-demokrazija, tal-governanza u tal-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-18 ta' Mejju 2011 dwar l-isfidi għall-futur tad-demokrazija u r-rispett tal-ordni kostituzzjonali fil-pajjiżi tal-AKP u tal-UE, u tas-27 ta' Novembru 2013 dwar ir-rispett tal-istat tad-dritt u r-rwol ta' ġudikatura imparzjali u indipendenti,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kongoliża,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prinċipji li Jirregolaw l-Elezzjonijiet Demokratiċi fl-Afrika tal-2002,

–  wara li kkunsidra l-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi tar-RDK sofriet ċikli kontinwi ta’ kunflitt, vjolenza interkomunali u ġlied bejn milizzji rivali, inklużi attakki fuq persuni ċivili paċifiċi, istituzzjonijiet reliġjużi, membri tas-soċjetà ċivili u l-forzi tan-NU għaż-żamma tal-paċi;

B.  billi l-President Joseph Kabila naqas milli jimplimenta l-“ftehim politiku komprensiv u inklużiv” li ntlaħaq ftehim dwaru f’Kinshasa fil-31 ta’ Diċembru 2016, li taħtu huwa ħa l-impenn li jorganizza elezzjonijiet liberi u jaffettwa tranżizzjoni bla intoppi tas-setgħa sa tmiem l-2017;

C.  billi l-isqfijiet Kattoliċi tal-pajjiż li kienu medjaturi għall-ftehim ta’ Diċembru 2016 irtiraw minn negozjati ulterjuri, filwaqt li semmew nuqqas ta’ rieda politika biex tingħata prijorità lill-interessi tan-nazzjon u lis-sigurtà;

D.  billi l-President Kabila jiddikjara li l-Gvern tiegħu ma jistax iħallas EUR 1.6 miljun għall-ispejjeż tal-elezzjonijiet u uża dan bħala ġustifikazzjoni biex ma jsirux l-elezzjonijiet;

E.  billi instabu 42 qabar tal-massa li jinstabu fir-reġjun ta' Kasai, b’tal-inqas 30 minnhom li fihom tfal li huwa maħsub li nqatlu minn suldati;

F.  billi tal-anqas 500 ruħ inqatlu fir-reġjun ta' Kasai fl-2017 s’issa, li minnhom 85 kienu uffiċjali tal-pulizija, 39 suldati u 390 ribelli;

G.  billi aktar minn 2.2 miljun persuna ħarbu minn darhom sa mill-2013, u nofshom ħarbu f’din l-aħħar sena biss;

H.  billi aktar minn 400 000 tifel u tifla huma f’riskju ta’ ġuħ estrem u billi l-UNICEF u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għandhom bżonn ta’ aktar fondi sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet fir-RDK;

I.  billi r-RDK qed tiffaċċa epidemiji qawwijin ta’ kolera u Ebola; billi din is-sena biss 10 982 każ ta’ kolera u 349 mewt ġew irreġistrati fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u madwar 400 persuna qed jiġu trattati morda bl-Ebola;

J.  billi l-President Kabila ġie akkużat b’involviment fi trasferimenti bankarji suspettużi u bejgħ dubjuż ta’ drittijiet tat-tħaffir li jiswew madwar EUR 85 miljun li jista’ jwassal għal opportunitajiet ta’ ħasil tal-flus;

K.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ġedded il-mandat tal-MONUSCO ta' EUR 1 biljun għal sena oħra minħabba l-eskalazzjoni tal-vjolenza fil-pajjiż kollu, għalkemm jaf sew li l-MONUSCO hija l-akbar missjoni tan-NU u l-aktar li tiswa flus, b’madwar 22 400 suldat u uffiċjal tal-pulizija;

L.  billi żewġ investigaturi ta' livell għoli tan-NU f’Marzu 2017 ġew maħtufa u maqtula fil-provinċja ċentrali ta' Kasai;

1.  Ifakkar lill-Gvern tar-RDK li hija r-responsabilità ewlenija tal-istat li jipproteġi ċ-ċivili kollha fit-territorju tiegħu minn kull att ta’ vjolenza, inklużi delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

2.  Jesprimi tħassib serju dwar l-atroċitajiet, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, ir-reklutaġġ ta’ suldati tfal, ix-xkiel għall-assistenza umanitarja u l-ħidma tan-NU għaż-żamma tal-paċi, u l-isfruttament tar-riżorsi naturali għall-finanzjament ta’ individwi involuti f’attivitajiet illegali u inumani;

3.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jimplimenta immedjatament il-"ftehim politiku komprensiv u inklużiv" li ntlaħaq ftehim dwaru f’Kinshasa fil-31 ta’ Diċembru 2016, u jitolbu jorganizza elezzjonijiet paċifiċi u leġittimi filwaqt li tiġi żgurata tranżizzjoni bla intoppi tas-setgħa skont il-Kostituzzjoni Kongoliża, u sa tmiem l-2017;

4.  Jirrikonoxxi li r-reġistrazzjoni tal-votanti tirrappreżenta sfida sinifikanti fir-RDK, filwaqt li jilqa’ rapporti bikrija ta’ progress tajjeb fir-reġistrazzjoni bl-għajnuna tal-MONUSCO; jinsisti, għalhekk, li l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni m’għandhiex tintuża mill-President jew mill-Gvern tiegħu bħala raġuni biex jipposponi l-elezzjonijiet;

5.  Jenfasizza l-importanza ta’ elezzjonijiet liberi, ġusti u organizzati tajjeb, u jistieden lill-Gvern tar-RDK u l-imsieħba reġjonali tiegħu biex jiżguraw li dawn ikunu qed jitmexxew b’mod trasparenti u kredibbli;

6.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-elezzjonijiet li ġejjin qed jintużaw biex jiżdied in-nuqqas ta’ stabilità fil-Lvant tar-RDK, ikkawżati parzjalment minn atturi esterni, u qed tissokta l-estrazzjoni ta’ minerali illegali;

7.  Jilqa’ d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2016 u tad-29 ta’ Mejju 2017 li jimponi miżuri restrittivi fuq 16-il uffiċjal statali fir-RDK li kienu involuti, direttament jew indirettament, fit-theddid tal-paċi u s-sigurtà jew li imminaw il-proċessi demokratiċi fil-pajjiż;

8.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jikkunsidraw li jieħdu aktar miżuri bħal dawn kontra individwi u/jew organizzazzjonijiet involuti f’kollużjoni jew istigazzjoni tal-isfruttament tar-riżorsi naturali fir-RDK, jew fl-ippjanar u/jew fl-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi ta’ ħasil tal-flus bl-għan li jsostnu l-Gvern ta' Kabila;

9.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana, in-NU u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali oħra biex jorganizzaw taħditiet dwar strateġija ta' 'ħruġ' tal-President Kabila;

10.  Jikkundanna l-vjolazzjonijiet kollha tad-dritt umanitarju internazzjonali imwettqa mill-Forzi Armati tar-RDK (FARDC), il-Gwardja Repubblikana, il-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNC) u l-Aġenzija tal-Intelligence Nazzjonali (ANR) kontra gruppi tal-oppożizzjoni, persuni ċivili u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jibqgħu lura minn provokazzjoni u vjolenza;

11.  Jitlob ir-rilaxx immedjat ta’ dawk kollha li ġew arrestati b’mod illegali, inklużi ġurnalisti, membri tal-oppożizzjoni u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

12.  Jitlob investigazzjoni immedjata u indipendenti dwar l-iskoperta ta’ 42 qabar tal-massa fir-reġjun ta' Kasai, u jappella għall-prosekuzzjoni ta’ dawk responsabbli mill-imwiet skont il-liġi domestika u dik internazzjonali;

13.  Jikkundanna l-ħtif u l-qtil ta’ żewġ investigaturi ta’ livell għoli tan-Nazzjonijiet Uniti f'Kasai, f’Marzu 2017;

14.  Jilqa’ b’sodisfazzjon it-titwil tal-mandat tal-MONSUCO u jenfasizza l-importanza kbira tiegħu biex jipproteġi liċ-ċivili minn vjolenza mwettqa mill-gvern u l-forzi tal-milizzja;

15.  Ifakkar lill-Gvern tar-RDK li huwa parti għall-Istatut ta’ Ruma u li xi wħud mill-atti li qed jibqgħu jseħħu fil-pajjiż jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Presidenti, lill-Prim Ministri u lill-Parlamenti tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-Gabon, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

 

Avviż legali