Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0436/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0436/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-risposta tal-UE għall-HIV/AIDS, it-Tuberkulożi u l-Epatite C

27.6.2017 - (2017/2576(RSP))

imressqa wara l-Mistoqsijiet għal Tweġiba Orali B8-0321/2017
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Françoise Grossetête, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Urszula Krupa, Frédérique Ries, Kateřina Konečná, Martin Häusling, Piernicola Pedicini, Mireille D’Ornano f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Proċedura : 2017/2576(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0436/2017
Testi mressqa :
B8-0436/2017
Testi adottati :

B8-0436/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-risposta tal-UE għall-HIV/AIDS, it-Tuberkulożi u l-Epatite C

(2017/2576(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE[1],

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għar-risposta tas-settur tas-saħħa għall-HIV fir-reġjun Ewropew, li jindirizza l-istrateġija tas-settur tas-saħħa globali dwar l-HIV għall-perjodu 2016-2021,

–  wara li kkunsidra r-rapport epidemologiku annwali tal-2014 taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) dwar infezzjonijiet trażmessi sesswalment, inklużi l-HIV u viruses li jittieħdu mid-demm,

–  wara li kkunsidra r-rieżami sistematiku tal-2016 tal-ECDC dwar il-prevalenza tal-epatite B u C fl-UE/fiż-ŻEE,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-ħepatite Ċ[2],

–  wara li kkunsidra l-gwida dwar il-kontroll tat-tuberkulożi f'popolazzjonijiet vulnerabbli u diffiċli biex jintlaħqu, maħruġa fl-2016 mill-ECDC,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni 2016-2020 tad-WHO dwar it-tuberkulożi fir-reġjun Ewropew[3],

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa informali tal-Ministri tas-Saħħa tal-UE li saret fi Bratislava fit-3 u l-4 ta' Ottubru 2016, fejn l-Istati Membri qablu li jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-iżvilupp ta' qafas ta' politika integrat tal-UE dwar l-HIV, it-tuberkulożi u l-epatite virali,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal- Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016, bit-titolu "Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli", li tiġbor fiha d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll il-governanza, fl-UE u madwar id-dinja, fejn il-Kummissjoni Ewropea tiddikjara li "se tikkontribwixxi billi tissorvelja, tirrapporta u twettaq rieżami tal-progress lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli f'kuntest tal-UE" (COM(2016)0739),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Riga dwar it-Tuberkulożi u r-Reżistenza Għal Ħafna Mediċini tagħha magħmula waqt l-ewwel Konferenza Ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant dwar dan is-suġġett li saret f'Riga fit-30-31 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-ewwel Strateġija Globali tas-Settur tas-Saħħa dwar l-epatite virali 2016-2021, adottata mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f'Mejju 2016, li tenfasizza r-rwol kruċjali ta' kopertura universali tas-saħħa u li l-għanijiet tagħha huma allinjati mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, jiġifieri li sal-2030 il-każijiet ġodda ta' epatite virali jitnaqqsu b'90 %, u r-rata ta' mortalità b'65 %, u finalment li l-epatite virali tinqered bħala theddida għas-saħħa pubblika,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tad-WHO/Ewropa għar-risposta tas-settur tas-saħħa għall-epatite virali fir-reġjun Ewropew tad-WTO li l-għan ġenerali tiegħu hu l-qerda tal-epatite virali bħala theddida għas-saħħa pubblika fir-reġjun Ewropew sal-2030, permezz tat-tnaqqis tal-morbidità u tal-mortalità dovuti għall-epatite virali u l-kumplikazzjonijiet tagħha, u filwaqt li jiġi żgurat aċċess ekwu għas-servizzi rakkomandati ta' prevenzjoni, ittestjar, kura u trattament għal kulħadd;

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew tad-WHO għall-HIV/AIDS 2012-2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-għażliet biex jitjieb l-aċċess għall-mediċini[4], fejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mħeġġa jadottaw pjanijiet strateġiċi biex jiżguraw aċċess għal mediċini li jsalvaw il-ħajja u jikkoordinaw pjan biex jeqirdu l-epatite C fl-Unjoni Ewropea bl-użu ta' għodod bħas-sistema Ewropea ta' akkwist konġunt,

–  wara li kkunsidra l-qafas tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-SDG 3 li jinkludi l-objettiv li sal-2030 jintemmu l-epidemiji tal-HIV u tat-tuberkulożi, u li ssir ġlieda kontra l-epatite,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Berlin dwar it-Tuberkulożi – "Ilkoll Kontra t-Tuberkulożi" (EUR/07/5061622/5, Forum Ministerjali Ewropew tad-WHO, 74415), tat-22 ta' Ottubru 2007,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-HIV/AIDS, it-Tuberkulożi u l-Epatite C (O-000045/2017 – B8-0321/2017),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-ECDC, waħda minn kull seba' persuni li qed jgħixu bl-HIV ma tafx li hija infettata, u huwa stmat li jgħaddu madwar erba' snin bejn l-infezzjoni tal-HIV u d-dijanjożi; billi dawk milquta mill-HIV li ma jkunux ġew iddijanjostikati għandhom il-probabilità ta' 3.5 darbiet aktar li jittrażmettu l-HIV minn dawk li ġew iddijanjostikati;

B  billi d-Dikjarazzjoni ta' Dublin dwar Sħubija għall-Ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali kienet ta' importanza sinifikanti fl-istabbiliment ta' qafas ta' monitoraġġ armonizzat fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, li jippermetti li jiġi ssorveljat il-progress fil-ġlieda kontra l-HIV;

C.  billi hemm evidenza qawwija li l-profilassi qabel l-esponiment huwa effettiv biex jipprevjeni l-infezzjoni u li l-użu ta' trattament antiretrovirali jelimina kważi kompletament ir-riskju ta' trażmissjoni meta t-tagħbijiet virali jitnaqqsu għal livelli mhux traċċabbli[5];

D.  billi, fl-2015, għalkemm l-infezzjonijiet ġodda ta' HIV fost il-persuni li jinjettaw id-droga komplew jonqsu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea (UE/ŻEE), kwart tal-każijiet il-ġodda kollha ta' HIV dijanjostikati u rappurtati f'erba' pajjiżi kienu attribwiti għat-teħid tad-droga fil-vina;

E.  billi l-infezzjonijiet ġodda tal-HIV dovuti għat-trażmissjoni mill-ġenituri għat-tfal u mit-trasfużjonijiet tad-demm ġew virtwalment eliminati fl-UE/fiż-ŻEE;

F.  billi t-tuberkulożi (TB) u t-tuberkulożi reżistenti għal ħafna mediċini (MDR-TB), peress li jikkostitwixxu mard li jinġarr mill-arja, huma theddidiet transfruntieri għas-saħħa f'dinja globalizzata fejn il-mobilità tal-popolazzjoni qed tiżdied;

G.  billi l-epidemjoloġija tat-TB tvarja minn fl-UE/iż-ŻEE u tiddependi, inter alia, fuq il-progress ta' Stat Membru fil-mixja tiegħu lejn l-eliminazzjoni tat-TB;

H.   billi, minn total ta' 10 miljun każ ta' mewt assoċjati mar-reżistenza għall-mediċini li jistgħu jseħħu kull sena sal-2050, madwar kwart minnhom se jkunu ġejjin minn razez tat-TB reżistenti għall-mediċini, bi spiża għall-ekonomija globali ta' mill-inqas USD 16.7 biljun u ta' mill-inqas USD 1.1 biljun għall-Ewropa;

I.  billi għandha tingħata attenzjoni lill-kwistjoni tal-koinfezzjoni, b'mod partikolari bit-TB u l-epatite virali B u C; billi t-TB u l-epatite virali huma prevalenti ħafna, javvanzaw aktar malajr u jikkaġunaw morbidità u mortalità sinifikanti fost il-persuni li għandhom l-HIV;

J.  billi hemm ħtieġa urġenti ta' kooperazzjoni transfruntiera u interdixxiplinari biex jiġu indirizzati dawn l-epidemiji;

K.  billi l-epatite virali hija waħda mill-akbar theddidiet għas-saħħa pubblika madwar id-dinja u taffettwa madwar 240 miljun persuna bl-epatite B[6] kronika u madwar 150 miljun persuna bl-epatite C kronika; billi fir-Reġjun Ewropew tad-WHO madwar 13,3 miljun persuna qed tgħix bl-epatite B u madwar 15-il miljun persuna bl-epatite C; billi, barra minn hekk, kull sena, l-epatite B tikkawża madwar 36 000 mewta u l-epatite C madwar 86 000 mewta fl-Istati Membri fir-Reġjun Ewropew tad-WHO;

L.  billi d-WHO identifikat l-użu tad-drogi li jiġu injettati bħala mutur ewlieni tal-epidemija tal-epatite C fir-Reġjun Ewropew, fejn il-persuni li jinjettaw id-drogi (PWID) jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-każijiet ġodda;

M.  billi, minħabba ż-żieda ġenerali fil-livelli ta' introjtu nazzjonali u l-bidliet fil-kriterji għall-eliġibilità għal finanzjament minn donaturi esterni, l-aċċess għall-appoġġ finanzjarju internazzjonali disponibbli għall-programmi tas-saħħa fir-Reġjun Ewropew qiegħed jonqos b'rata mgħaġġla; billi dan qed jaffettwa b'mod partikolari l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali, fejn ir-rati ta' HIV, TB u epatite C huma l-ogħla, li jqiegħed f'riskju serju r-risposta effikaċi għal dan il-mard; billi ħafna pajjiżi fir-Reġjun Ewropew tad-WHO għadhom jiddependu ħafna fuq finanzjament estern biex jiffinanzjaw il-programmi tas-saħħa tagħhom, b'mod partikolari għall-finijiet li tingħata għajnuna lil gruppi vulnerabbli u popolazzjonijiet primarjament milquta;

N.  billi se jkun diffiċli biex il-Kummissjoni tissorvelja l-progress fil-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fir-rigward tal-epatite virali, minħabba n-nuqqas jew l-inadegwatezza frekwenti ta' data ta' sorveljanza fl-Istati Membri;

O.  billi għad hemm inkonsistenzi fl-approċċi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-epatite virali fl-UE, b'uħud mill-Istati Membri li lanqas għandhom pjan nazzjonali, filwaqt li oħrajn ħadu impenji sinifikanti ta' finanzjament, daħħlu fis-seħħ strateġiji u żviluppaw pjanijiet nazzjonali għal reazzjoni komprensiva għall-piż tal-epatite virali;

P.  billi fid-dinja hemm bejn 130 u 150 miljun persuna li huma kronikament infettati bl-epatite C; billi madwar 700 000 persuna jmutu kull sena b'mard tal-fwied relatat mal-epatite C;

Q.  billi fl-2014, ġew irrapportati 35 321 każ ta' epatite C minn 28 Stat Membru tal-UE/taż-ŻEE, rata grossa ta' 8,8 każijiet għal kull 100 000 abitant[7];

R.  billi bejn l-2006 u l-2014, in-numru totali ta' każijiet dijanjostikati u rrapportati madwar l-Istati Membri tal-UE/taż-ŻEE kollha żdied bi 28,7 %, fejn il-maġġoranza ta' din iż-żieda ġiet osservata mill-2010[8];

S.  billi l-interpretazzjoni tad-data dwar l-epatite C madwar il-pajjiżi hija mxekkla mid-differenzi fis-sistemi ta' sorveljanza, fil-prattiki tal-ittestjar u fil-programmi, u mid-diffikultajiet fid-definizzjoni tal-każijiet bħala akuti jew kroniċi[9];

Qafas ta' politika komprensiv u integrat fil-livell tal-UE

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija komprensiva dwar Qafas ta' Politika tal-UE li jindirizza l-HIV/AIDS, it-tuberkulożi u l-epatite virali, filwaqt li jqisu ċ-ċirkustanzi differenti u l-isfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien li huma l-aktar affettwati mill-HIV u t-tuberkulożi reżistenti għal ħafna mediċini (MDR-TB);

2.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw il-livell ta' nfiq u mobilizzazzjoni tar-riżorsi meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tal-SDG 3;

3.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-ħidma mal-komunitajiet u l-persuni vulnerabbli permezz ta' kooperazzjoni multisettorjali, billi jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-NGOs u l-forniment tas-servizzi lill-popolazzjonijiet affettwati;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżvolġu rwol politiku b'saħħtu fid-djalogu mal-pajjiżi ġirien fl-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali, jiżguraw li jkunu fis-seħħ pjanijiet għal tranżizzjoni sostenibbli lejn finanzjament domestiku, b'tali mod li l-programmi tal-HIV, l-epatite virali u t-TB jkunu effikaċi u li dawn jitkomplew u jiġu intensifikati wara li jiġi rtirat l-appoġġ tad-donaturi internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu jaħdmu mill-qrib ma' dawk il-pajjiżi bil-għan li jiżguraw li dawn jassumu responsabilità f'dak li għandu x'jaqsam mar-risposti kontra l-HIV, l-epatite virali u t-TB;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddiskuti mal-Istati Membri u mal-Presidenzi futuri tal-Kunsill il-possibilità li d-Dikjarazzjoni ta' Dublin tiġi aġġornata sabiex l-HIV, l-epatite virali u t-TB jitqiegħdu fuq l-istess livell;

L-HIV/AIDS

6.  Jisħaq fuq il-punt li l-HIV għadha marda trażmissibbli li ġġorr l-akbar stigma soċjali, u li jista' jkollha impatt serju fuq il-kwalità tal-ħajja ta' dawk affettwati; jenfasizza l-fatt li kważi 30 000 każ ġdid ta' infezzjoni bl-HIV ġew irrappurtati minn 31 pajjiż tal-UE/taż-ŻEE fl-2015, b'ebda sinjal ċar ta' tnaqqis globali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għat-trattament innovattiv, anke għall-aktar gruppi vulnerabbli, u jaħdmu biex tiġi miġġielda l-istigma soċjali assoċjata mal-infezzjoni bl-HIV;

8.  Jenfasizza li fl-UE/fiż-ŻEE, il-kopulazzjoni karnali għadu l-mod ta' trażmissjoni tal-HIV ewlieni rrappurtat, u warajh it-teħid tad-droga fil-vina; jissottolinja l-vulnerabilità tan-nisa u t-tfal għall-infezzjoni;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex mhux biss iżidu l-investiment fir-riċerka bil-għan li jiksbu kuri effikaċi u jiżviluppaw għodod ġodda u approċċi innovattivi u ċċentrati fuq il-pazjenti għall-ġlieda kontra dawn il-mardiet, iżda wkoll biex jiżguraw li dawn l-għodod ikunu disponibbli u affordabbli, u biex jindirizzaw il-koinfezzjonijiet b'mod aktar effikaċi, b'mod partikolari it-tuberkolożi u l-epatite virali B u C u l-komplikazzjonijiet tagħhom;

10.  Jenfasizza li l-prevenzjoni tibqa' l-istrument ewlieni fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, iżda tnejn minn kull tliet pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE jirrimarkaw li l-fondi disponibbli għall-prevenzjoni mhumiex biżżejjed biex jitnaqqas l-għadd ta' infezzjonijiet ġodda bl-HIV;

11.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikomplu jappoġġjaw il-prevenzjoni tal-HIV/AIDS u r-rabta mal-kura permezz ta' azzjonijiet u proġetti konġunti fil-qafas tal-Programm tas-Saħħa tal-UE u jippromwovu miżuri ppruvati fir-rigward tas-saħħa pubblika għall-prevenzjoni tal-HIV, inklużi: servizzi komprensivi ta' tnaqqis ta' ħsara għall-persuni li jieħdu d-droga, it-trattament bħala prevenzjoni, l-użu tal-kondoms, il-profilassi qabel l-esponiment u edukazzjoni effikaċi dwar is-saħħa sesswali;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jiffukaw fuq is-servizzi tal-ittestjar għall-HIV bil-għan li jilħqu l-popolazzjonijiet prinċipali f'żoni fejn hemm l-ogħla prevalenza ta' HIV, skont ir-rakkomandazzjonijiet tad-WHO;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu b'mod effikaċi kontra l-infezzjonijiet trażmessi sesswalment li jżidu r-riskju ta' infezzjoni bl-HIV;

14.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex it-testijiet tal-HIV jagħmluhom disponibbli mingħajr ħlas, speċjalment għall-gruppi vulnerabbli, biex tiġi żgurata dijanjożi bikrija u jittejjeb ir-rappurtar tal-għadd ta' infezzjonijiet, li huwa importanti għall-għoti ta' informazzjoni adegwata u twissijiet dwar din il-marda;

Tuberkolożi

15.  Jisħaq fuq il-punt li fl-Unjoni Ewropea r-rati ta' TB huma fost l-aktar baxxi fid-dinja; jenfasizza, madankollu, li madwar 95 % tal-imwiet minħabba t-TB jseħħu f'pajjiżi bi dħul baxx u medju; jissottolinja, barra minn hekk, li r-Reġjun Ewropew tad-WHO, b'mod partikolari l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Asja Ċentrali, huma affettwati ħafna mill-MDR-TB, b'madwar kwart tal-piż globali ta' MDR-TB; jenfasizza li 15 mis-27 pajjiż fejn hemm ħafna każijiet ta' MDR-TB identifikati mid-WHO qegħdin fir-Reġjun Ewropew;

16.  Jirrimarka li t-TB hija l-kawża ewlenija ta' mewt fost il-persuni milquta mill-HIV, u madwar waħda minn kull tlett imwiet fost persuni bl-HIV hija minħabba t-TB[10]; jisħaq fuq il-punt li l-għadd ta' nies li jimirdu bit-TB reġa' żdied għat-tielet sena konsekuttiva fl-2014, minn 9 miljuni fl-2013 għal 9.6 miljun fl-2014; jisħaq ukoll li wieħed minn kull erba' każijiet ta' MDR-TB biss jiġi dijanjostikat, u dan jenfasizza l-lakuni kbar li jeżistu fid-detezzjoni u d-dijanjożi;

17.  Jinnota li r-reżistenza għall-antimikrobiċi hija sfida medika dejjem aktar serja fit-trattament tal-infezzjonijiet u l-mardiet, inkluż it-tuberkulożi;

18.  Ifakkar li l-interruzzjoni fit-trattament tikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reżistenza għall-mediċini, it-trażmissjoni tat-TB, u għal eżiti mhux sodisfaċenti għall-pazjenti individwali;

19.  Jisħaq fuq il-punt li, sabiex itejbu l-prevenzjoni, id-dijanjożi u l-aderenza għat-trattament tat-TB, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jeħtieġ li jiżviluppaw programmi għat-TB u jipprovdu appoġġ finanzjarju bil-għan li jsaħħu l-ħidma mal-komunitajiet u l-persuni vulnerabbli permezz ta' kooperazzjoni multisettorjali, li għandha tinkludi l-parteċipazzjoni tal-NGOs, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza, barra minn hekk, li l-involviment finanzjarju tal-atturi kollha li jissussidjaw it-trattament għat-TB huwa essenzjali għall-kontinwità tal-kura tat-TB, peress li t-trattamenti jistgħu jkunu eċċessivament għalja;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-kriżi emerġenti tar-reżistenza għall-antimikrobiċi, fosthom permezz tal-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp ta' tilqimiet ġodda kif ukoll l-approċċi, id-dijanjostika u t-trattament għat-tuberkulożi innovattivi u ffukati fuq il-pazjent;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżvolġu rwol politiku b'saħħtu biex jiżguraw li r-rabta bejn ir-reżistenza għall-antimikrobiċi u l-MDR-TB tkun riflessa fl-eżitu tas-Summit tal-G20 ta' Lulju 2017 fil-Ġermanja kif ukoll fil-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid tal-UE dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi, li mistenni jiġi ppubblikat fl-2017;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw fl-introduzzjoni ta' miżuri transfruntieri biex jiġi evitat it-tixrid tat-TB permezz ta' arranġamenti bilaterali bejn il-pajjiżi u azzjonijiet konġunti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jsaħħu u jifformalizzaw il-kollaborazzjoni reġjonali dwar it-TB u l-MDR-TB fl-ogħla livell politiku fis-setturi differenti u jibnu sħubijiet mal-Presidenzi tal-UE li jmiss bil-għan li titkompla din il-ħidma;

L-epatite C

24.  Jisħaq fuq il-punt li fl-Unjoni Ewropea l-epatite virali tittieħed l-aktar mill-użu tad-drogi permezz ta' injezzjoni meta diversi persuni jużaw l-istess siringi kkontaminati u tagħmir mhux sterilizzat għall-injezzjoni tad-drogi; jisħaq fuq il-punt li r-rata ta' persuni li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa li jispiċċaw infettati mill-epatite minħabba li jkorru bil-labar tas-siringi għadha ogħla mill-medja; jenfasizza li l-forniment ta' servizzi għat-tnaqqis tal-ħsara, inkluż it-trattament ta' sostituzzjoni tal-opjati u l-programmi dwar il-labar u s-siringi, jikkostitwixxi strateġija fundamentali għall-prevenzjoni tal-epatite virali, li għandha tinkludi wkoll miżuri biex jingħelbu l-istigma u d-diskriminazzjoni; jenfasizza li t-testijiet anti-HCV u HBsAg spiss mhumiex parti mill-eżamijiet tas-saħħa rimborżati; jenfasizza li l-virus, f'każijiet rari, jista' jiġi trażmess sesswalment, jew f'ambjenti tal-kura tas-saħħa u tal-kura kożmetika minħabba prattiki inadegwati f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll tal-infezzjonijiet, jew b'mod perinatali minn omm infettata lit-tarbija;

25.  Jisħaq fuq il-punt li aktar minn 90 % tal-pazjenti ma juru l-ebda sintomu li jkunu ġew infettati bil-marda u normalment din tiġi skoperta b'kumbinazzjoni waqt analiżi jew meta jibdew jidhru s-sintomi, u dan iwassal għal epatite kronika f'55 % sa 85 % tal-każijiet; billi, fi żmien 20 sena, dawk li jbatu mill-epatite kronika għandhom riskju ta' 15-30 % li jiżviluppaw ċirrożi fil-fwied – il-kawża ewlenija tal-karċinoma epatoċellulari;

26.  Jenfasizza li, f'75 % tal-każijiet ta' karċinoma epatoċellulari, il-pazjent jirriżulta pożittiv għat-test seroloġiku tal-HCV;

27.  Jenfasizza li m'hemm l-ebda protokoll standardizzat fl-Istati Membri għall-iskrinjar tal-epatite C u li d-data dwar l-għadd ta' persuni affettwati taf tkun sottovalutata;

28.  Jenfasizza li f'April 2016 id-WHO aġġornat il-Linji Gwida tagħha għall-iskrinjar, il-kura u t-trattament tal-persuni infettati bl-epatite C kronika, u li dawn jikkomplementaw il-gwida eżistenti tad-WHO dwar il-prevenzjoni tat-trażmissjoni ta' viruses li jinxterdu permezz tad-demm, fosthom l-HCV; jinnota li dawn il-linji gwida jipprovdu rakkomandazzjonijiet essenzjali f'dawn l-oqsma u jiddiskutu konsiderazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

29.  Jenfasizza li l-infezzjoni bl-HCV tista' titfejjaq, speċjalment jekk tkun dijanjostikata u trattata bil-kombinazzjoni xierqa ta' mediċini antivirali; jirrimarka, b'mod partikolari, li t-trattament antivirali issa jista' jfejjaq aktar minn 90 % tal-persuni infettati bl-HCV; jenfasizza li l-prevenzjoni tal-HBV virali hija possibbli permezz tat-tilqim u li l-HBV virali tista' tiġi kkontrollata, iżda li anqas minn 50 % tal-persuni bl-epatite virali kronika jiġu dijanjostikati biss deċennji wara li jkunu ġew infettati;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament sostenibbli tal-pjanijiet nazzjonali għall-qerda tal-epatite virali, u jagħmlu użu mill-Fondi Strutturali tal-UE u fondi oħra disponibbli tal-UE;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ programm armonizzat ta' sorveljanza tal-infezzjonijiet madwar l-UE kollha li jistgħu jidentifikaw it-tifqigħat tal-epatite virali, tat-TB u tal-HIV fi żmien xieraq, jevalwaw it-tendenzi fl-inċidenza, jipprovdu stimi tal-piż tal-mard u jsegwu b'mod effikaċi u fi żmien reali is-sekwenza tad-dijanjożi, tat-trattament u tal-kura, b'mod partikolari għal gruppi vulnerabbli speċifiċi;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar l-aħjar mod kif jiġu mogħnija l-professjonisti tal-kura primarja (bħall-inklużjoni ta' testijiet anti-HCV u HBsAg fl-eżamijiet tas-saħħa, l-istorja medika, it-testijiet ta' segwitu u l-formulazzjoni tal-perkorsi ta' referenza), bil-għan li tiżdied ir-rata ta' dijanjożi u tiġi żgurata kura li tkun konformi mal-linji gwida;

33.  Jiddispjaċih li attwalment m'hemm l-ebda tilqima disponibbli għall-epatite C, u dan ifisser li l-prevenzjoni primarja u sekondarja hija ta' importanza kruċjali; jenfasizza, madankollu, li l-karatteristiċi speċifiċi tal-infezzjoni tal-epatite C u n-nuqqas ta' protokolli ta' skrinjar f'ħafna każijiet jimpedixxu l-ittestjar;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni, taħt it-tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), biex tniedi pjan multidixxiplinari, f'koordinament mal-Istati Membri, li jistandardizza l-protokolli tal-iskrinjar, l-ittestjar u t-trattament, u li jeqred l-epatite C fl-UE sal-2030;

o

o  o

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.