Proċedura : 2017/2780(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0498/2017

Testi mressqa :

B8-0498/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P8_TA(2017)0341

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 451kWORD 56k
6.9.2017
PE605.637v01-00
 
B8-0498/2017

imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D051451-2017/2780 (RSP))


Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Membru responsabbli: Bart Staes

Karin Kadenbach, Lynn Boylan, Eleonora Evi, Sirpa Pietikäinen, Valentinas Mazuronis


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D051451-2017/2780 RSP))  
B8-0498/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D051451),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3), 9(2), 19(3) u 21(2) tiegħu(1),

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tat-12 ta' Ġunju 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-26 ta' Jannar 2017, u ppubblikata fis-16 ta' Marzu 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Frar 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fil-25 ta' Jannar 2011, Dow AgroSciences Europe ressqet applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4 lill-awtorità nazzjonali kompetenti tan-Netherlands bi qbil mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4 fi prodotti li jkunu jikkonsistu jew li jkun fihom minn din il-fażola tas-sojja għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' fażola tas-sojja oħra, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

B.  billi fis-26 ta' Jannar 2017, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet sussegwentement ippubblikata fis-16 ta' Marzu 2017(5);

C.  billi r-Regolament (UE) Nru 1829/2003 jispeċifika li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma għandux ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha;

D.  billi, matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur, l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti ta' kritika(6); billi l-aktar valutazzjoni inkwetanti sabet li, pereżempju, "l-applikazzjoni attwali u d-data dwar il-valutazzjoni tar-riskju ppreżentata ma tipprovdix informazzjoni biżżejjed u mingħajr ambigwità biex jiġu esklużi effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-annimali u tal-bniedem [tas-saħħa]", li "d-data provduta s'issa mill-applikant mhijiex biżżejjed biex tikkompleta l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni" u "studji limitati jagħmluha diffiċli biex titwettaq valutazzjoni kompleta tar-riskju";

E.  billi l-Istati Membri kkritikaw, fost l-oħrajn: in-nuqqas ta' studji dwar l-effett tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u dan qed jimpedixxi milli tkun iffinalizzata l-valutazzjoni tar-riskju ambjentali; l-għażla u l-lokalità tas-siti tal-għelieqi għall-valutazzjoni komparattiva; il-fatt li l-valutazzjoni tossikoloġika tar-riskju ma tistax titkompla minħabba li ma sar l-ebda test tat-tossiċità xieraq fuq il-materjal tal-pjanti mill-fażola tas-sojja DAS-68416-4; in-nuqqas ta' informazzjoni dwar erbiċidi komplementari li jistgħu jintużaw fuq l-għelejjel ġenetikament modifikati u l-metaboliti tagħhom; il-fatt li l-valutazzjoni nutrizjonali hija appoġġjata minn studju appoġġjat mill-industrija li minnu ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet xjentifiċi; u l-fatt li l-proposta tal-applikant għal pjan ta' monitoraġġ ambjentali ma tissodisfax l-objettivi definiti fl-Anness VII għad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament(7);

F.  billi l-fażola tas-sojja DAS-68416-4 tesprimi l-proteina aryloxyalkanoate dioxygenase-12 (AAD-12), li tagħti tolleranza ta' 2,4-diklorofenossiaċetiku (2,4-D) u ta' erbiċidi tal-fenossi relatati oħrajn; billi din tesprimi wkoll il-proteina fosfinotriċina aċeltitransferasi (PAT), li tagħti tolleranza għall-erbiċi abbażi tal-glufosinat-ammonju;

G.  billi r-riċerka indipendenti qajmet tħassib dwar ir-riskji tal-ingredjent attiv 2,4-D fir-rigward tal-iżvilupp tal-embrijuni, il-malformazzjonijiet konġenitali u l-interferenti endokrinali(8); billi għalkemm l-approvazzjoni tas-sustanza attiva 2,4-D ġiet imġedda fl-2015, għadha pendenti informazzjoni mingħand l-applikant fir-rigward tal-proprjetajiet endokrinali potenzjali(9);

H.  billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti(10); billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018(11);

I.  billi numru ta' esperti esprimew tħassib dwar il-prodott derivat ta' 2,4-D, 2,4-Diklorofenol, li jista' jkun preżenti fil-fażola tas-sojja DAS-68416-4 importata; billi 2,4-Diklorofenol huwa magħruf li jħarbat is-sistema endokrinali b'tossiċità għar-riproduzzjoni;

J.  billi minħabba l-fatt li dan huwa ferm solubbli fix-xaħmijiet u ż-żjut, it-2,4-Diklorofenol huwa mistenni li jakkumula fiż-żejt tas-sojja matul l-ipproċessar tal-fażola tas-sojja; billi l-akbar prodott tal-fażola użat mill-bnedmin huwa żejt tas-sojja, li hu inkorporat, fost ħafna prodotti oħra, f'uħud mill-preparazzjonijiet tal-ikel għat-tfal żgħar(12);

K.  billi l-ammont ta' 2,4-Diklorofenol fi prodott jista' jkun ogħla mill-ammont residwu ta' 2,4-D; billi fl-Unjoni ma hemm l-ebda livell massimu ta' residwu (MRL) għal 2,4-Diklorofenol;

L.  billi rapport reċenti tan-NU juri li l-pestiċidi huma responsabbli għal madwar 200 000 mewta b'avvelenament akut fis-sena, li minnhom 99 % iseħħu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw(13); billi l-Unjoni ntrabtet li tilħaq l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs), li jinkludu impenn biex jitnaqqas sostanzjalment in-numru ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u mit-tniġġis fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija u mill-kontaminazzjoni sal-2030 (SDG 3, il-mira 3.9), li minnhom wieħed mill-indikaturi hija r-rata ta' mwiet attribwita għal avvelenament mhux intenzjonat(14); billi ntwera li għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jwasslu għal użu akbar ta' dawn l-erbiċidi minn dawk tal-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom(15);

M.  billi l-Unjoni hija impenjata lejn il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, bl-għan li timinimizza l-kontradizzjonijiet u li tibni sinerġiji bejn il-politiki differenti tal-Unjoni, inkluż fl-oqsma tal-kummerċ, l-ambjent u l-agrikoltura(16), sabiex jibbenefikaw minnha l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tiżdied l-effikaċja ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp(17);

N.  billi m'hemmx dubju li l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-fażola tas-sojja DAS-68416-4 fl-Unjoni mingħajr dubju se twassal għal żieda fil-kultivazzjoni tagħha f'pajjiżi terzi, inkluż f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll għal żieda ekwivalenti fl-użu tal-erbiċidi tal-glufosinat 2,4-D;

O.  billi l-iżvilupp ta' għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għal diversi erbiċidi selettivi huwa prinċipalment dovut għall-evoluzzjoni mgħaġġla ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat f'pajjiżi li kienu jiddependu ħafna fuq għelejjel ġenetikament modifikati;

P.  billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tat-12 ta' Ġunju 2017 ma tat l-ebda opinjoni; billi 15-il Stat Membru vvutaw kontra, filwaqt li 11-il Stat Membru biss – li jirrappreżentaw 36,57 % biss tal-popolazzjoni tal-Unjoni – ivvutaw favur, filwaqt li 2 Stati Membri astjenew;

Q.  billi f'bosta okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 hi kellha tadotta deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li hija verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati; billi din il-prattika wkoll ġiet ikkundannata mill-President Juncker bħala mhix demokratika(18);

R.  billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fit-28 ta' Ottubru 2015 fl-ewwel qari u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tippreżenta proposta ġdida;

S.  billi, skont il-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni għandha, sa fejn possibbli, timxi b'mod li jevita konflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tirriżulta fil-kumitat ta' appell li tikkontesta l-adegwatezza ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment dwar kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fid-Deċiżjoni (UE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002(19), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sakemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li jirriżulta li mhijiex adegwata;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax xi pjanti ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċida (HT GMP) mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn sprej b'erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex ma tawtorizza ebda HT GMP li tkun reżistenti għal taħlita ta' erbiċidi, kif inhu l-każ tal-fażola tas-sojja DAS-68416-4, mingħajr valutazzjoni sħiħa tal-effetti kumulattivi speċifiċi ta' residwi minn sprej b'taħlita ta' erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob ħafna aktar testijiet dettaljati dwar ir-riskji għas-saħħa marbuta ma' events ta' trasformazzjoni multiplu bħad-DAS-68416-4;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji għall-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa u t-tossikoloġija, kif ukoll għal sorveljanza ta' wara t-tqegħid fis-suq, li jkollhom fil-mira l-katina alimentari u tal-għalf kollha u t-taħlitiet tagħhom bħala preżenti fil-katina alimentari u tal-għalf taħt kundizzjonijiet prattiċi;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom f'valutazzjoni tar-riskju ta' HT GMP, irrispettivament minn jekk il-pjanta ġenetikament modifikata hix maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni għal ikel u għalf;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp li joħroġ mill-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(2)

ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)

https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4719

(4)

-   Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110).

-  Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 

2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu (Testi adottati P8_TA(2015)0456).

-  Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (Testi adottati, P8_TA(2016)0040).

-  Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (Testi adottati, P8_TA(2016)0039).

-  Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) (Testi adottati, P8_TA(2016)0038).

-  Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events (Testi adottati, P8_TA(2016)0271).

-  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (Testi adottati, P8_TA(2016)0272).

-  Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0388).

-  Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0389).

-  Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (Testi adottati, P8_TA(2016)0386).

-  Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (P8_TA(2016)0387).

-   Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (Testi adottati, P8_TA(2016)0390).

-   Ir-Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21 (Testi adottati, P8_TA(2017)0123).

-   Ir-Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9 (Testi adottati, P8_TA(2017)0215).

-  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) (BCS-GHØØ5-8) (Testi adottati, P8_TA(2016)0214).

(5)

https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4719

(6)

Anness G - Kummenti tal-Istati Membri u risposti tal-Bord tal-OĠM http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2011-00052

(7)

ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

(8)

http://www.pan-europe.info/sites/pan-europe.info/files/public/resources/reports/pane-2014-risks-of-herbicide-2-4-d.pdf

(9)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2033 tat-13 ta' Novembru 2015 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva 2,4-D, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 298, 14.11.2015, p. 8).

(10)

ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(11)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32015R0404&from=MT

(12)

Dokument ta' konsultazzjoni tal-Istati Membri, pp. 31-32. http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2011-00052

(13)

https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/G17/017/85/PDF/G1701785.pdf?OpenElement

(14)

https://sustainabledevelopment.un.org/sdg3

(15)

https://link.springer.com/article/10.1007%2Fs00267-015-0589-7

(16)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 intitolata "Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp: It-tħaffif tal-progress biex jinkisbu l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju (COM(2005)0134).

(17)

https://ec.europa.eu/europeaid/policies/policy-coherence-development_en

(18)

Ara, pereżempju, id-dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014) jew fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).

(19)

ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

Avviż legali