Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0535/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0535/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abolizzjoni taż-żwieġ tat-tfal

26.9.2017 - (2017/2663(RSP))

imressqa wara l-Mistoqsija għal Tweġiba Orali B8‑0328/2017
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Vilija Blinkevičiūtė f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Proċedura : 2017/2663(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0535/2017
Testi mressqa :
B8-0535/2017
Testi adottati :

B8‑0535/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abolizzjoni taż-żwieġ tat-tfal

(2017/2663(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tgaħha, u t-trattati u l-istrumenti l-oħra kollha tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10.1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal intitolat ''Gender Equality and Women’s Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal (2007) - 'Leave no child behind’ (L-ebda tifel jew tifla ma jitħallew lura),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, li jenfasizza l-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi f'konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 32, 37 u 59(4) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-Fond tal-Popolazzjoni tan-NU (UNFPA) tal-2012 intitolat ''Marrying Too Young — End Child Marriage'' (Żwieġ Kmieni Wisq - Inwaqqfu ż-żwieġ tat-Tfal)',

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija impenjata biex tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, u billi ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat (CEFM) jikkostitwixxi ksur ta' dawn id-drittijiet; billi l-UE hija impenjata b'mod komprensiv fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politika esterna tagħha, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha u l-istandards u t-trattati internazzjonali rilevanti oħra;

B.  billi ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat ġie rikonoxxut taħt id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħala prattika dannuża u ħafna drabi assoċjata ma' forom gravi ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inkluż vjolenza domestika;

C.  billi ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat ikollhom impatt devastanti fuq ir-realizzazzjoni ġenerali u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniet u tan-nisa, u fuq is-saħħa tal-bniet, inklużi riskji serji ta' kumplikazzjonijiet fit-tqala u infezzjonijiet tal-HIV; billi dan jesponi lill-bniet għall-abbuż sesswali, il-vjolenza domestika u l-qtil għall-unur;

D.  billi d-dħul mill-ġdid u l-estensjoni tal-hekk imsejħa 'global gag rule', li tinkludi l-qtugħ ta' fondi lil organizzazzjonijiet, bħall-UNFPA, li jipprovdu l-bniet vittmi ta' żwieġ ta' minuri b'servizzi ta' ppjanar tal-familja u tas-saħħa sesswali u riproduttiva li jgħinu biex jitnaqqas ir-riskju tal-infezzjoni tal-HIV u kumplikazzjonijiet ta' tqala bikrija, jikkostitwixxu tħassib serju;

E.   billi ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat jikkostitwixxu ċaħda fondamentalitad-dritt u l-awtonomija tagħhom fuq ġisimhom u l-integrità fiżika tagħhom;

F.  billi ż-żwieġ tat-tfal huwa forma ta' żwieġ furzat, peress li t-tfal — minħabba l-età tagħhom — b'mod inerenti m'għandhomx il-kapaċità li jagħtu l-kunsens sħiħ, liberu u informat tagħhom għaż-żwieġ tagħhom jew iż-żmien tiegħu;

G.  billi tifla waħda minn kull tlett ibniet f'pajjiżi li qed jiżviluppaw tiżżewweġ qabel ma tagħlaq it-18-il sena, u waħda minn kull disgħa qabel ma tagħlaq il-15-il sena; billi t-tfajliet huma aktar f'riskju, billi jirrappreżentaw 82 % tat-tfal affettwati;

H.  billi l-għarajjes bniet huma taħt pressjoni soċjali intensa li jagħtu prova tal-fertilità tagħhom, u dan jagħmilhom aktar probabbli li jesperjenzaw tqala bikrija u frekwenti; billi l-kumplikazzjonijiet waqt it-tqala u l-ħlas huma l-kawża ewlenija ta' mewt fi bniet tal-età bejn il-15 u d-19-il sena f'pajjiżi bi dħul baxx u medju;

I.  billi ż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat huma marbuta ma' rati għoljin ta' mortalità materna, tnaqqis tal-użu ta' ppjanar tal-familja u ta' tqala mhux mixtieqa, u normalment ifissru t-tmiem tal-edukazzjoni tal-bniet; billi l-abolizzjoni taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat hija marbuta sew mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli taħt l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 5 u l-Mira 5.3, u billi dawn iż-żwiġijiet ġew iddikjarati b'mod ċar bħala ostakli biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa;

J.  billi l-abolizzjoni taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat hija inkluża bħala waħda mill-prijoritajiet għall-azzjoni esterna tal-UE fil-qasam tal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tad-drittijiet tal-bniedem;

K.  billi aktar minn 60 % tal-għarajjes bniet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma kellhom l-ebda edukazzjoni formali, li hija forma ta' diskriminazzjoni sesswali, u billi ż-żwieġ tat-tfal jiċħad lit-tfal fl-età tal-iskola mid-dritt għall-edukazzjoni li huma jeħtieġu għall-iżvilupp personali tagħhom, il-preparazzjoni tagħhom biex isiru adulti u l-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għall-komunità tagħhom;

L.  billi l-problema hija preżenti mhux biss fil-pajjiżi terzi, iżda wkoll fi Stati Membri tal-UE;

M.  billi l-UE reċentement iddeċidiet li tiffirma l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul);

N.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tikklassifika ż-żwieġ furzat bħala tip ta' vjolenza kontra n-nisa, u titlob il-kriminalizzazzjoni tal-att li wieħed iġiegħel it-tfal jidħlu fi żwieġ u li jikkonvinċu lil tifel jew tifla biex jitilqu minn pajjiżhom bl-għan li dawn jiġu furzati jidħlu fi żwieġ;

O.  billi ftit li xejn hemm statistika disponibbli fil-livell nazzjonali, fil-livell tal-UE u fil-livell internazzjonali biex turi d-daqs tal-problema taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat fl-Istati Membri tal-UE;[2]

P.  billi bil-kriżi migratorja reċenti, ġew skopruti każijiet ġodda ta' żwiġijiet tat-tfal barra mill-pajjiż, li kultant involvew lil tfal ta' taħt l-14-il sena;

Q.  billi t-tfal li jidħlu fi żwieġ qabel l-età ta' 18-il sena huwa aktar probabbli li jitilqu l-iskola qabel il-waqt jew li jgħixu fil-faqar;

R.  billi sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati u instabbiltà jżidu b'mod sinifikanti l-għadd ta' każijiet ta' żwieġ tat-tfal, żwieġ bikri u żwieġ sfurzat;

1.  Ifakkar fir-rabta bejn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem kollha u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u li l-UE tibqa' impenjata favur il-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem kollha u għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), il-Konvenzjoni ta' Istanbul, u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa;

2.  Jenfasizza li ż-żwieġ tat-tfal huwa ksur tad-drittijiet tat-tfal u forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jenfasizza li, bħala tali, huwa għandu jiġi kkundannat;

3.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri jilħqu l-objettivi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli biex jiġġieldu prattiki dannużi b'mod aktar effettiv u biex dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien ma' UN Women, il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal, l-UNFPA u sħab oħra biex jiġbdu l-attenzjoni lejn il-kwistjoni taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat billi jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, inkluż permezz tal-edukazzjoni, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet kollha, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva;

4.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jżidu l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, għan-nisa u l-għarajjes bniet;

5.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tuża l-istrumenti kollha disponibbli, billi tiżviluppa politiki, programmi u leġiżlazzjoni, inklużi d-djalogi politiċi, id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali, l-istrateġija ''Kummerċ għal Kulħadd'', GSP+ u strumenti oħra, sabiex tindirizza u trażżan il-prattika taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat;

6.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri japplikaw standards legali unifikati f'dak li għandu x'jaqsam ma' proċeduri fir-rigward ta' żwiġijiet tat-tfal, anke fid-dawl tar-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

7.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u sistemi ġudizzjarji fil-pajjiżi terzi, u jipprovdu taħriġ u assistenza teknika biex jgħinu bl-adozzjoni u l-infurzar ta' leġiżlazzjoni li tipprojbixxi ż-żwieġ bikri u furzat, fost l-oħrajn permezz tal-introduzzjoni ta' età minima għaż-żwieġ;

8.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ħolqien ta' miżuri speċjali ta' riabilitazzjoni u ta' assistenza għall-għarajjes bniet sabiex ikunu jistgħu jerġgħu lura għall-edukazzjoni jew taħriġ u biex jiġu evitati pressjonijiet familjari u pressjonijiet soċjali marbuta ma' żwieġ bikri;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa għal allokazzjonijiet baġitarji għal programmi ta' prevenzjoni taż-żwieġ tat-tfal, li jimmiraw li joħolqu ambjent fejn it-tfajliet jistgħu jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom, inkluż permezz ta' programmi edukattivi, soċjali u ekonomiċi għal tfajliet li ma jmorrux skola, skemi ta' protezzjoni tat-tfal, tan-nisa u tat-tfajliet u postijiet ta' kenn, konsulenza legali u appoġġ psikoloġiku;

10.  Jilqa' bi pjaċir il-proġetti żviluppati fil-qafas tal-Programm Daphne, li jiffoka fuq l-assistenza lill-vittmi u l-prevenzjoni taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat; iqis li dawn il-proġetti għandhom jiġu msaħħa u jirċievu aktar finanzjament;

11.  Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lil tfal li ġejjin minn komunitajiet żvantaġġati, u jenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi fuq is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni u s-setgħa ekonomika bħala modi biex tkun indirizzata l-problema;

12.  Jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati u implimentati proċeduri speċifiċi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-tfal fost ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil, skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jappella lill-pajjiżi ospitanti jiżguraw li t-tfal rifuġjati jingħataw aċċess sħiħ għall-edukazzjoni, u jippromwovu kemm jista' jkun l-integrazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali;

13.  Jitlob l-istabbiliment ta' proċeduri speċjali f'ċentri ta' akkoljenza għall-persuni li jfittxu asil u r-rifuġjati, bil-għan li jiġu identifikati każijiet ta' żwieġ tat-tfal, żwieġ bikri u żwieġ sfurzat u tingħata għajnuna lill-vittmi;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ xieraq u armonizzat ta' każijiet ta' żwieġ tat-tfal fl-Istati Membri tal-UE, u l-ġbir ta' data diżaggregata skont is-sessi, sabiex ikun jista' jiġi evalwat aħjar id-daqs tal-problema;

15.  Jenfasizza d-differenza kbira bejn każijiet reġistrati uffiċjalment u każijiet ta' vittmi potenzjali li jitolbu l-assistenza, li jindika li ħafna każijiet ta' żwieġ tat-tfal jista' jkun li mhux qed jiġu nnutati mill-awtoritajiet; jitlob biex il-ħaddiema soċjali, l-għalliema u persunal ieħor f'kuntatt ma' vittmi potenzjali jingħataw taħriġ speċjali u manwali dwar kif jistgħu jidentifikaw il-vittmi u dwar kif għandha ssir it-tnedija ta' proċeduri biex jgħinuhom;

16.  Jitlob għat-tisħiħ ta' proġetti u kampanji speċjali li jifformaw parti mill-azzjoni esterna tal-UE li tiffoka fuq iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil kampanji ta' sensibilizzazzjoni u kampanji li jiffukaw fuq l-edukazzjoni u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir u fil-Politika Ewropea tal-Viċinat;

17.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa u tinkoraġġixxi lil pajjiżi terzi biex jiżguraw li s-soċjetà ċivili jista' jkollha rwol u tiżgura aċċess indipendenti għal vittmi tfal taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat u r-rappreżentanti tagħhom għall-ġustizzja b'mod adattat għat-tfal;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati, bħala parti minn assistenza umanitarja, proġetti li jiffukaw fuq il-prevenzjoni ta' vjolenza sessista u l-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq il-vittmi taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ sfurzat;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati l-fatturi ta' riskju taż-żwieġ tat-tfal fi kriżijiet umanitarji billi jiġu involuti l-bniet adolexxenti, u li jiġi integrat l-appoġġ lill-bniet miżżewġin f'kull rispons umanitarju mill-bidu nett f'każ ta' kriżijiet;

20.  Jikkundanna bil-qawwa l-integrazzjoni mill-ġdid u l-espansjoni tal-hekk imsejħa 'global gag rule' u l-impatt tagħha fuq in-nisa u l-bniet u d-drittijiet tal-kura tas-saħħa globali; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex timtela l-lakuna ta' finanzjament dovuta għat-tluq tal-Istati Uniti fil-qasam tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, bl-użu ta finanzjament għall-iżvilupp kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.