MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 420kWORD 51k
27.9.2017
PE611.461v01-00
 
B8-0536/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Moldova (2017/2848(RSP))


Andrey Kovatchev, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Sandra Kalniete, David McAllister, Dubravka Šuica, Laima Liucija Andrikienė, Michał Boni, Elmar Brok, Daniel Caspary, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Siegfried Mureşan, László Tőkés, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Željana Zovko f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Moldova (2017/2848(RSP))  
B8-0536/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Moldova, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(1),

–  wara li kkunsidra Rapport rigward l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar ir-Repubblika tal-Moldova tal-10 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prekundizzjonijiet politiċi għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova annessa mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-4 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova tal-20 ta' Lulju 2017 li timplimenta bidliet fis-sistema elettorali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ Mogherini u mill-Kummissarju Hahn tal-21 ta' Lulju 2017 dwar emendi għal-leġiżlazzjoni elettorali tar-Repubblika tal-Moldova,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-proposta biex is-sistema elettorali fir-Repubblika tal-Moldova tinbidel minn sistema proporzjonali għal waħda mħallta qajmet tħassib serju, kemm internament kif ukoll esternament, li din tista' twassal għal rigress fl-istandards demokratiċi u konsolidazzjoni ulterjuri tal-poter;

B.  billi l-Kummissjoni ta' Venezja ddikjarat li l-bidliet proposti għal-liġi elettorali fir-Repubblika tal-Moldova ma kinux rakkomandabbli fil-preżent u ma indirizzat la r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħha u lanqas dawk tal-ODIHR;

C.  billi l-Kummissjoni ta' Venezja qajmet tħassib dwar ir-riskji ta' influwenza indebita fuq il-kandidati, id-disinn tal-kostitwenzi ta' mandat uniku, il-limiti eċċessivi għar-rappreżentanza parlamentari fil-komponent proporzjonali u r-riskji ta' rappreżentanza inadegwata tal-minoranzi u tan-nisa; billi, barra minn hekk, enfasizzat li l-polarizzazzjoni eżistenti madwar din l-inizjattiva leġiżlattiva ma kinitx sinjal ta' konsultazzjoni sinifikattiva u kunsens wiesa' fost il-partijiet interessati ewlenin;

D.  billi l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu, fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom, li "fid-dawl tal-inizjattivi relatati mat-tibdiliet fis-sistema elettorali fir-Repubblika tal-Moldova [...] prekundizzjoni għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja hi li l-pajjiż benefiċjarju jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b'diversi partiti u l-istat tad-dritt u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ser jimmonitorjaw li din il-prekundizzjoni tiġi ssodisfata tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-assistenza makrofinanzjarja u b'hekk ser jagħtu l-akbar attenzjoni għall-kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova tar-rakkomandazzjonijiet minn sħab internazzjonali rilevanti (b'mod partikolari l-Kummissjoni ta' Venezja u l-OSKE/ODIHR)";

E.  billi l-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, bil-kontra tar-rakkomandazzjoni negattiva magħmula mill-Kummissjoni ta' Venezja, iddeċieda jipproċedi bit-tibdil tal-liġi elettorali;

F.  billi l-assistenza makrofinanzjarja mill-UE għandha tappoġġa l-impenn tar-Repubblika tal-Moldova fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, servizz ċivili responsabbli, trasparenti u bbażat fuq il-mertu, ġudikatura indipendenti, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja, il-ġestjoni tajba tal-finanzi pubbliċi, il-ġlieda kontra l-korruzjoni u l-ħasil tal-flus u d-depolitiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika;

1.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova li tinbidel il-liġi elettorali minkejja r-rakkomandazzjoni qawwija magħmula mill-Kummissjoni ta' Venezja;

2.  Jesprimi tħassib li l-leġiżlazzjoni l-ġdida għandu mnejn ikollha effetti detrimentali ulterjuri fuq l-istandards demokratiċi fir-Repubblika tal-Moldova;

3.  Jesiġi li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni elettorali l-ġdida tkun eżaminata bir-reqqa mill-EEAS u mill-Parlament Ewropew permezz ta' grupp ta' ħidma, maħtur apposta, kompost minn ħames Membri;

4.  Jappoġġja l-pożizzjoni li, b'segwitu għad-deċiżjoni tal-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova, il-ħlasijiet kollha ta' assistenza makrofinanzjarja għandhom jiġu sospiżi sakemm jingħata avviż ieħor;

5.  Jitlob li għandha tkun applikata kundizzjonalità stretta għal kull tip ta' appoġġ finanzjarju, u li kwalunkwe assistenza finanzjarja diġà miftiehma għandha tiġi sospiża sakemm l-impatt tal-bidliet leġiżlattivi ma jkunx ġie vvalutat bir-reqqa;

6.  Jinsab serjament imħasseb dwar il-konċentrazzjoni ulterjuri ta' poter f'idejn elementi oligarkiċi, u b'hekk tissaħħaħ ir-rabta ferm detrimentali li teżisti bejniethom u s-setgħa politika u ekonomika;

7.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-appoġġ għar-rotta Ewropea tal-pajjiż, li għal snin twal tant kienet sostnuta bil-qawwa mill-awtoritajiet tiegħu, naqas drastikament minħabba l-korruzzjoni persistenti, il-manipulazzjoni tal-Istat, istituzzjonijiet dgħajfa u mhux effettivi u l-inabilità li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet bażiċi u t-tħassib taċ-ċittadini ordinarji;

8.  Jieħu nota tal-isforzi magħmula mill-awtoritajiet li jimplimentaw l-għanijiet ferm ambizzjuzi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, iżda jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kollha enfasizzati fir-rapport ta' implimentazzjoni tal-10 ta' Marzu 2017;

9.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament tal-istat tad-dritt, l-istandards demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, in-nuqqas ta' indipendenza tal-ġudikatura, partikolarment każijiet ta' ġustizzja selettiva li tintuża bħala għodda biex issir pressjoni politika fuq l-avversarji politiċi, il-politiċizzazzjoni eċċessiva tal-istituzzjonijiet tal-Istat, il-korruzzjoni sistemika, il-governanza tas-settur finanzjarju, nuqqas ta' investigazzjoni tal-frodi bankarja tal-2014, u l-pluraliżmu tal-midja;

10.  Ifakkar fl-importanza ta' midja ħielsa, indipendenti u pluralistika għall-kwalità tal-proċess demokratiku u d-dibattitu sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà tal-eżekuttiv, u jenfasizza l-fatt li l-konċentrazzjoni attwali tal-midja hija theddida għall-pluraliżmu politiku;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Assoċjazzjoni tal-pajjiż sabiex jisfruttaw l-opportunitajiet li ġġib magħha; itenni l-importanza ta' implimentazzjoni ġenwina tar-riformi msemmija hawn fuq għall-istabilità u l-iżvilupp futuri tal-pajjiż u l-benesseri taċ-ċittadini tiegħu;

12.  Iħeġġeġ lill-EEAS u lill-Kummissjoni jżidu l-isforzi tagħhom ta' komunikazzjoni u ta' diplomazija pubblika fil-Moldova sabiex jissaħħaħ l-appoġġ għall-UE, iżda wkoll biex issir disassoċjazzjoni bejn l-UE u n-nuqqasijiet tal-elite li qiegħda tmexxi, li jxekklu l-pożizzjoni tal-UE f'għajnejn il-popolazzjoni tal-Moldova;

13.  Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soċjetà ċivili fir-Repubblika tal-Moldova li tiżvolġi rwol kruċjali fis-salvagwardja tal-pluraliżmu u l-iskambju ġenwin ta' ideat f'dibattitu politiku;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-President, lill-Prim Ministru u lill-President tal-Kamra tar-Repubblika tal-Moldova.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0018.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0283.

Avviż legali