Proċedura : 2017/2801(RPS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0542/2017

Testi mressqa :

B8-0542/2017

Dibattiti :

PV 03/10/2017 - 15
CRE 03/10/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 04/10/2017 - 9.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0376

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 515kWORD 56k
28.9.2017
PE611.468v01-00
 
B8-0542/2017

imressqa skont l-Artikolu 106(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali (D048947/06 – 2017/2872(RPS))


Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Membri responsabbli: Jytte Guteland, Bas Eickhout

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali (D048947/06 – 2017/2872(RSP))  
B8-0542/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali (D048947/06) ("abbozz ta' regolament"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 78(1)(a) tiegħu, it-tieni paragrafu tal-punt 3.6.5. u l-punt 3.8.2 tal-Anness II tiegħu,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2015(2), u b'mod partikolari l-paragrafi 71 u 72 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar interferenti endokrinali: is-sitwazzjoni attwali wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2015(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar l-interferenti endokrinali u l-abbozz tal-atti tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-kriterji xjentifiċi sabiex dawn jiġu ddeterminati fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-prodotti bijoċidali (COM(2016)0350),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf li saret fi Brussell fit-28 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali(4)4.

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Id-definizzjoni tal-kriterji għall-identifikazzjoni ta' interferenti endokrinali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti u r-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali",

–  wara li kkunsidra l-Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 bit-titlu "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" ("Is-seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali"), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-punt 50 tiegħu(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta' gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) bit-titlu "Submission of scientific peer-reviewed open literature for the approval of pesticide active substances under Regulation (EC) No 1107/2009" (It-tressiq ta' letteratura xjentifika riveduta minn esperti u disponibbli liberament għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi tal-pestiċidi skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009)(8),

–  wara li kkunsdira l-indirizz dwar l-Istat tal-Unjoni tat-13 ta' Settembru 2017 mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker,

–  wara li kkunsidra t-tieni abbozz ta' dokument ta' gwida tas-17 ta' Lulju 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-kriterji abbażi tal-periklu għall-identifikazzjoni ta' interferenti endokrinali (Eds) fil-kuntest tar-Regolamenti (KE) Nru 1107/2009 u (UE) Nru 528/2012, żviluppat mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ("abbozz ta' gwida"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(9),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, bi qbil mal-punt 3.8.2 tal-Anness II għar-Regolament Nru 1107/2009, sustanza attiva għandha tiġi approvata biss jekk ma titqiesx li għandha sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali li jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fuq organiżmi mhux fil-mira, ħlief jekk l-espożizzjoni tal-organiżmi mhux fil-mira għal dik is-sustanza attiva fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti f'kondizzjonijiet proposti realistiċi ta' użu tkun negliġibbli (il-kriterju ta' limitu għall-ambjent);

B.  billi, bi qbil mat-tieni paragrafu tal-punt 3.6.5 tal-Anness II għar-Regolament Nru 1107/2009, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali abbozz tal-miżuri li jirrigwardaw kriterji xjentifiċi speċifiċi biex ikunu ddeterminati dawk is-sustanzi li jħarbtu s-sistema endokrinali sal-14 ta' Diċembru 2013;

C.  billi l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali esprima opinjoni pożittiva dwar l-abbozz ta' regolament fl-4 ta' Lulju 2017, bi tliet Stati Membri jivvotaw kontra u erba' Stati Membri jastjenu;

D.  billi l-aħħar paragrafu tal-abbozz ta' regolament jistipula li "jekk il-modalità tal-azzjoni għall-protezzjoni tal-pjanti prevista tas-sustanza attiva li tkun oġġett tal-valutazzjoni, tkun tikkonsisti fil-kontroll tal-organiżmi fil-mira għajr il-vertebrati permezz tas-sistemi endokrinali tagħhom, l-effetti fuq l-organiżmi tal-istess filu tassonomiku bħal dak fil-mira, ma għandhomx jiġu kkunsidrati għall-identifikazzjoni tas-sustanza bħala li għandha sustanzi li jħarbtu s-sistema endokrinali fir-rigward tal-organiżmi mhux fil-mira";

E.  billi l-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha fil-kawża T-521/14 b'mod ċar iddikjarat li "l-ispeċifikazzjoni tal-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali ma tistax issir ħlief b'mod oġġettiv, fid-dawl ta' data xjentifika relattiva għal dik is-sistema, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni oħra, partikolarment dik ekonomika"(10) (punt 71);

F.  billi mhuwiex xjentifiku li teskludi sostanza b'modalità ta' azzjoni endokrinali intenzjonata milli tkun identifikata bħala interferent endokrinali għal organiżmi mhux fil-mira;

G.  billi l-abbozz ta' regolament ma jistax għalhekk jitqies li hu bbażat fuq data xjentifika oġġettiva relatata mas-sistema endokrinali, kif rikjest mill-Qorti; billi l-Kummissjoni għalhekk marret lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha;

H.  billi l-intenzjoni attwali ta' dan l-aħħar paragrafu hu spjegat b'mod ċar fir-rapport ta' sinteżi tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf li saret fi Brussell fit-28 ta' Frar 2017, li jiddikkjara li "barra minn hekk, ġiet spjegata r-raġuni għad-dispożizzjoni dwar sustanzi attivi b'modalità ta' azzjoni endokrinali intenzjonata (aktar 'l isfel imsejħa regolaturi tat-tkabbir (GR)). [...] Id-dispożizzjoni dwar il-GR tippermetti li kriterji ta' limitu mhux se jkunu applikati għal sustanzi b'modalità ta' azzjoni endokrinali intenzjonata [...]";

I.  billi għalhekk huwa ċar li l-intenzjoni attwali ta' dan l-aħħar paragrafu hi li effettivament joħloq deroga mill-kriterju ta' limitu imniżżel fil-punt 3.8.2 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

J.  billi jidher ċar mill-premessi 6 sa 10 u mill-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 li l-leġiżlatura, meta kienet qed tindirizza l-kwistjoni kumplessa tal-iffissar tar-regoli dwar l-approvazzjoni ta' sustanzi attivi, kellha tfittex bilanċ delikat bejn l-objettivi differenti u potenzjalment kunfliġġenti fosthom il-produzzjoni agrikola u s-suq intern, fuq naħa waħda, u l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent, fuq in-naħa l-oħra;

K.  billi l-Qorti Ġenerali ddikjarat dan li ġej fis-sentenza msemmija hawn fuq: "F'dan il-kuntest hu importanti li jiġi nnutat li, meta kienet qed tadotta r-Regolament Nru 528/2012, il-leġiżlatura kkunsidrat l-objettiv li ttejjeb is-suq intern u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent, li l-Kummissjoni jeħtieġ li tirrispetta u ma tistax tikkontesta [...]. Fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur, il-Kummissjoni ma tistax tikkuntesta dak il-bilanċ, fatt li, barra minn hekk, dik l-istituzzjoni kienet aċċettat fis-sustanza matul is-smigħ."(11) (punt 72);

L.  billi dan kien rikonfermat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016, fejn enfasizza li "l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ispeċifikazzjoni ta' kriterji xjentifiċi jistgħu biss jitwettqu b'mod oġġettiv abbażi ta' data xjentifika rigward is-sistema endokrinali, indipendentement minn kwalunkwe konsiderazzjoni oħra, b'mod partikolari konsiderazzjonijiet ekonomiċi, u li l-Kummissjoni ma tistax tbiddel il-bilanċ regolatorju stipulat f'att bażiku permezz tal-applikazzjoni tas-setgħat delegati lilha skont l-Artikolu 290 [tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)]";

M.  billi l-istess limitazzjonijiet ta' setgħa japplikaw għall-Kummissjoni fil-kuntest ta' att ta' implimentazzjoni skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju;

N.  billi, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2016, "il-kwistjoni li qed tiffaċċja l-Kummissjoni waqt dan l-eżerċizzju hija li tistabbilixxi kriterji għad-determinazzjoni ta' x'inhu jew x'mhuwiex interferent endokrinali għall-finijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodotti bijoċidali — mhux li tiddeċiedi kif tirregola dawn is-sustanzi. Il-konsegwenzi regolatorji diġà ġew stabbiliti mil-leġiżlatur fil-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (2009) u tal-prodotti bijoċidali (2012)";

O.  billi l-kriterju ta' limitu stabbilit fil-punt 3.8.2. tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jikkostitwixxi element essenzjali tar-regolament;

P.  billi, skont il-każistika li ilha teżisti, l-adozzjoni ta' elementi regolatorji li huma essenzjali għal kwistjoni partikolari hija riżervata għal-leġiżlatur tal-Unjoni u ma tistax tiġi ddelegata lill-Kummissjoni;

Q.  billi fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker stqarr li l-istat tad-dritt huwa wieħed mit-tliet prinċipji li magħhom trid tkun dejjem ankrata l-Unjoni tagħna; billi l-President tal-Kummissjoni Juncker f'dan il-kuntest kompla jelabora li "dak li jfisser li nkunu parti minn Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt huwa li naċċettaw u nirrispettaw sentenza definittiva. L-Istati Membri tagħna taw lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea l-ġurisdizzjoni finali. Is-sentenzi tal-Qorti jrid jirrispettahom kulħadd. Li nimminawhom, jew li nimminaw l-indipendenza tal-qrati nazzjonali, ikun ifisser li nneżżgħu liċ-ċittadini tagħna mid-drittijiet fundamentali tagħhom. L-istat tad-dritt mhuwiex fakultattiv fl-Unjoni Ewropea. Huwa obbligatorju";

R.  billi l-Kummissjoni b'hekk marret lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha billi mmodifikat element regolatorju fundamentali tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, kontra r-rikonoxximent tal-limiti tas-setgħat tagħha fis-smigħ quddiem il-Qorti fil-Kawża T-521-14, kontra l-asserzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2016 u kontra l-prinċipju fundamentali tal-Unjoni tal-istat tad-dritt li semma l-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker;

S.  billi l-fatt li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha huwa kkorroborat ulterjorment mir-rapport ta' sinteżi tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fi Brussell fit-28 ta' Frar 2017, liema rapport jistipula li l-klawsola l-ġdida tiġi miżjuda f'paragrafu ġdid, separatament mill-"kmandamenti" u mill-prinċipji ta' valutazzjoni, b'tali mod li ma tibqax parti mill-kriterji;

T.  billi, anke li kieku l-iżviluppi fl-għarfien xjentifiku u tekniku kellhom jipprovdu raġunijiet validi biex tiddaħħal deroga f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta' sustanzi b'modalità ta' azzjoni endokrinali intenzjonata, tali deroga tista' tiddaħħal biss permezz ta' proċedura leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 bi qbil mal-Artikolu 294 tat-TFUE;

U.  billi, skont is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, "l-Unjoni se tiżviluppa u timplimenta aktar approċċi li jindirizzaw [...] kwistjonijiet ta' tħassib dwar is-sikurezza relatati mal-interferenti endokrinali fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-Unjoni. B'mod partikolari, l-Unjoni se tiżviluppa kriterji armonizzati bbażati fuq il-periklu għall-identifikazzjoni ta' interferenti endokrinali";

V.  billi, skont il-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni, ibbażat fuq talbiet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u kkonfermat mill-ġdid miż-żewġ koleġislaturi fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kriterji xjentifiċi orizzontali bbażati fuq il-periklu għall-identifikazzjoni ta' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati fil-leġiżlazzjoni usa' li tkopri r-regolamentazzjoni tal-interferenti endokrinali f'kuntesti regolatorji differenti;

W.  billi l-kriterji mfissra fl-abbozz ta' regolament mhumiex, madankollu, idonei għall-applikazzjoni orizzontali fil-leġiżlazzzjoni kollha tal-Unjoni, minħabba li fihom tal-anqas żewġ nuqqasijiet:

a.  jonqsu milli jinkludu kategorija ta' interferenti endokrinali suspettati,

b.  jonqsu milli jinkludu "read-across" fil-parti operattiva tad-data li trid tiġi kkunsidrata(12),

  u għaldaqstant mhumiex kompatibbli mal-għan u l-kontenut tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali;

X.  billi n-nuqqas ta' inklużjoni ta' kategorija ta' interferenti endokrinali suspettati jfisser li ma tista' tittieħed l-ebda azzjoni maħsuba biex tindirizza tali sustanzi, dment li ma titressaqx proposta kumplementari li tistabbilixxi kriterji għalihom;

Y.  billi l-inklużjoni ta' kategorija ta' interferenti endokrinali suspettati kienet tkun ta' rilevanza mill-akbar, hekk li kienet tippermetti protezzjoni adegwata minn sustanzi bħal dawn f'setturi oħra, pereżempju fis-settur tal-kożmetiċi, li wkoll għandu projbizzjoni ta' sustanzi li huma ssuspettati li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (sustanzi CMR), b'mod partikolari peress li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 li tirrevedi dak ir-regolament f'dak li jirrigwarda l-interferenti endokrinali sa mhux aktar tard mill-11 ta' Jannar2015;

Z.  billi minħabba li ma kenitx inkluża kategorija ta' interferenti endokrinali suspettati tfisser ukoll li l-abbozz ta' regolament mhuwiex konsistenti mas-sistema ta' klassifikazzjoni eżistenti għal sustanzi CMR kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, li jinkludi klassifikazzjoni ta' sustanza CMR suspettata;

AA.  billi minħabba li ma kenitx inkluża "read-across" fil-parti operattiva jfisser li, jekk il-kriterji stabbiliti fl-abbozz ta' regolament kellhom jiġu applikati f'oqsma oħra, kull sustanza tkun teħtieġ li tiġi ttestjata waħedha u li l-ebda data tat-testijiet fuq sustanzi kimiċi relatati ma tkun tista' tintuża, b'tali mod li, fin-nuqqas ta' data tat-testijiet dwar effetti ħżiena speċifika għas-sustanza, sustanza ma tistax tiġi determinata bħala interferent endokrinali, li jfisser għalhekk li nuqqas ta' ttestjar jiġi ppremjat b'nuqqas ta' azzjoni, u li jkun jirrikjedi ttestjar bla ħtieġa fuq l-annimali;

AB.  billi n-nuqqas tal-inklużjoni espliċita ta' "read-across" bħala parti mill-kunsiderazzjoni tad-data disponibbli kollha mhuwiex konsistenti mas-sistema ta' kklassifikar għal sustanzi CMR kif imniżżel fil-Regolament (KE) Nru 1272/2008, li espliċitament jinkludi "read-across";

AC.  billi l-abbozz ta' regolament jinkludi l-modalità ta' azzjoni endokrinali (it-tieni kmandament) bħala fattur ewlieni li jiddetermina jekk sustanza hijiex interferent endokrinali; billi l-abbozz ta' regolament "modalità ta' azzjoni endokrinali" jqisha identika ma' "jbiddel il-funzjoni(ijiet) tas-sistema endokrinali" biex jallinjaha mad-definizzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa msemmija fil-premessa 2 tal-abbozz ta' Regolament;

AD.  billi l-abbozz ta' gwida jagħti definizzjoni differenti għal modalità ta' azzjoni: "Sekwenza bijoloġika plawsibbli ta' avvenimenti ewlenin li jwasslu għal effett osservat appoġġjat minn osservazzjonijiet sperimentali robusti u data mekkanistika. Modalità ta' azzjoni tiddeskrivi avvenimenti ċitoloġiċi u bijokimiċi ewlenin - jiġifieri dawk li kemm jistgħu jitkejlu kif ukoll huma neċessarji għall-effett osservat - f'qafas loġiku";

AE.  billi l-abbozz ta' gwida għalhekk jipprovdi definizzjoni ferm aktar esiġenti għat-terminu ewlieni "modalità ta' azzjoni" minn dik stabbilita fit-tieni kmandament tal-kriterji, u għalhekk mingħajr ħtieġa jagħmilha aktar diffiċli li jiġu identifikati l-interferenti endokrinali;

AF.  billi r-referenza għall-gwida eżistenti dwar id-data mil-letteratura li għandha tintuża fil-punt (1)(1)(b) tal-abbozz ta' Regolament tistabbilixxi ġerarkija, li tagħti preferenza lil data ġġenerata skont il-protokolli internazzjonali ta' studju maqbula dwar id-data xjentifika, imma tali protokolli ta' studju huma biss disponibbli għal ċerti punti finali għall-ittestjar ta' interferenti endokrinali, u għalhekk hemm riskju serju li data indipendenti waħedha ma titqiesx suffiċjenti biex tikklassifika sustanza bħala interferent endokrinali;

1.  Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.  Iqis li dan l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha u tippreżenta wieħed ġdid lill-kumitat;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni temenda l-abbozz ta' regolament billi tħassar l-aħħar paragrafu tiegħu;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-gwida għall-implimentazzjoni tal-kriterji bbażati fuq il-periklu biex tidentifika interferenti endokrinali (EDs) fil-kuntest tar-Regolamenti (KE) Nru 1107/2009 u (UE) Nru 528/2012 tkun konformi bis-sħiħ mal-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, inkluż approċċ ibbażat fuq il-piż tal-evidenza stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-istess gwida tikkjarifika illi ma hemm l-ebda ġerarkija li tagħti preferenza lil data xjentifika ġġenerata skont protokolli ta' studju maqbula internazzjonalment fuq data xjentifika oħra;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2015, L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni, T-521/14, ECLI:EU:T:2015:976.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0270.

(4)

4 ĠU C 36, 29.1.2016, p. 85.

(5)

ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.

(6)

ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(7)

ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(8)

EFSA Journal 2011;9(2):2092, DOI: 10.2903/j.efsa.2011.2092.

(9)

ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(10)

Minħabba li l-kawża tal-Qorti T-521/14 instemgħet biss bil-Franċiż u bl-Iżvediż, il-verżjoni Ingliża tat-test hi pprovduta mis-servizzi tat-traduzzjoni tal-Parlament Ewropew: "the specification of scientific criteria for the determination of endocrine-disrupting properties may only be performed objectively, in the light of scientific data relating to that system, independently of all other considerations, in particular economic ones".

(11)

Minħabba li l-kawża tal-Qorti T-521/14 instemet biss bil-Franċiż u bl-Iżvediż, il-verżjoni Ingliża tat-test hi provduta mis-servizzi tat-traduzzjoni tal-Parlament Ewropew: "In this context, it is important to note that, when adopting Regulation No 528/2012, the legislature weighed up the objective of improving the internal market and that of protecting human health, animal health and the environment, arriving at conclusions which the Commission must respect and cannot call into question [...]. In the context of the exercise of the powers delegated to it by the legislator, the Commission cannot call that balance into question, a fact which, moreover, that institution has in essence accepted during the hearing."

(12)

"Read-across" tinvolvi l-użu ta' informazzjoni rilevanti minn sustanza jew sustanzi analogi biex ikunu jistgħu jitbassru karatteristiċi għas-sustanza jew sustanzi fil-mira li jkunu qed jiġu kkunsidrati (ara Read-Across Assessment Framework, ECHA, 2017, https://echa.europa.eu/documents/10162/13628/raaf_en.pdf)

Avviż legali