Proċedura : 2017/2897(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0578/2017

Testi mressqa :

B8-0578/2017

Dibattiti :

PV 25/10/2017 - 4
CRE 25/10/2017 - 4

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2017 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0417

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 527kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0576/2017
24.10.2017
PE611.514v01-00
 
B8-0578/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (2017/2897(RSP))


Iratxe García Pérez, Maria Arena, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Nessa Childers, Viorica Dăncilă, Isabella De Monte, Tanja Fajon, Monika Beňová, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Neena Gill, Ana Gomes, Karoline Graswander-Hainz, Anna Hedh, Liisa Jaakonsaari, Karin Kadenbach, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Olle Ludvigsson, Edouard Martin, Costas Mavrides, Marlene Mizzi, Clare Moody, Jens Nilsson, Maria Noichl, Pier Antonio Panzeri, Massimo Paolucci, Pina Picierno, Tonino Picula, Kati Piri, Soraya Post, Evelyn Regner, Christine Revault d’Allonnes Bonnefoy, Liliana Rodrigues, Maria João Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tibor Szanyi, Marita Ulvskog, Elena Valenciano, Josef Weidenholzer, Martina Werner, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho, Richard Corbett f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (2017/2897(RSP))  
B8-0578/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li nfetħet għall-iffirmar f'Istanbul fil-11 ta' Mejju 2011 (minn hawn 'il quddiem "Il-Konvenzjoni ta' Istanbul"),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u, b'mod partikolari l-Artikoli 8, 19, 157, 216 u 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 23, 24, 25 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-NU Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol (2001/2339(INI))(1), tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(2), tal-5 ta' April 2011 dwar il-prijoritajiet u l-punti ewlenin ta' qafas ta' politika ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(3), tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(4); tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa(5) li huma akkumpanjati mill-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew ta' Novembru 2013, tal-24 ta' Novembru 2016 dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(6), u tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(7),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" ("Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2016-2019") (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tal-UE tad-19 ta' Lulju 2017 mill-Estonja, il-Bulgarija u l-Awstrija dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni(9) u r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(11) u d-Direttiva 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(12), li jiddefinixxu u jikkundannaw il-fastidju u l-fastidju sesswali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2014-2015(13), u tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(14),

–  wara li kkunsidra 'l-Gender Equality Index Report' ippubblikat 'mill-European Institute for Gender Equality' f'Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2016 dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-Parlament Ewropew(15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2006 dwar il-politika tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u tal-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali,

–  wara li kkunsidra l-gwida għall-Membri tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Il-prevenzjoni tal-intimidazzjoni fuq il-post tax-xogħol", ippubblikata f'Settembru 2017, u l-pjan ta' azzjoni tal-amministrazzjoni tal-Parlament dwar din il-kwistjoni kruċjali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur fundamentali tal-UE; billi d-dritt għat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali stabbilit fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u jenħtieġ li jiġi rrispettat, promoss u applikat fil-leġiżlazzjoni, fil-prattika, fis-sentenzi ġuridiċi u fil-ħajja ta' kuljum;

B.  billi, skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2017, l-Istati Membri kollha għadhom lura milli jiksbu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-progress miexi bilmod; billi l-vjolenza sessista hija kemm kawża kif ukoll konsegwenza tal-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel;

C.  billi "fastidju sesswali" ifisser kondotta relatata mas-sess li mhijiex mixtieqa mill-persuna li lejha hija indirizzata u li għandha l-għan jew l-effett li toffendi dik il-persuna jew li toħloq ambjent intimidanti, ostili, jew offensiv jew disturbanti; billi l-fastidju sesswali għandu jiġi ttrattat bħala diskriminazzjoni abbażi tas-sess. billi l-fastidju sesswali jista' jiġi espress permezz ta' att wieħed jew b'imġiba persistenti;

D.  billi l-vjolenza u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol huma kwistjonijiet ta' saħħa u sikurezza u għandhom jiġu indirizzati minnufih u impediti bħala tali;

E.  billi r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta' Marzu 2014 bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survey" (Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ fl-UE kollha) juri li mara minn kull għaxra ġiet soġġetta għal fastidju sesswali jew stalking bl-użu ta' teknoloġija ġdida, filwaqt li 75 % tan-nisa fi rwoli ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'responsabilità ogħla kellhom iġarrbu fastidju sesswali; billi dan juri li l-ebda mara jew tifla, irrispettivament mill-età u l-pożizzjoni fil-ħajja, mhi sikura minn vjolenza sessista;

F.  billi l-vjolenza fuq in-nisa hija marbuta mad-distribuzzjoni mhux ugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel, mas-sessiżmu u l-istereotipi tas-sessi, li wasslu biex l-irġiel jiddominaw fuq in-nisa u jiddiskriminaw kontrihom, u mal-prevenzjoni tal-avvanz sħiħ tan-nisa;

G.  billi l-vjolenza fuq in-nisa, inkluż il-fastidju sesswali u l-abbuż sesswali, hija tollerata wisq faċilment; billi, fil-fatt, hija tikkostitwixxi ksur sistemiku tad-drittijiet fundamentali u delitt serju li jrid jiġi kkastigat bħal tali; billi l-impunità trid tintemm sabiex jiġi żgurat li l-awturi jiġu soġġetti għal proċedura kriminali u n-nisa u l-bniet li ħelsuha minn vjolenza jingħataw l-appoġġ u r-rikonoxximent xieraq mis-sistema ġudizzjarja bil-għan li jinkiser iċ-ċiklu vizzjuż tas-silenzju u s-solitudni għal dawk li kienu vittmi ta' vjolenza;

H.  billi t-trasgressuri ta' vjolenza sessista spiss ikunu persuni li l-vittma diġà tafhom u f'ħafna każijiet il-vittma tkun f'pożizzjoni ta' dipendenza, fattur li jżid il-biża' tal-vittma li tirrapporta l-vjolenza;

I.  billi, l-istereotipi tas-sessi u s-sessiżmu, inkluż diskors ta' mibegħda sessist, li jseħħu fid-dinja kollha, offline, online u fil-ħajja pubblika u privata, jikkostitwixxu kawża ewlenija tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa;

J.  billi l-esponiment għal vjolenza u abbuż fiżiċi, sesswali jew psikoloġiċi jħalli impatt qawwi fuq il-vittmi, li jista' jirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, emozzjonali jew psikoloġika jew danni ekonomiċi; billi dan l-impatt jinħass ukoll minn familji u l-qraba u mis-soċjetà kollha kemm hi;

K.  billi l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, iżda sa issa 15 minnhom biss irratifikawha; billi l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ma teżonerax lill-Istati Membri mir-ratifika fil-livell nazzjonali;

L.  billi l-Artikolu 40 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul jistipula li "Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex ikun żgurat li kull forma ta' mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta' natura sesswali, bil-għan jew bl-effett li tmur kontra d-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv, tkun soġġetta għal sanzjonijiet kriminali jew oħrajn legali";

M.  billi l-vjolenza u l-fastidju sesswali fi spazji pubbliċi huma mifruxa fl-Unjoni Ewropea;

N.  billi l-vjolenza u l-fastidju fil-ħajja politika jolqtu lin-nisa b'mod sproporzjonat minħabba l-ġeneru tagħhom;

O.  billi dan it-tip ta' vjolenza jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż l-obbligu li jiġi żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw liberament fir-rappreżentanza politika; billi dawn il-libertajiet huma minquxa fil-ftehimiet internazzjonali, bħalma huma l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), il-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

P.  billi stħarriġ mill-Unjoni Interparlamentari (IPU) ikkonkluda li, fost in-nisa li jipparteċipaw fil-ħajja politika fid-dinja kollha, inklużi dawk fi 15-il pajjiż Ewropew, 81.8 % ta' dawk li wieġbu fil-pajjiżi u r-reġjuni kollha esperjenzaw vjolenza psikoloġika, u 65.5 % kienu soġġetti bosta drabi, jew ta' spiss, għal rimarki sessisti umiljanti tul il-mandat parlamentari tagħhom;

Q.  billi taħriġ għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għall-Membri tal-PE u għall-persunal tal-Parlament, partikolarment dawk f'pożizzjonijiet ta' maniġment, huwa importanti għall-promozzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-oqsma ta' politiki u l-istadji kollha; billi mhux qed jiġu allokati biżżejjed fondi u riżorsi umani biex jiġi żgurat progress reali f'dak li jikkonċerna l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet tal-Parlament;

R.  billi l-fastidju sesswali huwa definit fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni;

S.  billi, fis-26 ta' April 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar il-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u tal-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali;

T.  billi l-biċċa l-kbira tal-parlamenti nazzjonali fl-UE m'għandhomx miżuri attivi biex jiġġieldu l-fastidju sesswali u l-abbuż sesswali fuq il-post tax-xogħol; billi l-Parlament waqqaf Kumitat Konsultattiv speċifiku biex jittratta l-ilmenti dwar fastidju bejn l-assistenti parlamentari akkreditati (APAs) u l-Membri, filwaqt li Kumitat Konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol qed jittratta proċeduri formali oħra relatati ma' membri tal-persunal tal-amministrazzjoni u l-gruppi politiċi tal-Parlament;

Tolleranza żero għall-fastidju sesswali u l-abbuż sesswali fl-UE

1.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa, u jiddeplora l-fatt li n-nisa u l-bniet spiss jiġu esposti għal fastidju sesswali u abbuż sesswali, li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tagħhom;

2.  Ifakkar li l-fastidju sesswali jista' jieħu forom differenti (fiżiku, verbali, bil-kitba jew mod ieħor) u jinvolvi persuni tas-sess oppost jew tal-istess sess; billi firxa ta' tipi differenti ta' mġiba tista' titqies bħala fastidju sesswali, pereżempju: wegħdiet ta' xi tip ta' kumpens (avvanz fil-karriera, eċċ.) minflok favuri sesswali, jew theddid ta' ritaljazzjoni jekk tali talbiet jiġu respinti; tennija ta' kummenti vulgari jew suġġestivi, jew innuendo sesswali; l-użu ta' lingwaġġ jew ġesti espliċiti u oxxeni; kumplimenti ripetuti u esaġerati dwar id-dehra ta' kollega; kuntatt fiżiku, tħakkik ma' xi ħadd, qris, jew bews deliberat mhux mixtieq; atti ta' voyeurism jew esibizzjoniżmu; l-użu ta' materjal pornografiku;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jikkriminalizzaw il-fastidju sesswali u l-abbuż sesswali fil-forom kollha tagħhom, u jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex jiżguraw li dawn jiġu eliminati b'mod effikaċi; huwa tal-fehma li biex jinkiseb dan jeħtieġ, fost l-oħrajn: li ssir kriminalizzazzjoni tal-fastidju sesswali fil-postijiet pubbliċi, il-ħajja politika u fuq il-post tax-xogħol; li jsiru kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi ta' fastidju sesswali u bullying; li jingħata taħriġ lill-pulizija u l-membri tas-sistema tal-ġustizzja kriminali dwar id-drittijiet tal-vittmi u li jiġi infurzat protokoll strett għall-appoġġ tal-vittmi u ssir investigazzjoni ta' każijiet ta' fastidju sesswali u bullying; li jiġi pprovdut parir legali u appoġġ mingħajr ħlas lill-vittmi li jressqu l-każijiet quddiem il-qorti;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ċari biex jiġi miġġieled il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol b'mod aktar effikaċi; jiddispjaċih mill-fatt li minkejja d-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tal-individwi mid-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg, 30 % tal-persuni transġeneru li jfittxu impjieg esperjenzaw diskriminazzjoni huma u jfittxu xogħol u n-nisa transġeneru x'aktarx kienu dawk li l-aktar ħassewhom iddiskriminati fis-sena ta' qabel l-istħarriġ dwar l-LGBT tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li dan huwa ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovu b'mod attiv bidla fl-attitudnijiet u fl-imġiba u li jiġġieldu s-sessiżmu u r-rwoli sterjotipati tal-ġeneru, inkluż billi jippromwovi lingwa newtrali għall-ġeneru, jagħmlu sforzi konġunti biex jiġi indirizzat ir-rwol ewlieni tal-mezzi tax-xandir u r-reklamar f'dan il-qasam, u li jinkoraġġixxu lil kulħadd, inklużi l-irġiel u s-subien, jassumu rwol attiv fil-prevenzjoni ta' kull forma ta' vjolenza;

6.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li fis-sistemi edukattivi tagħhom ikun hemm, b'mod obbligatorju, sensibilizzazzjoni dwar il-kunsens sesswali u l-fastidju sesswali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu u tinvesti fi djalogu mal-mezzi tax-xandir dwar ir-responsabilità tagħhom li jipprovdu informazzjoni oġġettiva dwar il-vjolenza u l-fastidju sesswali fi spazji pubbliċi, fuq il-post tax-xogħol u bnadi oħra, u biex jiġu mħeġġa jagħtu prominenza lill-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u lill-ħidma tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

8.  Jilqa' l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta' Istanbul fit-13 ta' Ġunju 2017; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaċċeleraw in-negozjati dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; iħeġġeġ lill-Presidenza Estonjana taċċelera r-ratifika tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw id-direttivi eżistenti tal-UE dwar din il-kwistjoni, b'mod partikolari d-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol u d-Direttiva 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, li jiddefinixxu u jikkundannaw il-fastidju u l-fastidju sesswali, u jistedinhom ukoll jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati bil-għan li jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-vjolenza, il-fastidju sesswali u l-abbuż sesswali, jagħtu s-setgħa lin-nisa u lill-bniet, jipproteġu lill-vittmi u jħarsu d-dritt tal-vittmi għal kumpens;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2011/99/UE dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni, ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili u d-Direttiva 2012/29/EU dwar il-protezzjoni tal-vittmi; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-rapport ta' implimentazzjoni tagħha, li kien mistenni għall-1 ta' Jannar 2016;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti att legali li jappoġġa lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u t-trażżin tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u tal-vjolenza sessista;

12.  Jistieden lill-Kunsill jattiva l-klawsola "passerelle" billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħrajn ta' vjolenza sessista) bħala qasam ta' kriminalità skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-deċiżjoni Qafas tal-UE attwalment fis-seħħ dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, bil-għan li jiġu inklużi s-sessiżmu, l-atti kriminali ta' preġudizzju u l-inċitament għall-mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-ġbir ta' data diseggregata komparabbli dwar il-vjolenza sessista fil-livell tal-UE;

Fastidju sesswali fil-parlamenti tal-UE, inkluż il-Parlament Ewropew

15.  Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw is-sitwazzjoni tal-fastidju u l-abbuż sesswali, biex jieħdu miżuri attivi ħalli jiġġielduhom fil-parlamenti nazzjonali tagħhom, u jimplimentaw u jinfurzaw b'mod adegwat politika ta' rispett u dinjità fuq il-post tax-xogħol għall-membri eletti u l-persunal; jitlob li l-implimentazzjoni ta' tali politika tiġi mmonitorjata;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ u protezzjoni għall-membri parlamentari li jkollhom kuntatt mal-pubbliku, b'mod partikolari dawk li qed jesperjenzaw abbuż sesswali u theddid ta' vjolenza sessista, anki online;

17.  Jitlob li jiġu organizzati skambji tal-aħjar prattika fil-livelli kollha ma' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra bħall-UN Women, il-Kunsill tal-Ewropa, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet ikkonċernati involuti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

18.  Jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm djalogu miftuħ u kontinwu mal-parlamenti nazzjonali, bil-għan li jiġi promoss approċċ komuni u jiġu żviluppati ulterjorment l-aħjar prattiki biex isir progress fl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali fil-parlamenti;

19.  Jitlob li jitlaqqa' kumitat ta' esperti indipendenti b'mandat li jeżamina s-sitwazzjoni tal-fastidju u l-abbuż sesswali fil-Parlament Ewropew;

20.  Jiddeċiedi li jirrevedi u jsaħħaħ il-funzjonament tal-Kumitat Konsultattiv li jittratta l-ilmenti ta' fastidju bejn l-assistenti parlamentari akkreditati u l-Membri tal-Parlament; jitlob li l-Kumitat Konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu jissaħħaħ bil-ħsieb li jiġu kkonsolidati l-miżuri pożittivi tiegħu u jiġu evitati l-kunflitti ta' interess rigward il-membri ta' dawk il-kumitati importanti, u li jiġi stabbilit kumitat iddedikat speċjali dwar il-fastidju sesswali, li jinkludi konsulent legali u rappreżentanti tal-persunal mediku, bil-għan li jinvestiga każijiet formali, jinżamm reġistru kunfidenzjali tal-każijiet matul iż-żmien u jiġi adottat l-aħjar mod biex tiġi żgurata tolleranza żero fil-livelli kollha tal-istituzzjoni;

21.  Jiddeċiedi li jappoġġa bis-sħiħ lill-vittmi li jressqu l-każijiet fi ħdan il-Parlament Ewropew u/jew mal-pulizija lokali, bil-għan li jiġu attivati miżuri għall-protezzjoni ta' emerġenza u salvagwardja fejn meħtieġ u jiġi implimentat bis-sħiħ l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li jiġi żgurat li l-każijiet jiġu investigati bis-sħiħ u li jittieħdu miżuri dixxiplinari;

22.  Huwa determinat li jiżgura l-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni b'saħħtu u effikaċi fl-interess tal-prevenzjoni u l-appoġġ u t-taħriġ obbligatorju għall-persunal u l-Membri kollha dwar ir-rispett u d-dinjità fuq il-post tax-xogħol bil-għan li jiġi żgurat li approċċ ta' tolleranza żero isir in-norma; huwa determinat li jinvolvi ruħu bis-sħiħ fil-kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jinvolvu l-Membri u s-servizzi kollha tal-amministrazzjoni, b'enfasi speċjali fuq il-gruppi fl-aktar pożizzjonijiet vulnerabbli, bħat-trainees, l-assistenti parlamentari akkreditati u l-aġenti kuntrattwali;

23.  Huwa determinat li jistabbilixxi netwerk istituzzjonali ta' counsellors kunfidenzjali biex jappoġġaw u jassistu lill-vittmi, kif hija l-prattika fil-Kummissjoni;

24.  Jirrakkomanda li, darba fis-sena, l-Ombudsman Ewropew jipprovdi lill-Grupp ta' Livell Għoli tal-Parlament dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità data li tikkonċerna l-ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina relatata mal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament, bir-rispett dovut għad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman;

o

o    o

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-parlamenti u l-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1)

ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 138.

(2)

ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.

(3)

ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.

(4)

ĠU C 168E, 14.6.2013, p. 102.

(5)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 2.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2016)0451.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2017)0329.

(8)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(9)

ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.

(10)

ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.

(11)

ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(12)

ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2017)0073.

(14)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 2.

(15)

Testi adottati, P8_TA(2016)0072.

Avviż legali