Proċedura : 2017/2861(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0593/2017

Testi mressqa :

B8-0593/2017

Dibattiti :

PV 14/11/2017 - 12
CRE 14/11/2017 - 12

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2017 - 13.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0439

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 433kWORD 54k
9.11.2017
PE614.229v01-00
 
B8-0593/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar in-negozjati multilaterali fid-dawl tal-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO fi Buenos Aires, bejn l-10 u t-13 ta' Diċembru 2017 (2017/2861(RSP))


Bernd Lange, Paul Rübig f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati multilaterali fid-dawl tal-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO fi Buenos Aires, bejn l-10 u t-13 ta' Diċembru 2017 (2017/2861(RSP))  
B8-0593/2017

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-14 ta' Novembru 2001(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Hong Kong tad-WTO tat-18 ta' Diċembru 2005(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA), partikolarment dawk tad-9 ta' Ottubru 2008(3), tas-16 ta' Diċembru 2009(4), tal-14 ta' Settembru 2011(5), tal-21 ta' Novembru 2013(6) u tas-26 ta' Novembru 2015(7),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tad-Disa' Konferenza Ministerjali ta' Bali f'Diċembru 2013 u partikolarment il-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ(8),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Għaxar Konferenza Ministerjali li saret f'Nairobi f'Diċembru 2015, u d-Dikjarazzjoni Ministerjali adottata fid-19 ta' Diċembru 2015(9),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Eżitu adottat b'kunsens fl-14 ta' Ġunju 2016 waqt is-Sessjoni Annwali tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO f'Ġinevra(10),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU(11),

–  wara li kkunsidra s-Sitt Rieżami Globali tal-Għajnuna għall-Kummerċ, li sar f'Ġinevra mill-11 sat-13 ta' Lulju 2017(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi sa mill-ħolqien tagħha, id-WTO żvolġiet rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-multilateraliżmu, billi tippromwovi ordni ekonomiku dinji inklużiv u trawwem sistema kummerċjali multilaterali miftuħa, bbażata fuq ir-regoli u nondiskriminatorja; billi ċ-Ċiklu ta' Doha tnieda fl-2001 bl-objettivi li jinħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda, jissaħħu r-regoli kummerċjali multilaterali u jiġu indirizzati l-iżbilanċi attwali fis-sistema kummerċjali billi l-esiġenzi u l-interessi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u speċjalment tal-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) jitqiegħdu fil-qalba tan-negozjati;

B.  billi l-UE kienet konsistentement favur approċċ multilaterali b'saħħtu bbażat fuq ir-regoli fir-rigward tal-kummerċ, filwaqt li tirrikonoxxi li l-approċċi komplementari bħall-ftehimiet bilaterali, reġjonali u plurilaterali jistgħu wkoll irawmu l-ftuħ tal-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku, speċjalment billi jiżblokkaw il-liberalizzazzjoni u jaġġornaw regoli u dixxiplini f'oqsma politiċi ttrattati b'inqas reqqa mid-WTO, u jistgħu jsostnu s-sistema multilaterali, bil-patt li tali ftehimiet jaqblu mad-WTO, huma bbażati fuq regoli kondiviżi u joħolqu l-kundizzjonijiet għal multilateralizzazzjoni futura possibbli;

C.  billi r-riżultati tad-Disa' Konferenza Ministerjali tal-2013 kienu ta' importanza sistemika, b'mod partikolari l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, l-aktar ftehim kummerċjali multilaterali sinifikanti konkluż mindu twaqqfet id-WTO fl-1995;

D.  billi ċerti Membri tad-WTO qegħdin jippruvaw jimminaw il-mudell attwali għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-kummerċ internazzjonali; billi l-Korp tal-Appell tad-WTO qiegħed jersaq lejn l-għadd minimu ta' mħallfin li għandu bżonn biex jaħdem; billi l-Istati Uniti reċentement ċaħdet proposti mill-UE u xi pajjiżi tal-Amerika Latina biex jinbeda proċess ta' għażla għall-mili ta' għadd dejjem jikber ta' postijiet tax-xogħol battala; billi dan l-imblokk, li diġà ħalla tnejn minn seba' siġġijiet fuq il-Korp Tal-Appell vakanti, jista' jwassal għall-kollass ta' sistema li hija essenzjali għall-ġestjoni tat-tilwim fost in-nazzjonijiet kummerċjali l-iktar b'saħħithom fid-dinja;

E.  billi r-riżultati miksuba fl-Għaxar Konferenza Ministerjali fl-2015 kienu wkoll ta' importanza ewlenija, b'serje ta' sitt deċiżjonijiet ministerjali dwar l-agrikoltura, il-qoton u kwistjonijiet relatati mal-LDCs, inkluż impenn biex jitneħħew is-sussidji tal-esportazzjoni għall-esportazzjonijiet agrikoli, li probabbilment huwa l-aktar riżultat sinifikanti għall-qasam tal-agrikoltura li qatt kien hemm fi ħdan id-WTO;

F.  billi diskussjonijiet reċenti dwar kif jista' jinkiseb progress dwar id-DDA, urew li jeżistu fehmiet differenti fost il-membri tad-WTO dwar kif għandhom jitkomplew in-negozjati - turija tal-ħtieġa għal rieżami tal-livell ta' ambizzjoni sabiex jinkisbu b'mod realistiku riżultati fil-pilastri kollha tan-negozjati, u billi dan ir-rieżami jeħtieġ li jqis bis-sħiħ ir-realtà tal-ambjent kummerċjali tal-lum;

G.  billi t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija tiftaħ kanali ġodda għall-kummerċ, li tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fil-kummerċ dinji permezz tal-kummerċ elettroniku; billi din hija dejjem iktar kwistjoni li fiha d-WTO jista' jkollha rwol importanti;

H.  billi l-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO se ssir fi Buenos Aires, l-Arġentina, mill-10 sat-13 ta' Diċembru 2017;

1.  Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur il-valur dejjiemi tal-multilateraliżmu, u jappella għal aġenda kummerċjali bbażata fuq kummerċ ħieles, ġust u bbażat fuq ir-regoli għall-benefiċċju ta' kulħadd, li tappoġġa l-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli billi tagħti importanza primarja lid-drittijiet soċjali, ambjentali u lid-drittijiet tal-bniedem, u tiżgura regoli miftiehma b'mod multilaterali u armonizzati, applikati b'mod uniformi għal kulħadd;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li nibnu fuq ir-riżultati miftehma fid-Disgħa u l-Għaxar Konferenza Ministerjali biex jittieħdu u jiġu garantiti passi progressivi fil-11-il Konferenza Ministerjali fi Buenos Aires f'Diċembru 2017, bil-għan li tinżamm u tissaħħaħ l-arkitettura kummerċjali multilaterali; jenfasizza li, minkejja dan, il-partijiet għandhom isegwu objettivi politiċi ġodda fl-oqsma tal-kummerċ diġitali u l-faċilitazzjoni tal-investiment;

3.  Iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO jikkapitalizzaw fuq il-momentum li nħoloq mill-progress reċenti, filwaqt li jżommu f'moħħhom l-objettiv strateġiku li tissaħħaħ is-sistema kummerċjali multilaterali u l-ħtieġa li tiġi konsolidata d-WTO bħala ċ-ċentru tan-negozjati kummerċjali, filwaqt li fl-istess ħin jiġi rikonoxxut li hemm bżonn ta' approċċi ġodda biex jiġu ffaċċjati l-isfidi attwali; jirrikonoxxi li l-flessibbiltà, it-trasparenza, l-inklużività u l-impenn politiku se jkunu kruċjali biex isir progress b'mod globali, bilanċjat u realistiku fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li għad fadal tad-DDA; huwa tal-fehma li, mindu tnieda ċ-Ċiklu ta' Doha fl-2001, id-dinja nbidlet b'mod drammatiku f'termini ekonomiċi, politiċi u teknoloġiċi, u li hemm bżonn li jiġu diskussi sfidi ġodda bħall-kummerċ elettroniku, il-kummerċ diġitali, it-trasparenza fl-investiment, is-sussidji u l-kapaċità żejda, il-ktajjen ta' valur globali, l-akkwist pubbliku, ir-regolamentazzjoni domestika fis-servizzi, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) u kompatibbiltà akbar bejn l-aġendi tal-kummerċ, ix-xogħol u l-ambjent lil hinn mid-DDA, li jista' jsir mingħajr preġudizzju għal kwistjonijiet pendenti dwar id-DDA; jenfasizza l-ħtieġa biex il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ikunu jistgħu jsibu l-approċċi tagħhom stess biex ikomplu jiżguraw opportunitajiet indaqs f'dawn is-setturi l-ġodda;

4.  Jenfasizza l-importanza li d-WTO tiffunzjona bħala forum ta' negozjati effiċjenti u effikaċi dwar il-kwistjonijiet kollha ta' interess għall-membri tagħha, u li tipprovdi pjattaforma għal diskussjoni miftuħa dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ globali;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jasal fi Buenos Aires bi proposti testwali avvanzati sew sabiex jiġu żgurati negozjati aktar trasparenti u inklużivi, peress li l-Konferenza Ministerjali għandha tkun imħejjija tajjeb permezz ta' negozjati fil-livell ta' kumitat; ifaħħar, f'dan ir-rigward, in-negozjati avvanzati dwar is-sussidji għas-sajd bħala mod kif jiġi miġġieled is-sajd żejjed kif ukoll is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat;

6.  Jieħu nota tal-proposti mressqa dwar l-appoġġ nazzjonali għall-agrikoltura, inkluża l-proposta konġunta mill-UE u l-Brażil; iqis li jkun riżultat kruċjali għall-11-il Konferenza Ministerjali jekk id-dibattitu f'dan il-qasam jimxi 'l quddiem; itenni, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni permanenti dwar il-ħażna pubblika għal skopijiet ta' sigurtà alimentari, l-appoġġ għall-industrija tal-qoton u s-sussidji, f'konformità mad-Deċiżjoni Ministerjali ta' Nairobi; jenfasizza li n-negozjati dwar dan is-suġġett u l-potenzjal tagħhom m'għandhomx jieħdu preċedenza fuq id-diskussjonijiet dwar il-futur tal-politika agrikola komuni;

7.  Jafferma mill-ġdid l-importanza li jimxu 'l quddiem negozjati u li jinkisbu riżultati dwar kwistjonijiet oħra li tqajmu mill-membri, inklużi: ir-regolamentazzjoni domestika fis-servizzi, il-kummerċ elettroniku, il-faċilitazzjoni tal-investiment, is-sussidji orizzontali u t-titjib fit-trasparenza u l-prattiki regolatorji tajba għall-benefiċċju tal-SMEs;

8.  Jemmen li r-riżultat tal-Konferenza Ministerjali tal-2017 għandu jagħraf b'mod ċar l-importanza tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-2030 u l-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u r-rwol li jista' jkollu l-kummerċ fil-kontribut lejn l-ilħuq tagħhom, u li dan irid jiddefinixxi azzjonijiet konkreti li għandhom jittieħdu f'dan ir-rigward, peress li standards globali u kundizzjonijiet multilaterali ekwivalenti huma ta' benefiċċju għall-kummerċ globali;

9.  Jafferma mill-ġdid ir-rabtiet bejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp inklużiv, filwaqt li jenfasizza li l-emanċipazzjoni tan-nisa hija fundamentali għall-qerda tal-faqar u li t-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni tan-nisa hija kritika għall-iżvilupp ekonomiku; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu żviluppati interventi li jindirizzaw l-firxa ta' ostakli li jillimitaw l-opportunitajiet għan-nisa fl-ekonomija; jistieden lill-membri tad-WTO jinkludu programm ta' ħidma biex ikun żgurat li fost ir-riżultati tal-Konferenza Ministerjali tal-2017 ikun hemm politika kummerċjali konxja tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

10.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-Sitt Rieżami Globali tal-Għajnuna għall-Kummerċ li sar f'Lulju 2017 f'Ġinevra, bit-titolu "promoting trade, inclusiveness and connectivity for sustainable development" (il-promozzjoni tal-kummerċ, l-inklużività u l-konnettività għal żvilupp sostenibbli), u li ffoka fost l-oħrajn fuq il-bżonn li jitnaqqas id-distakk diġitali;

11.  Jappoġġa l-fehma li dan għandu jissarraf f'azzjonijiet konkreti sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ elettroniku u l-opportunitajiet diġitali jinbidlu f'realtajiet kummerċjali; jissottolinja li konnettività aħjar toffri aktar opportunitajiet ta' negozju billi tagħmilha aktar faċli u irħas biex anke n-negozjanti tal-MSMEs fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom aċċess għas-swieq; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-investimenti fl-infrastruttura jibqgħu sfida ewlenija u li huwa kruċjali li jinkiseb progress f'dan il-qasam; jappella, għalhekk, biex il-membri tad-WTO jippromwovu l-investiment fl-infrastruttura, filwaqt li jinkoraġġixxu, fost inizjattivi oħra, sħubiji pubbliċi-privati;

12.  Jenfasizza l-importanza ta' diskussjoni dwar it-tweġibiet ta' politika kummerċjali possibbli għall-fenomenu dejjem jikber ta' servitizzazzjoni fil-qasam tal-kummerċ f'oġġetti (''modalità 5'');

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha favur l-iżvilupp ta' ġabra ta' dixxiplini multilaterali vinkolanti dwar il-kummerċ elettroniku fi ħdan id-WTO; jappoġġa l-komunikazzjoni tal-UE ''An enabling environment to facilitate online transactions'' (Ambjent favorevoli li jiffaċilita t-tranżazzjonijiet online) ippreżentata lill-Membri tal-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi f'Ġunju 2017, li tipprovdi xprun tant meħtieġ u sett f'waqtu ta' prinċipji komuni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, messaġġi mhux mitluba, servizzi ta' awtentikazzjoni u dawk fiduċjarji, u kuntratti elettroniċi, li jsaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi online u joħolqu ambjent li jippermetti l-kummerċ diġitali;

14.  Iħeġġeġ il-bidu mill-ġdid tan-negozjati kummerċjali plurilaterali b'rabta mal-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali;

15.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ fit-22 ta' Frar 2017; iqis li dan il-ftehim se jissarraf f'benefiċċji sinifikanti għall-membri kollha tad-WTO, u partikolarment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għall-operaturi ekonomiċi rilevanti, billi jsaħħaħ it-trasparenza u ċ-ċertezza ġuridika u jnaqqas il-kostijiet amministrattivi kif ukoll it-tul tal-proċeduri doganali;

16.  Jenfasizza l-importanza li l-membri kollha tad-WTO jagħtu segwitu għad-deċiżjonijiet li ttieħdu kemm f'Nairobi kif ukoll f'Bali, inkluż il-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ta' esportazzjoni għal fornituri tas-servizzi tal-LDCs skont id-deroga għas-servizzi tal-LDCs u s-semplifikazzjoni tar-regolamenti dwar ir-regoli ta' oriġini; jinnota l-interess li qed jikber fost il-membri tad-WTO fi ftehim ta' faċilitazzjoni tas-servizzi; jitlob sforzi msaħħa fuq livell multilaterali biex jiġu semplifikati u armonizzati ulterjorment ir-regoli tal-oriġini;

17.  Jisħaq fuq l-importanza kruċjali tad-WTO fir-rigward tas-sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli, u jqis kritika l-ħtieġa li jiġu żgurati l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha, l-infurzar ta' impenji vinkolanti u r-riżoluzzjoni tat-tilwim kummerċjali, kif ukoll il-kontribut uniku tagħha fil-promozzjoni ta' aktar trasparenza u reviżjoni bejn il-pari, partikolarment permezz tal-Mekkaniżmu ta' Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali (TPRM); jesprimi l-akbar tħassib tiegħu li diversi karigi fuq il-Korp tal-Appell għadhom battala, u li dan irażżan bil-qawwi l-ħidma ta' dan il-korp kruċjali billi jhedded li jimmina l-funzjonament attwali u tajjeb tas-soluzzjoni tat-tilwim, u jinsisti fuq deċiżjoni rapida dwar il-mili ta' dawn il-karigi;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' dikjarazzjoni finali tal-11-il Konferenza Ministerjali, li fiha l-membri jistgħu jispeċifikaw oqsma ġodda u oqsma elenkati fuq l-aġenda taċ-Ċiklu ta' Doha li dwarhom se jibdew u se jkomplu jinnegozjaw;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-Parlament ikompli jkun involut mill-qrib fit-tħejjija tal-11-il Konferenza Ministerjali, jinżamm aġġornat fil-pront u jiġi kkonsultat matul il-Konferenza Ministerjali 2017; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni quddiem il-membri l-oħra tad-WTO biex tiżdied l-importanza tad-dimensjoni parlamentari tad-WTO;

20.  Jistieden lill-membri tad-WTO jiżguraw il-leġittimità demokratika u t-trasparenza billi tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tad-WTO; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-parlamentari jkollhom aċċess aħjar għan-negozjati kummerċjali u jkunu involuti fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-WTO u li l-politiki kummerċjali jkunu analizzati adegwatament fl-interessi taċ-ċittadini tagħhom;

21.  Jiddispjaċih li l-Konferenza Ministerjali qasira tad-9 u l-10 ta' Ottubru f'Marrakesh ma waslitx għal progress sinifikanti fir-rigward tal-11-il Konferenza Ministerjali; jistieden lill-partijiet kollha jerfgħu bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħhom u li fin-negozjati jsarrfu r-rieda li ħarġet mid-dikjarazzjonijiet politiċi f'azzjonijiet konkreti, biex b'hekk jinkisbu riżultati pożittivi fil-11-il Konferenza Ministerjali fi Buenos Aires, u tinħoloq bażi soda għal aktar azzjonijiet u deċiżjonijiet lil hinn mill-Konferenza Ministerjali tal-2017;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.

 

(1)

Dikjarazzjoni ministerjali ta' Doha (WT/MIN(01)/DEC/1) tal-20 ta' Novembru 2001

https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/min01_e/mindecl_e.htm

(2)

Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Hong Kong (WT/MIN (05)/DEC) tat-18 ta' Diċembru 2005

https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/min05_e/final_text_e.htm

(3)

ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 31.

(4)

ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 1.

(5)

ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 84.

(6)

ĠU C 436, 24.11.2016, p. 6.

(7)

ĠU C 366, 27.10.2017, p. 140.

(8)

Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Bali (WT/MIN(13)/DEC) tas-7 ta' Diċembru 2013

https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/mc9_e/balideclaration_e.htm

(9)

Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Nairobi (WT/MIN(15)/DEC) tad-19 ta' Diċembru 2015

https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/mc10_e/nairobipackage_e.htm

(10)

http://www.ipu.org/splz-e/trade16/outcome.pdf

(11)

http://www.un.org/sustainabledevelopment/sustainable-development-goals/

(12)

https://www.wto.org/english/tratop_e/devel_e/a4t_e/gr17_e/gr17programme_e.htm

Avviż legali