Proċedura : 2017/2931(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0594/2017

Testi mressqa :

B8-0594/2017

Dibattiti :

PV 15/11/2017 - 7
CRE 15/11/2017 - 7

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2017 - 13.16
CRE 15/11/2017 - 13.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 417kWORD 50k
6.11.2017
PE614.230v01-00
 
B8-0594/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qagħda tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja (2017/2931(RSP))


Ryszard Legutko, Anna Fotyga, Tomasz Poręba, Ryszard Czarnecki, Karol Karski, Edward Czesak, Beata Gosiewska, Czesław Hoc, Marek Jurek, Sławomir Kłosowski, Zdzisław Krasnodębski, Urszula Krupa, Zbigniew Kuźmiuk, Stanisław Ożóg, Bolesław Piecha, Jadwiga Wiśniewska, Kosma Złotowski f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja (2017/2931(RSP))  
B8‑0594

Il-Parlament Ewropew,

 

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jiddefinixxu l-kategoriji u l-oqsma ta' kompetenza tal-UE,

 

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-prinċipju tas-sussidjarjetà,

 

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-TUE dwar ir-riskju ta' ksur serju jew ksur serju u persistenti tal-istat tad-dritt,

 

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.  billi l-Gvern Pollakk attwali għandu l-aktar mandat ta' gvern qawwi fl-istorja tal-pajjiż mill-waqgħa tal-Komuniżmu sa hawn;

 

B.  billi għadu għaddej proċess ta' konsultazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk dwar it-Tribunal Kostituzzjonali u r-riforma tal-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali u l-Qorti Suprema;

 

C.  billi, skont l-Artikolu 7 TUE, huma l-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, pjuttost milli l-Kummissjoni, li huma kompetenti biex jiddeterminaw ir-riskju ta' ksur serju jew ksur serju u persistenti tal-istat tad-dritt;

 

D.  billi l-Polonja qatt ma naqset fl-impenn tagħha lejn l-istat tad-dritt; billi huwa dan il-prinċipju li jiggwida lill-gvern fl-implimentazzjoni tar-riformi mħabbra waqt il-kampanja elettorali;

 

E.  billi, skont il-prinċipju tat-Trattat dwar kooperazzjoni leali, il-Polonja qed timpenja ruħha b'mod eżawrjenti fi djalogu mal-Kummissjoni dwar ir-riformi tal-gvern u qed tipprovdi spjegazzjonijiet komprensivi f'dan ir-rigward, kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri;

 

F.  billi l-bidliet tas-sistema ġudizzjarja huma soġġetti għal konsultazzjonijiet pubbliċi u politiċi wiesgħa, u billi l-forma finali ta' leġiżlazzjoni li tirregola l-Qorti Suprema u l-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali għadha mhux magħruf;

 

G.  billi l-Gvern Pollakk wieġeb b'mod komprensiv u f'waqtu għar-rakkomandazzjonijiet kollha preċedenti li saru mill-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja, u ssottolinja li l-miżuri leġiżlattivi meħuda, li għandhom bħala l-objettiv primarju tagħhom ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja, huma f'konformità mal-istandards Ewropej u jilħqu l-aspettattivi tal-pubbliku f'dan ir-rigward;

1.  Jenfasizza li skont l-Artikolu 5 tat-TUE, li jiddefinixxi l-prinċipju tas-sussidjarjetà f'oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni taġixxi biss jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri;

 

2.  Jinnota, għalhekk, li l-proposti leġiżlattivi ġodda, bħalma huma l-proposti għal liġijiet dwar il-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali u l-Qorti Suprema, jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal indħil mill-istituzzjonijiet tal-UE, peress li l-għanijiet tagħhom jintlaħqu l-aħjar mill-awtoritajiet Pollakki fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

 

3.  Itenni li konsultazzjonijiet avvanzati bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Polonja għadhom għaddejjin; jenfasizza li bidliet fl-oqsma ta' hawn fuq huma s-suġġett ta' diskussjoni bejn il-Gvern, il-President, l-oppożizzjoni u esperti, kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi u soċjali;

 

4.  Jirrimarka li l-Kummissjoni, fid-djalogu tagħha mal-Polonja, tirreferi għal proċess leġiżlattiv li għaddej attwalment u għalhekk qed issir parteċipant f'dibattitu politiku intern, ħaġa li ma tiffaċilitax soluzzjoni sostantiva tat-tilwima;

 

5.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ta' spiss tapplika standards doppji meta tagħmel ir-riżervi tagħha, billi tikkundanna lill-Gvern għall-introduzzjoni ta' miżuri li jiġu applikati fi Stati Membri oħra, bħal etajiet tal-irtirar differenti għall-irġiel u n-nisa;

 

6.  Jenfasizza li dibattitu ta' dan it-tip ma jistax jiġi politiċizzat u jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-fatti u fuq ir-rispett tas-sovranità tal-Istati Membri; iqis li n-numru ta' każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar nuqqas ta' eżekuzzjoni tas-sentenzi tagħha jista' jkun indikatur f'dan ir-rigward; jinnota li l-Polonja għandha biss żewġ każijiet bħal dawn fil-fażi preġudizzjarja, li huwa ħafna anqas minn xi Stati Membri oħra, li għandhom sa 11-il każ bħal dawn;

 

7.  Ifakkar li huma l-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, pjuttost milli l-Kummissjoni, li huma kompetenti biex jiddeterminaw ir-riskju ta' ksur serju jew ta' ksur serju u persistenti tal-istat tad-dritt;

 

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt.

Avviż legali